Sib informazzjoni għal kull reġjun
X'joffri r-reġistru tan-negozju Finlandiż?
Il-Bord Nazzjonali għall-Privattivi u r-Reġistrazzjoni (BNPR) għandu u jżomm ir-reġistru tan-negozju.
Ir-reġistru tan-negozju Finlandiż huwa reġistru pubbliku li fih informazzjoni dwar operaturi tas-suq (negozji). Bħala regola, kull negozju għandu jiddaħħal fir-reġistru. In-negozji għandhom ukoll jinnotifikaw dwar kull bidla fid-dettalji tar-reġistru tagħhom. Il-biċċa l-kbira tan-negozji jridu wkoll jissottomettu l-kontijiet annwali tagħhom lir-reġistru. Kull sena, jiġu reġistrati:
- Madwar 40 000 negozju ġdid
- Madwar 145 000 bidla fid-dettalji tal-kumpaniji reġistrati
- Madwar 230 000 kont annwali.
Ir-reġistru tan-negozju jaqsam proċedura ta’ notifika konġunta u servizz tad-data mad-Dipartiment tat-Taxxa. Is-Servizz ta' Informazzjoni dwar in-Negozji (SIN) huwa servizz ta' data b'xejn ipprovdut mill-BNPR u mid-Dipartiment tat-Taxxa imma li jinżamm mill-BNPR. Dan fih informazzjoni ta' kuntatt u identifikazzjoni dwar in-negozji, pereżempju:
- L-isem tal-kumpanija ta’ negozju, u kull isem parallel jew awżiljarju tal-kumpanija
- L-ID tan-negozju, il-forma u d-domiċilju tal-kumpanija
- L-indirizz u informazzjoni ta' kuntatt oħra
- Linja ta' negozju prinċipali
- Ir-reġistri tad-Dipartiment tat-Taxxa u tal-BNPR li n-negozju jkun iddaħħal fihom
- Informazzjoni dwar proċedimenti ta' terminazzjoni, interruzzjoni tan-negozju, falliment, likwidazzjoni jew riorganizzazzjoni.
In-Netwerk tar-Reġistri Kummerċjali Ewropew, l-EBR huwa servizz ta’ informazzjoni għall-pajjiżi membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tar-Reġistri Kummerċjali, l-EBRA, li jipprovdi data tar-reġistru uffiċjali u affidabbli direttament mir-reġistru nazzjonali tan-negozju ta’ kull pajjiż.
Is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS) hija sistema li tgħaqqad ir-reġistri tan-negozju tal-Istati Membri tal-UE, tal-Iżlanda, tal-Liechtenstein u tan-Norveġja. Din tista’ tintuża biex isir tiftix ta’ data dwar in-negozji rreġistrati fir-reġistri nazzjonali tan-negozju ta’ dawk il-pajjiżi.
L-aċċess għar-reġistru tan-negozju Finlandiż huwa mingħajr ħlas?
Id-data bażika tista’ tiġi aċċessata mingħajr ħlas, iżda għal data oħra jintalab ħlas, bħall-persuni responsabbli f’negozju, il-linja operatorja rreġistrata fir-reġistru tan-negozju u informazzjoni dwar il-kapital.
Dan li ġej huwa kkunsidrat bħala data bażika:
- Isem il-kumpanija
- Nru tal-ID tan-negozju
- Id-domiċilju
- Il-forma tal-kumpanija
- Il-lingwa tan-negozju (il-Finlandiż jew l-Iżvediż)
- Id-data tar-reġistrazzjoni
- L-iktar data reċenti tar-reġistrazzjoni
- L-istatus tal-kumpanija
- Il-kumpanija għandha xi ipoteki kummerċjali
- Id-dettalji ta’ kuntatt
Kif tfittex fir-reġistru tan-negozji Finlandiż
Id-dettalji tal-operaturi tas-suq jiddaħħlu fir-reġistru tan-negozji abbażi ta' notifikazzjonijiet u komunikazzjonijiet irċevuti mill-awtorità tar-reġistrazzjoni kummerċjali. Ir-reġistru fih informazzjoni mogħtija kemm mill-operaturi tas-suq stess kif ukoll mill-qrati u awtoritajiet oħra.
Skont l-Artikolu 21a§ tal-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju (129/1979), il-Bord Nazzjonali tal-Privattivi u r-Reġistrazzjoni (BNPR) jista' jaġġorna r-rekords tiegħu u, billi juża s-Sistema ta' Informazzjoni tal-Popolazzjoni Finlandiża, jiċċekkja d-dettalji personali li l-klijenti jkunu pprovdew fin-notifiki u l-hemżiet tagħhom.
Skont l-Artikolu 21§ tal-Att dwar il-Projbizzjoni tan-Negozju, iċ-Ċentru tar-Reġistru Legali fil-Finlandja jipprovdi d-dettalji ta' projbizzjonijiet tan-negozju fis-seħħ lir-reġistru tan-negozju, u meta jibdew u jispiċċaw. Dawn id-dettalji mbagħad jiġu aġġornati fis-sistema tar-reġistru tan-negozju.
Il-kontenut tar-reġistru tan-negozju huwa ddeterminat mil-liġi Finlandiża. Il-leġiżlazzjoni Finlandiża li tirregola r-reġistru kummerċjali, it-tipi ta' kumpaniji u l-attivitajiet kummerċjali inġenerali tiddefinixxi liem dettalji jiddaħħlu għal tipi ta' kumpaniji differenti. (ara, pereżempju l-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju, l-Att dwar il-Kumpaniji b'Responsabbiltà Limitata u l-Att dwar is-Soċjetajiet).
Normalment, bħala minimu tiġi rreġistrata l-informazzjoni li ġejja għal kull tip ta' kumpanija:
- Isem il-kumpanija
- Domiċilju jew muniċipalità li l-kumpanija tiġi ġestita minnha
- Linja operatorja
- Min jirrappreżenta l-kumpanija
- L-indirizz tal-kumpanija.
Meta ssir entrata fir-reġistru tan-negozju, din tiġi ppubblikata simultanjament permezz tas-servizz ta' informazzjoni elettroniku. Dan hu servizz pubbliku mingħajr ħlas li, apparti l-entrati ppubblikati, fih ukoll id-dettalji bażiċi ta' negozju. Tista’ tuża s-servizz biex tiċċekkja jekk negozju jkunx, pereżempju, ippreżenta l-bord tad-diretturi l-ġdid tiegħu għar-reġistrazzjoni jew issir taf liem negozji ġodda jkunu ġew reġistrati f'ċertu perjodu ta' żmien.
Bl-użu ta' dan is-servizz, tista' tfittex informazzjoni dwar kwalunkwe kumpanija billi tuża l-ID tan-negozju tagħha. L-ID jista' jiġi ċċekkjat fis-Sistema ta' Informazzjoni dwar in-Negozji jekk ikun hemm bżonn. Data speċifika jew intervall ta' żmien jistgħu wkoll jintużaw bħala terminu tat-tiftix. Inkella, tista' ddejjaq it-tiftixa skont it-tip ta' reġistrazzjoni, jew skont il-muniċipalità jew il-provinċja. Ir-riżultat tat-tiftixa jkun fih id-dettalji bażiċi tal-kumpanija, jiġifieri isimha, l-ID tan-negozju u d-domiċilju. Ir-reġistrazzjoni ppubblikata jkun fiha, pereżempju, it-tip ta' reġistrazzjoni u l-intestaturi tal-entrati fir-reġistru.
Jiddaħħlu wkoll dettalji oħrajn fir-reġistru, skont it-tip ta' kumpanija. L-estratti mir-reġistru ta' negozji tal-istess tip jistgħu jidhru pjuttost differenti minn xulxin. Xi kumpaniji b'responsabbiltà limitata, pereżempju, jieħdu largament vantaġġ mill-possibbiltajiet offruti mill-Att dwar il-Kumpaniji; jiddeċiedu li joħorġu drittijiet ta' opzjoni u drittijiet speċjali oħra jew li jingħaqdu, u mbagħad jirrapportaw dawn id-dettalji biex jiddaħħlu fir-reġistru. Kumpaniji oħrajn, min-naħa l-oħra, jagħżlu li jirrapportaw biss il-livell minimu ta’ dettall li jrid jiġi ppreżentat biex jiddaħħal fir-reġistru. L-estratti mir-reġistru jirriflettu wkoll l-emendi għal-liġi. L-entrati fir-reġistru ta', pereżempju, kumpaniji b'responsabbiltà limitata, jistgħu jkunu differenti ħafna minn xulxin, skont jekk id-dettall li kellu jiġi rreġistrat ikunx ibbażat fuq deċiżjoni li tkun ittieħdet skont l-Att dwar il-Kumpaniji b'Responsabbiltà Limitata li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Settembru 2006, jew għal deċiżjoni skont verżjoni aktar bikrija tal-Att.
Kemm huma affidabbli d-dokumenti li hemm fir-reġistru?
L-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju jistipula d-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw id-data li trid tiddaħħal fir-reġistru u l-pubblikazzjoni tagħha. L-Att jintitola lil kulħadd jaċċessa d-data, estratti u ċertifikati mir-reġistru tan-negozju. Parti terza bona fide tista' toqgħod fuq l-affidabilità tal-informazzjoni miżmuma fir-reġistru.
Skont l-Artikolu 1a§ tal-Att, id-data kollha miżmuma fir-reġistru hija pubblika u kulħadd huwa intitolat jaċċessa data, estratti u ċertifikati mdaħħla fir-reġistru tan-negozju. Id-data tista' tiġi divulgata f'forma elettronika. Hemm eċċezzjoni biss għan-numri tal-ID personali ta' persuni fiżiċi u l-indirizzi tad-dar ta' persuni fiżiċi li jgħixu barra; dawn ma jkunux pubbliċi. Id-data dwar in-numri finali identifikanti tan-numru personali u l-indirizz tad-dar ta' persuni fiżiċi li jgħixu barra jiġu divulgati biss jekk id-divulgazzjoni tilħaq ir-rekwiżiti dwar il-proċeduri tal-awtorità stabbiliti fl-Artikolu 16(3)§ tal-Att dwar it-Trasparenza tal-Attivitajiet tal-Gvern. Inkella, il-pajjiż ta’ residenza jiġi divulgat minflok l-indirizz tad-dar.
L-Artikolu 26§ tal-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju jistipula li parti terza b'bona fide tista' toqgħod fuq id-data mdaħħla u ppubblikata fir-reġistru. Id-data tiġi ppubblikata elettronikament direttament wara li tiddaħħal fir-reġistru. Il-pubblikazzjonijiet jistgħu jinkisbu mingħajr ħlas mis-servizz ta' informazzjoni tar-Reġistru tan-Negozju.
L-istorja tar-reġistru tan-negozju tal-Finlandja
Ir-reġistru jinkludi informazzjoni li tmur lura għall-1896.
Ħoloq
L-Uffiċċju Finlandiż tal-Privattivi u r-Reġistrazzjoni
Ir-Reġistru tan-Negozju Finlandiż
Is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar in-Negozji
Assoċjazzjoni Ewropea tar-Reġistri Kummerċjali (EBRA)
In-Netwerk tar-Reġistri Kummerċjali Ewropew (EBR)
Is-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS)
L-Att dwar ir-Reġistru tan-Negozju
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.