Sib informazzjoni għal kull reġjun
X’joffru r-reġistri kummerċjali fi Franza?
Ir-reġistri lokali kummerċjali u tal-kumpaniji (registres du commerce et des sociétés - RCS) huma miżmuma mir-reġistraturi (greffiers) tal-qrati kummerċjali (tribunaux de commerce) fi Franza kontinentali, mill-qrati kummerċjali mħallta (tribunaux mixtes de commerce) fid-dipartimenti u fir-reġjuni ekstra-Ewropej, u mir-reġistraturi tal-qrati kkombinati b’ġuriżdizzjoni kummerċjali (tribunaux judiciaires à compétence commerciale) fid-dipartimenti ta’ Bas-Rhin, Haut-Rhin u Moselle. Id-dikjarazzjonijiet ta’ reġistrazzjoni, emenda u tneħħija magħmula mill-impriżi fir-reġistri kummerċjali u tal-kumpaniji jiġu vverifikati mir-reġistraturi biex jiġi żgurat li d-dikjarazzjonijiet jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti u jikkorrispondu għad-dokumenti ta’ sostenn u d-dokumenti mehmuża bħala annessi. Dawn il-verifiki dwar ir-rekwiżiti sostantivi u formali jitwettqu taħt superviżjoni tal-president jew ta’ mħallef inkarigat b’dak il-kompitu li għandu ġuriżdizzjoni biex isolvi kwalunkwe tilwim bejn il-persuna taxxabbli u r-reġistratur.
Il-Kbis, li huwa estratt mir-reġistru kummerċjali u tal-kumpaniji, huwa “l-karta tal-identità” ta’ impriża u fih l-informazzjoni kollha li l-impriża għandha l-obbligu li tiddikjara. L-objettiv tal-estratt Kbis huwa li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali fir-rigward tat-tranżazzjonijiet kummerċjali billi jipprovdi lil kwalunkwe parti interessata b’informazzjoni dwar l-istruttura legali tal-impriża, id-diretturi tagħha, l-attività tagħhom u l-post fejn titwettaq l-attività u kif topera l-impriża. Jiddikjara wkoll jekk tressqux proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza kontriha jew le. Dan id-dokument uffiċjali (acte auentique), maħruġ u ffirmat mir-reġistratur tal-qorti, jitqies li huwa awtentiku sakemm ma tiddaħħalx eċċezzjoni ta’ falsifikazzjoni.
Fil-livell nazzjonali, reġistru nazzjonali kummerċjali u tal-kumpaniji (registre national du commerce et des sociétés - RNCS) huwa miżmum mill-Istitut Nazzjonali għall-Proprjetà Industrijali (Institut National de la Propriété Industrielle - INPI). Dan ir-reġistru nazzjonali jiċċentralizza l-informazzjoni u d-dokumenti kollha li ġew ivverifikati u vvalidati mir-reġistraturi u mdaħħla fir-reġistri kummerċjali u tal-kumpaniji miżmuma f’kull reġistru. L-INPI huwa responsabbli għad-disseminazzjoni u għad-disponibilità pubblika, mingħajr ħlas, tal-informazzjoni teknika, kummerċjali u finanzjarja li tinsab fl-RNCS, għall-finijiet ta’ użu ulterjuri.
Is-sit web Infogreffe huwa l-pjattaforma ta’ disseminazzjoni għar-reġistri kummerċjali u tal-kumpaniji kollha (ta’ Franza kontinentali, inkluż Alsace-Moselle, u tad-dipartimenti u r-reġjuni ekstra-Ewropej). Is-sit web Infogreffe.de jipprovdi aċċess għall-informazzjoni legali ta’ impriżi fi New Caledonia. Is-sit web Infogreffe jippermetti wkoll li diversi formalitajiet (ir-reġistrazzjoni, l-emenda, it-tneħħija u d-dikjarazzjoni tal-kontijiet annwali) isiru online. Is-servizz jingħata bil-Franċiż u bl-Ingliż.
Is-sit web tal-INPI jippermetti l-aċċess, permezz tal-portal DATA INPI u bħala data miftuħa, ir-rekords tar-reġistrazzjonijiet, l-emendi u t-tneħħija u l-kontijiet annwali tal-kumpaniji.
Bullettin Uffiċjali ta’ Avviżi Ċivili u Kummerċjali (Bulletin officiel des annonces civiles et commerciales - BODACC)
Il-BODACC huwa l-bullettin uffiċjali għall-pubblikazzjoni tad-dokumenti rreġistrati fir-reġistru kummerċjali u tal-kumpaniji, mill-istabbiliment ta’ impriża għat-tneħħija tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ u t-trasferimenti, il-proċedimenti kollettivi ta’ insolvenza u d-dikjarazzjoni tal-kontijiet. Id-dokumenti inkwistjoni jintbagħtu lill-BODACC mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda azzjoni jew inizjattiva mill-partijiet interessati. L-avviżi fil-BODACC isiru taħt ir-responsabbiltà tar-reġistratur li jirċievi l-informazzjoni.
Il-pubblikazzjoni fil-BODACC, li tiżgura d-disseminazzjoni l-aktar wiesa’ possibbli tar-reġistrazzjonijiet fil-reġistri kummerċjali u tal-kumpaniji, taqa’ fil-kompetenza tal-Uffiċċju tal-Informazzjoni Legali u Amministrattiva (Direction de l’information légale et administrative - Dila).
L-aċċess għar-reġistru kummerċjali huwa mingħajr ħlas?
Is-sit web Infogreffe jipprovdi aċċess għal ċerta informazzjoni dwar in-negozji elenkati fuqu mingħajr ħlas. L-estratti mir-reġistru kummerċjali u tal-kumpaniji u d-dokumenti annessi miegħu jistgħu jinkisbu, soġġetti għal tariffa stabbilita mill-Istat.
L-aċċess għad-data tal-RNCS tal-INPI permezz tal-portal DATA INPI huwa mingħajr ħlas. L-użu ulterjuri ta’ tali data huwa soġġett għal liċenzja.
Mill-1 ta’ Lulju 2015, il-BODACC tqassam biss b’mezzi elettroniċi. Il-kontenut tas-sit web (jiġifieri l-avviżi tal-BODACC) ilu mingħajr ħlas minn Lulju 2011.
Fl-aħħar nett, f’Ġunju 2016 ġie stabbilit portal ġdid ta’ aċċess diġitali msejjaħ « Portail de la Publicité Légale des Entreprises» [portal pubbliku li jagħti aċċess għall-informazzjoni legali tal-kumpaniji]. Dan jippermetti lill-utenti jaċċessaw, permezz ta’ interfaċċa unika, ir-reklamar u l-informazzjoni legali ppubblikati fuq it-tliet siti web li ġejjin: https://www.infogreffe.fr/, https://actulegales.fr/, https://www.bodacc.fr/.
Kif issir tiftixa f’reġistru kummerċjali fi Franza?
Fis-sit web Infogreffe tista’ tfittex negozju:
- bl-isem tiegħu,
- bl-isem tad-diretturi u l-amministraturi tiegħu,
- bil-belt jew id-dipartiment amministrattiv tad-domiċilju tiegħu jew fejn għandu l-kwartieri ġenerali tiegħu jew fejn għandu l-unitajiet operatorji tiegħu,
- bin-numru SIREN tiegħu (is-Sistema ta’ Identifikazzjoni tar-Reġistru Kummerċjali - Système d’Identification du Répertoire des Entreprises),
- bin-numru ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru kummerċjali u tal-kumpaniji.
Fis-sit web DATA INPI tista’ tfittex impriża billi tuża n-numru SIREN tagħha, l-isem tal-kumpanija, l-isem tad-ditta, l-isem tad-direttur jew l-isem tal-muniċipalità tal-uffiċċju prinċipali tal-impriża jew billi tuża kliem li jinsab fid-deskrizzjoni tal-attività tal-impriża.
Fis-sit web tal-BODACC tista’ tfittex avviż relatat ma’ impriża billi tuża n-numru SIREN tagħha jew l-isem tal-kumpanija tagħha.
Links relatati
Registre de Commerce européen (Reġistru Kummerċjali Ewropew)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.