Sib informazzjoni għal kull reġjun
- Internazzjonaliii
- Belġjube
- Bulgarijabg
- Repubblika Ċekacz
- Danimarkadk
- Ġermanjade
- Estonjaee
- Irlandaie
- Greċjael
- Spanjaes
- Franzafr
- il-Kroazjahr
- Italjait
- Ċiprucy
- Latvjalv
- Litwanjalt
- Lussemburgulu
- Ungerijahu
- Maltamt
- Olandanl
- Awstrijaat
- Polonjapl
- Portugallpt
- Rumanijaro
- Slovenjasi
- Slovakkjask
- Finlandjafi
- Svezjase
X’informazzjoni joffri r-reġistru pubbliku Ċek?
Ir-reġistru pubbliku jżomm rekord ta' informazzjoni statutorja dwar persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt privat. Ir-regoli ġenerali li jirregolaw ir-reġistri pubbliċi huma stabbiliti fl-Artikolu 120 tal-Att Nru 89/2012, il-Kodiċi Ċivili. Regoli aktar dettaljati li jirregolaw ir-reġistru pubbliku miżmuma mill-qrati huma stabbiliti fl-Att Nru 304/2013 dwar reġistri pubbliċi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi. Parti mir-reġistru pubbliku huwa reġistru ta' dokumenti (fejn jinżammu dokumenti statutorji, pereżempju l-artikoli ta’ assoċjazzjoni, statuti, rapporti finanzjarji, eċċ.).
Ir-reġistru pubbliku jinżamm mill-qorti tar-reġistrazzjoni. Ir-reġistru pubbliku huwa amministrat mill-Ministeru tal-Ġustizzja.
L-entitajiet li ġejjin huma mdaħħla fir-reġistru pubbliku:
- Assoċjazzjonijiet
- Trejdjunjins
- Trejdjunjins internazzjonali
- Organizzazzjonijiet tal-impjegaturi
- Organizzazzjonijiet internazzjonali tal-impjegaturi
- Assoċjazzjonijiet settorjali
- Organizzazzjonijiet settorjali tat-trejdjunjins
- Organizzazzjonijiet settorjali internazzjonali tat-trejdjunjins
- Organizzazzjonijiet settorjali tal-impjegaturi
- Organizzazzjonijiet settorjali internazzjonali tal-impjegaturi
- Negozjanti waħedhom – imniżżla fir-reġistru kummerċjali
- Kumpaniji kummerċjali pubbliċi (soċjetajiet)
- Soċjetajiet limitati
- Kumpaniji b’responsabbiltà limitata
- Kumpaniji b’ishma konġunti
- Kooperattivi
- Intrapriżi tal-istat
- Intrapriżi spin-off
- Assoċjazzjonijiet ta’ benefiċċju pubbliku
- Fondazzjonijiet
- Kontribuzzjonijiet
- Istituti
- Organizzazzjonijiet iffinanzjati mill-istat
- Assoċjazzjonijiet ta’ sidien ta’ unitajiet
- Grupp Ewropew b'Interess Ekonomiku
- Stabbilimenti li jappartjenu lil persuni barranin
- Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej
- Kumpaniji Ewropej
L-informazzjoni mdaħħla fir-reġistru pubbliku hija stabbilita fl-Att Nru 304/2013 dwar ir-reġistri pubbliċi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi. L-informazzjoni bażika li trid tiddaħħal hija prinċipalment: l-isem jew l-isem tan-negozju, l-uffiċċju rreġistrat, l-attività jew in-negozju, il-forma ġuridika, in-numru ta’ identifikazzjoni, l-isem u l-indirizz jew l-isem tan-negozju u l-uffiċċju rreġistrat tal-persuna li huwa l-korp statutorju.
L-aċċess għar-reġistru pubbliku Ċek huwa mingħajr ħlas?
Ir-reġistru pubbliku jinżamm f’format elettroniku. Dan huwa disponibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas permezz tal-portal tal-internet https://www.justice.cz/ u/jew direttament fuq il-paġna tat-tiftix tar-reġistru pubbliku https://or.justice.cz/ias/ui/rejstrik. Ir-reġistru pubbliku huwa disponibbli għal kulħadd. Kulħadd jista’ jikkonsultah, u jagħmel kopji jew jieħu xi partijiet minnu.
Kif tfittex fir-reġistru pubbliku Ċek
Ir-reġistru pubbliku Ċek għandu applikazzjoni ta' tiftix avvanzat ta' informazzjoni online. Jista’ jsir tiftix fir-reġistru skont l-isem tal-entità jew skont in-numru ta’ identifikazzjoni.
Kemm huma affidabbli d-dokumenti fir-reġistru?
L-iżvelar tad-dokumenti
Il-qorti tar-reġistrazzjoni ddaħħal l-entrati fir-reġistru pubbliku, l-emendi u t-tħassir, kif ukoll id-depożizzjoni ta’ dokumenti, inklużi dawk f’format elettroniku, kemm jista’ jkun malajr wara d-dħul. Id-data mdaħħla fir-reġistru pubbliku u d-dokumenti ddepożitati fir-reġistru ta' dokumenti tiddaħħal b’mod li jippermetti aċċess remot. Il-qorti tar-reġistrazzjoni ddaħħal id-data inkwistjoni u tagħmilha possibbli li tinkiseb kopja elettronika ċċertifikata uffiċjalment. Dan id-dokument huwa ffirmat b’mod elettroniku bl-użu ta' ċertifikat ta’ sistema kkwalifikata mill-qorti tar-reġistrazzjoni rilevanti u huwa disponibbli mingħajr ħlas fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Ġustizzja: Ministerstva spravedlnosti ČR. Fuq talba, il-qorti tar-reġistrazzjoni toħroġ kopja awtentika ċċertifikata b'mod parzjali jew sħiħ tal-entrata jew tad-dokumenti ddepożitati fir-reġistru ta' dokumenti jew ċertifikat li jikkonferma li xi entrata ta' data mhijiex fir-reġistru pubbliku, sakemm l-applikant ma jitlobx speċifikament kopja mhux iċċertifikata. Il-qorti tar-reġistrazzjoni toħroġ biss kopji stampati ta’ dettalji partikolari mniżżla fir-reġistru pubbliku u d-dokumenti ddepożitati fir-reġistru ta' dokumenti qabel l-1 ta’ Jannar 1997, sakemm ir-rekords ta’ dawn il-fatti jew dokumenti jkunu diġà miżmuma fil-forma elettronika.
Dipendenza fuq dokumenti u data
Il-persuna li entrata tkun relatata magħha ma għandhiex id-dritt li toġġezzjona li l-entrata ma tikkorrispondix mar-realtà kontra persuna li taġixxi legalment u b’rieda tajba abbażi tal-entrata.
Persuna reġistrata tista' toġġezzjona għall-kontenut tad-data u dokumenti li jirrikjedu li jkunu ppubblikati bil-liġi, fir-rigward ta’ partijiet terzi mid-data tal-pubblikazzjoni oriġinali biss, sakemm ma jkunx jista’ jintwera li l-parti terza kienet diġà taf dwar dan. Madankollu, il-persuna rreġistrata ma tistax tibbaża ruħha fuq tali data u kontenut tad-dokument fil-każ ta’ azzjonijiet li jkunu saru qabel is-sittax-il jum wara l-pubblikazzjoni, jekk il-parti terza turi li hija ma setgħetx tkun taf bihom.
Il-partijiet terzi jistgħu dejjem jiddependu fuq data u kontenut ta' dokumenti mhux ippubblikati sakemm in-nuqqas ta' pubblikazzjoni ma jagħmilhomx nulli u bla effett.
Nuqqas ta’ informazzjoni reġistrata
Jekk il-kontenut tal-entrata fir-reġistru pubbliku tmur kontra dispożizzjoni obbligatorja tal-Att u jekk ma jkun hemm l-ebda possibbiltà ta’ rimedju, il-qorti tar-reġistrazzjoni tistieden il-persuna rreġistrata biex tikseb rimedju. Fil-każ ta’ persuna ġuridika, fejn rimedju ma jinkisibx fit-terminu mogħti, il-qorti tista’ minn jeddha tagħti deċiżjoni li tillikwida, jekk tali azzjoni tkun fl-interess tal-ħarsien ta’ partijiet terzi.
Jekk ikun hemm nuqqas ta’ qbil bejn il-kliem ta’ entrata fir-reġistru pubbliku biċ-Ċek u lingwa barranija jew ta’ dokumenti miżmuma fir-reġistru Ċek u traduzzjoni ddepożitata volontarjament ta’ dawn id-dokumenti f’lingwa barranija skont l-Artikolu 74(1) tal-Att dwar reġistri pubbliċi ta’ persuni ġuridiċi u fiżiċi, il-formulazzjoni tad-dokument ippubblikat jew imdaħħal fir-reġistru b’lingwa barranija ma tistax tiġi invokata fir-rigward ta’ partijiet terzi. Parti terza tista’ tibbaża ruħha fuq il-formulazzjoni ta’ dokument ippubblikat jew iddepożitat fir-reġistru b’lingwa barranija, kemm-il darba l-persuna rreġistrata tipprova li l-parti terza kienet konxja mill-formulazjoni tal-kontenut tal-entrata jew dokument iddepożitat biċ-Ċek.
It-traduzzjoni tal-Att dwar ir-Reġistri Pubbliċi
Il-Ministeru għall-Ġustizzja fassal traduzzjoni mhux uffiċjali bl-Ingliż tal-Att Nru 304/2013 dwar ir-reġistri pubbliċi tal-persuni ġuridiċi u fiżiċi u r-reġistrazzjoni tat-trusts, fil-verżjoni li ilha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2018. It-traduzzjoni hija għal finijiet ta’ informazzjoni biss; it-test biċ-Ċek ippubblikat fil-Ġabra tal-Atti Leġiżlattivi biss huwa awtentiku. Tinsab hawnhekk.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.