Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

X’joffri r-Reġistru Kummerċjali tal-Greċja?

Ir-Reġistru Kummerċjali tal-Greċja jissejjaħ ir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI. - abbrevjazzjoni Griega) skont il-Liġi Nru 3419/2005 (Il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 297, 6.12.2005) u l-Artikolu 116 tal-Liġi Nru 4635/2019 (Il-Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 167, 30.10.2019). Dan jirreġistra d-divulgazzjonijiet kollha ta’ dokumenti kummerċjali u data ta’ kumpaniji b’responsabbiltà limitata u kumpaniji b’membru wieħed. Is-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI) iservi bħala l-«Gazzetta Nazzjonali għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali». Persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet ta’ tali persuni kif stipulat fl-Artikolu 1(1) tal-Liġi Nru 3419/2005 huma obbligati jirreġistraw fir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali.

Tista’ tfittex fis-sit web tar-Reġistru għal informazzjoni divulgata mit-tipi ta’ negozji li ġejjin.

a. Persuni fiżiċi li huma kummerċjanti u għandhom post tan-negozju jew stabbiliment fil-Greċja jew li jinnegozjaw permezz ta’ stabbiliment prinċipali jew sekondarju fil-Greċja.

b. Assoċjazzjonijiet ta’ persuni li jinnegozjaw permezz ta’ stabbiliment prinċipali jew sekondarju fil-Greċja, u l-kumpaniji kummerċjali kollha, sakemm dawn ikunu stabbiliti taħt il-liġi Griega, kemm sħubijiet ġenerali kif ukoll kumpaniji b’responsabbiltà limitata (b’azzjonisti pubbliċi jew mingħajrhom), kooperattivi rregolati mid-dritt ċivili (li jinkludu assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni u kooperattivi ta’ kreditu), u kumpaniji privati u pubbliċi b’responsabbiltà limitata - u persuni fiżiċi jew ġuridiċi obbligati li jirrappurtaw skont l-Artikolu 39 tad-Digriet Presidenzjali tas-27.11/14.12.1926.

c. Gruppi Ewropej b’Interess Ekonomiku, kif ipprovdut mir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2137/1985 (ĠU L 199, rettifika L 247) li għandhom is-sede tagħhom fil-Greċja.

d. Kumpaniji Ewropej, kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/2001 (ĠU L 294) li għandhom is-sede tagħhom fil-Greċja.

e. Soċjetajiet Kooperattivi Ewropej, kif previst mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1435/2003 (ĠU L 207) li għandhom is-sede tagħhom fil-Greċja.

f. Il-partijiet imsemmija hawn fuq li għandhom il-post prinċipali tan-negozju jew is-sede tagħhom fil-Greċja jridu jirreġistraw ukoll kwalunkwe fergħa li għandhom fil-Greċja.

g. Il-kumpaniji barranin stipulati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151/KEE (ĠU L 65), kif emendat bl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/58/KE (ĠU L 221), li s-sede tagħhom tinsab fi Stat Membru tal-UE, iridu jirreġistraw kwalunkwe fergħa jew aġenzija li għandhom fil-Greċja.

h. Il-kumpaniji barranin li s-sede tagħhom tinsab f’pajjiż terz u li għandhom forma ġuridika simili għal dik tal-kumpaniji barranin imsemmija hawn fuq fil-paragrafu (g) iridu jirreġistraw kwalunkwe fergħa jew aġenzija li għandhom fil-Greċja.

i. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħrajn jew assoċjazzjonijiet ta’ tali persuni li għandhom il-post prinċipali tan-negozju jew is-sede tagħhom f’pajjiż barrani u li ma jaqgħux taħt il-punti (g) jew (h) iridu jirreġistraw kwalunkwe fergħa jew aġenzija li minnhom joperaw fil-Greċja.

j. Konsorzji.

k. Kumpaniji tad-dritt ċivili skont l-Artikolu 784 tal-Kodiċi Ċivili u

l. Persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet ta’ tali persuni li jwettqu, jew għandhom l-intenzjoni li jwettqu, attività ekonomika jew professjonali iżda li jkunu għadhom ma rreġistrawx bħala kummerċjanti abbażi ta’ dik l-attività.

Liema dokumenti u data huma rreġistrati fir-reġistru kummerċjali Grieg?

L-entrata ta’ negozju li hu meħtieġ jirreġistra għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja.

a. In-numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija, fergħa jew aġenzija.

b. L-uffiċċju tar-reġistru jew dipartiment li wettaq ir-reġistrazzjoni inizjali jew ir-reġistrazzjoni sussegwenti u l-isem sħiħ tal-uffiċjal responsabbli.

c. In-numru ta’ referenza tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni u l-kodiċi tar-reġistrazzjoni.

d. Meta l-leġiżlazzjoni fis-seħħ teħtieġ liċenzja kummerċjali, awtorizzazzjoni jew stabbiliment professjonali u permess biex topera sabiex jiġi stabbilit negozju jew jibda jopera, id-dettalji tad-deċiżjoni meħuda mill-awtorità jew mid-dipartiment kompetenti.

e. Id-deċiżjonijiet tal-qrati li jiddikjaraw il-kumpanija insolventi jew li jqegħduha f’konċiljazzjoni jew fi proċedura kollettiva oħra sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet tal-kredituri tagħha. L-entrata tinkludi wkoll l-isem sħiħ, l-ismijiet sħaħ tal-ġenituri, in-numru tal-karta tal-identità jew tal-passaport, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità u l-indirizz residenzjali tal-likwidaturi tal-kumpanija, l-amministraturi obbligatorji, it-trustees jew il-prattikanti tal-insolvenza.

f. Id-dettalji tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji li jitterminaw, jissospendu jew jirrevokaw is-sitwazzjonijiet legali msemmija hawn fuq fil-punt (e).

g. Id-data li għandha tiġi ppubblikata skont il-liġi tal-insolvenza.

h. Id-dettalji ta’ rikorsi ta’ insolvenza jew konċiljazzjoni jew proċeduri kollettivi oħra li jinsabu pendenti.

i. In-numru ta’ fergħat jew aġenziji li l-kumpanija għandha fil-Greċja, u l-indirizz u n-numru ta’ reġistrazzjoni ta’ kull waħda minnhom.

j. In-numru, l-indirizz u d-dettalji tal-fergħat jew l-aġenziji li l-kumpanija għandha f’pajjiż barrani.

k. L-informazzjoni li ġejja tiġi rreġistrata u ppubblikata fir-rigward ta’ kumpaniji bbażati fil-Greċja:

a) il-memorandum u l-istatut ta’ assoċjazzjoni;

b) l-emendi tal-att ta’ kostituzzjoni jew tal-istatuti, inkluża l-estensjoni tal-perjodu tal-ħajja tal-kumpanija, u wara kull emenda tal-att ta’ kostituzzjoni jew tal-istatuti, it-test kollu tal-att jew tal-istatuti, kif emendat fil-verżjoni l-ġdida;

c) il-ħatra, it-terminazzjoni ta’ kariga u dettalji tal-persuni li jew bħala korp ikkostitwit skont il-liġi jew bħala membri ta’ tali korp:

aa) huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-kumpanija f’negozjati ma’ terzi. (fl-eventwalità li din tirrigwarda iktar minn persuna waħda, l-entrata rilevanti trid tiddikjara jekk dawn il-persuni jistgħux jaġixxu waħedhom jew jekk iridux jaġixxu flimkien);

bb) jirrappreżentaw lill-kumpanija quddiem qorti

cc) jipparteċipaw fl-amministrazzjoni, is-superviżjoni jew il-kontroll tal-kumpanija;

d) tal-inqas darba f’sena, l-ammont tal-kapital sottoskritt, fejn l-att ta’ kostituzzjoni jew l-istatuti jsemmu kapital awtorizzat, sa fejn żieda fil-kapital sottoskritt ma teħtieġx emenda tal-istatuti;

e) id-dokumenti ta’ rendikont għal kull sena finanzjarja li huma mandatorji skont id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE (ĠU L 222,14.8.1978), 83/349/KEE (ĠU L 193 18.7.1983), 86/635/KEE (ĠU L 372 31.12.1986) u 91/674/KEE (ĠU L 374 31.12.1991);;

f) kwalunkwe bidla tas-sede;

g) l-istralċ tal-kumpanija;

h) kull dikjarazzjoni ta’ nullità tal-kumpanija mill-qrati;

i) il-ħatra u d-dettalji tal-likwidaturi,

j) it-terminazzjoni tal-istralċ u t-tneħħija mir-reġistru.

II. L-informazzjoni li ġejja hija rreġistrata u ppubblikata fir-rigward ta’ kumpaniji barranin imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 68/151/KEE (ĠU L 65) kif emendat bl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/58/KE (ĠU L 221) li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru tal-UE:

a) l-indirizz postali jew indirizz ieħor tal-fergħa;

b) l-indikazzjoni tal-qasam li fih topera l-fergħa;

c) ir-reġistru tal-Istat Membru li fih jinżamm il-fajl tal-kumpanija u n-numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija f’dak ir-reġistru.

d) l-isem tal-kumpanija u l-forma ġuridika tagħha, u l-isem tal-fergħa jekk differenti mill-isem tal-kumpanija;

e) il-ħatra, it-terminazzjoni ta’ kariga u d-dettalji tal-persuni li huma awtorizzati jirrappreżentaw lill-kumpanija f’negozjati ma’ terzi u fi proċedimenti legali:

aa) jekk huma pprovduti mil-liġi bħala korpi amministrattivi tal-kumpanija jew bħala membri ta’ tali korp skont ir-rekwiżiti ta’ divulgazzjoni tal-kumpanija skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/101/KE (ĠU L 258/1.10.2009)

bb) bħala rappreżentanti permanenti tal-kumpanija għall-attivitajiet tal-fergħa, bl-indikazzjoni tal-estensjoni tas-setgħat tagħhom;

f) l-istralċ tal-kumpanija, il-ħatra u d-dettalji tal-likwidaturi u s-setgħat tagħhom u l-iffinalizzar tal-istralċ, inkluża r-referenza għar-reġistru tal-Istat Membru, il-proċedimenti ta’ insolvenza, l-arranġamenti, il-kompożizzjonijiet jew kwalunkwe proċediment analogu li għalihom tkun soġġetta l-kumpanija;

g) id-dokumenti ta’ rendikont tal-kumpanija, kif imħejjija, ivverifikati u ppubblikati skont il-liġi tal-Istat Membru li biha tiġi rregolata l-kumpanija u skont id-Direttivi 78/660/KEE (ĠU L 222 14.8.1978), 83/349/KEE (ĠU L 193 18.7.1983) u 84/253/KEE. (ĠU L 126/20 12.5.1984)

h) l-għeluq tal-fergħa.

Kif tagħmel tfittxija fir-reġistru kummerċjali Grieg?

Tista’ tfittex għal kwalunkwe divulgazzjoni kummerċjali fuq is-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali billi tuża wieħed mill-elementi ta’ informazzjoni dwar il-kumpanija li ġejjin:

  1. Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa (A.F.M. - abbrevjazzjoni Griega) jew
  2. Numru tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (Γ.Ε.ΜI.) jew
  3. Numru tal-kumpanija jew
  4. L-isem fil-qosor.

L-aċċess għar-reġistru kummerċjali Grieg huwa mingħajr ħlas?

Il-membri kollha tal-pubbliku jistgħu jaċċedu l-entrata ta’ kumpanija fir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali mingħajr ħlas. Tista’ wkoll taħżen b’mod diġitali fit-tagħmir elettroniku tiegħek u tipprintja jew b’mod ieħor tirriproduċi kull dokument, informazzjoni jew avviż mtella’ fis-sit web tar-Reġistru għall-konsultazzjoni pubblika mir-Reġistru jew mill-persuni meħtieġa li jagħmlu dan. Jekk tixtieq tikseb ċertifikati uffiċjali (awtentiċi) jew kopji ta’ dokumenti jew data rreġistrata fl-entrata tal-kumpanija fir-Reġistru, tista’ tirreġistra mingħajr ħlas mad-Dipartiment Outreach tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali.

Tista’ tikseb ċertifikati uffiċjali jew kopji ta’ dokumenti u dettalji bi ħlas ta’ tariffa minn qabel permezz tal-applikazzjoni elettronika rilevanti. Iċ-ċertifikati jew il-kopji tad-dokumenti jew data rilevanti jintbagħtu b’żewġ modi differenti: b’mod diġitali permezz tal-applikazzjoni outreach tar-Reġistru, jew bil-posta lid-destinatarju, kullimkien fid-dinja.

Kif tiġi vverifikata l-awtentiċità ta’ ċertifikati uffiċjali jew kopji maħruġa mir-Reġistru Kummerċjali Grieg?

L-awtentiċità taċ-ċertifikati uffiċjali jew tal-kopji rilevanti hija vverifikata permezz tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali Grieg.

Jekk timla’ n-numru ta’ referenza taċ-ċertifikati jew tal-kopja, in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-kumpanija u d-dipartiment tar-reġistru li ħareġ id-dokument, jitla’ d-dokument.

Kemm huma affidabbli d-dokumenti tar-Reġistru?

Id-dokumenti elenkati fid-dħul tan-negozji huma affidabbli, għaliex ir-Reġistru huwa l-uniku sit disponibbli għad-divulgazzjoni kummerċjali u jikkostitwixxi l-«Gazzetta Nazzjonali għad-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjali» fis-sens tal-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/101/KE. Ir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali huwa konness mar-reġistri tal-Istati Membri l-oħra msemmija f’dik il-leġiżlazzjoni (reġistri nazzjonali) permezz ta’ sett ċentralizzat ta’ għodda tal-IT («il-Pjattaforma Ċentrali Ewropea») bħala parti mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri skont id-Direttiva 2012/17/UE. Id-dokumenti u d-data jiġu rreġistrati fir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali wara verifika mwettqa mill-uffiċjali tar-Reġistru fir-rigward tal-legalità, l-eżattezza, iċ-ċarezza u l-kompletezza tagħhom u dwar jekk tħallsux it-tariffi rilevanti kollha pprovduti mil-leġiżlazzjoni fis-seħħ. Sakemm din il-verifika ma turix xi ħaġa li tista’ tipprevjeni r-reġistrazzjoni, id-dipartiment tar-Reġistru responsabbli jdaħħal l-informazzjoni rilevanti għan-negozju fir-Reġistru. Jekk l-applikazzjoni, id-dokumenti sottomessi jew dokumenti ta’ sostenn oħra ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-liġi jew ma jkunux eżatti u kompluti, id-dipartiment responsabbli jitlob, bil-miktub, bil-fax jew bl-email, li jsiru l-ispjegazzjonijiet, il-korrezzjonijiet u ż-żidiet neċessarji fl-applikazzjoni, fid-dokumenti ta’ sostenn u fid-dokumenti ta’ akkumpanjament, fi żmien ħamest (5) ijiem mill-irċevuta tat-talba. Dan il-perjodu jista’ jiġi estiż sa xahar, jekk dan ikun meħtieġ miċ-ċirkustanzi u t-tip ta’ data rreġistrata. Terminu ta’ dan it-tip jestendi kwalunkwe terminu legali ieħor sabiex tiddaħħal informazzjoni fir-Reġistru. Jekk ma jkun hemm ebda risposta fit-terminu ta’ ħamest ijiem jew kwalunkwe estensjoni mogħtija, jew jekk l-informazzjoni sottomessa ma tkunx ikkunsidrata li tissodisfa r-rekwiżiti legali jew ma tkunx eżatta u kompluta, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tiġi miċħuda permezz ta’ deċiżjoni motivata u tingħata rifużjoni tat-tariffi tar-reġistrazzjoni. Għal sħubijiet ġenerali u sħubijiet b’responsabbiltà limitata, kumpaniji pubbliċi u privati b’responsabbiltà limitata, kooperattivi rregolati mid-dritt ċivili, gruppi Ewropej ta’ interess ekonomiku previsti mir-Regolament Nru 2137/1985/KEE (ĠU L 199, rettifika L. 247) ibbażati fil-Greċja, kumpaniji Ewropej previsti mir-Regolament 2157/2001/KE (ĠU L 294) ibbażati fil-Greċja, soċjetajiet kooperattivi Ewropej previsti mir-Regolament Nru 1435/2003/KE (ĠU L 207) ibbażati fil-Greċja, u kumpaniji tad-dritt ċivili msemmija fl-Artikolu 784 tal-Kodiċi Ċivili, ir-reġistrazzjoni tal-fatti, id-dikjarazzjonijiet, id-dokumenti u informazzjoni oħra fir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali Elettroniku jkollha l-effetti li ġejjin:

a. Il-persuni ġuridiċi tat-tipi msemmija hawn fuq li jinsabu fil-proċess li jiġu stabbiliti se jiksbu personalità ġuridika.

b. Soġġett għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-leġiżlazzjoni kurrenti li tirregola l-konverżjoni ta’ kumpaniji, in-negozji li jirreġistraw konverżjoni jiġu b’hekk konvertiti f’kumpaniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata, kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, kooperattivi rregolati mid-dritt ċivili, gruppi Ewropej b’interess ekonomiku, kumpaniji Ewropej jew kooperattivi Ewropej, kif applikabbli.

c. L-att ta’ kostituzzjoni jew l-istatuti tan-negozju jiġu emendati.

d. Isseħħ fużjoni jew diviżjoni, soġġett biss għal reġistrazzjoni u qabel t-tneħħija mir-reġistru tal-kumpanija assorbita jew diviża.

e. In-negozju se jiġi stralċat, wara deċiżjoni tas-soċji jew wara l-ħruġ tal-att amministrattiv rilevanti.

f. Negozju se jingħata l-ħajja mill-ġdid.

Finalment, skont id-dispożizzjoni espressa tal-paragrafu 4 tal-Liġi Nru 3419/2005, l-entrati rilevanti fir-Reġistru huma preżunti li huma legali u korretti.

Hemm xi ħaġa partikolari li għandi nkun naf dwar ir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali Grieg?

Is-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.) iservi bħala l-«Gazzetta Nazzjonali elettronika Griega għad-divulgazzjoni tal-informazzjoni kummerċjali» skont l-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/101/KE tas-16.09.2009 (ĠU L 258). Id-direttorju ġenerali tal-ismijiet tal-kumpaniji, id-dħul u l-informazzjoni l-oħra kollha meħtieġa għall-użu pubbliku tar-Reġistru huma ppubblikati fuq is-sit web tar-Reġistru. Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika għandha d-dritt li taċċedi r-Reġistru mingħajr ħlas. Tista’ wkoll taħżen b’mod diġitali fit-tagħmir elettroniku tiegħek u tipprintja jew b’mod ieħor tirriproduċi kull dokument, data jew avviż imtella’ fis-sit web tal-G.E.MI. għall-konsultazzjoni pubblika mid-dipartiment tar-Reġistru jew mill-persuni meħtieġa li jagħmlu dan.

Bħala parti mis-sistema ta’ interkonnessjoni tar-reġistri, ir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali: a) jikkomunika bl-email mar-reġistri nazzjonali l-oħra u aa) jirċievi informazzjoni dwar data maħżuna f’reġistru nazzjonali ieħor li tirrigwarda kumpaniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f’wieħed mill-Istati Membri u fergħat fi Stat Membru tal-UE ieħor u bb) jipprovdi informazzjoni dwar data msemmija fl-Artikolu 6(2) u (2b) tal-Liġi Nru 3419/2005 dwar kumpaniji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat jew fergħat tagħhom fil-Greċja skont l-Artikolu 1(g) tal-istess liġi; u b) twieġeb mistoqsijiet magħmula minn utenti individwali tal-punt uniku ta’ aċċess elettroniku Ewropew tas-sistema ta’ interkonnessjoni ta’ reġistri («il-portal») rigward l-informazzjoni msemmija fil-punt (a)(bb).

Id-Dipartiment tal-Kumpaniji u tar-Reġistru tad-Direttorat Ġenerali tas-Swieq (is-Segretarjat Ġenerali tal-Kummerċ u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, fil-Ministeru tal-Ekonomija, l-Iżvilupp u t-Turiżmu) huwa responsabbli sabiex iwieġeb għal mistoqsijiet magħmula permezz tal-portal elettroniku Ewropew dwar id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2a) u (2b) tal-Liġi Nru 3419/2005 għal kumpaniji li l-ishma tagħhom huma kkwotati fil-Borża ta’ Ateni, banek u fergħat ta’ banek fl-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi, kumpaniji pubbliċi tal-assigurazzjoni b’responsabbiltà limitata u fergħat ta’ kumpaniji tal-assigurazzjoni fl-Istati Membri tal-UE u pajjiżi terzi, fondi ta’ investimenti pubbliċi b’responsabbiltà limitata, kumpaniji pubbliċi ta’ mmaniġġjar ta’ fondi mutwi b’responsabbiltà limitata, kumpaniji pubbliċi ta’ ġestjoni ta’ fondi mutwi b’responsabbiltà limitata għal proprjetà immobbli, fondi ta’ investimenti pubbliċi b’responsabbiltà limitata għal proprjetà immobbli, kumpaniji pubbliċi ta’ ġestjoni ta’ assi u responsabbiltajiet b’responsabbiltà limitata, ditti ta’ investiment pubbliċi b’responsabbiltà limitata u kumpaniji pubbliċi sportivi (futbol u basketball) b’responsabbiltà limitata.

Barra minn hekk, dipartiment tar-Reġistru jopera għal kull kamra tal-kummerċ fil-Greċja, u huwa responsabbli, fost affarijiet oħra, sabiex iwieġeb għal mistoqsijiet sottomessi permezz tal-portal elettroniku Ewropew dwar id-dokumenti u l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(2a) u 2(b) tal-Liġi Nru 3419/2005 dwar il-forom ġuridiċi kollha ta’ kumpanija minbarra dawk imsemmija hawn fuq.

N.B.: L-informazzjoni pprovduta hawn fuq hija biss ħarsa ġenerali maħsuba sabiex tinforma lil persuni kkonċernati dwar l-interkonnessjoni bejn ir-Reġistru Grieg, jiġifieri ir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.) u r-reġistri nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra. Tista’ ssib iktar informazzjoni dwar il-kuntest legali fuq is-sit web tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.).

Links relatati

Pubblikazzjoni Elettronika mir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali

Reġistrazzjoni ta’ membri tal-pubbliku għas-servizzi online tar-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.)

Reġistrazzjoni ta’ negozji fir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.)

Verifika tal-awtentiċità taċ-ċertifikati u kopji maħruġa mir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.)

Leġiżlazzjoni dwar ir-Reġistru Kummerċjali Ġenerali (G.E.MI.)

L-aħħar aġġornament: 21/12/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.