Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Italja

Din it-taqsima fiha tagħrif ġenerali dwar ir-reġistru tal-impriżi fl-Italja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Italja

Liema tagħrif jinsab fir-reġistru tal-impriżi Taljan?

Ir-Reġistru tal-Impriżi Taljan jinżamm mill-Kmamar tal-Kummerċ, bl-appoġġ ta' Unioncamere, taħt is-sorveljanza tal-imħallef tar-Reġistru u tal-Ministru tal-Iżvilupp Ekonomiku. L-infrastruttura telematika nbniet u tinżamm minn InfoCamere, kumpanija konsorzjali tal-Kmamar tal-Kummerċ.

Ir-Registru jagħti tagħrif dettaljat relatat mal-impriżi, fosthom:

  • l-isem sħiħ tal-kumpanija
  • is-sede legali
  • in-numru tal-VAT
  • l-attività u l-forma ġuridika
  • l-organi amministrattivi
  • il-kapital investit
  • ir-rappreżentanti legali
  • il-kapaċitajiet rappreżentattivi
  • il-fergħat

Ir-reġistru barra minn hekk jagħti l-possibiltà li jiġu konsultati dokumenti pubbliċi tal-kumpanija, fosthom:

  • rendikonti finanzjarji kompluti
  • strumenti ta' inkorporazzjoni
  • listi tal-azzjonisti

Ir-Reġistru tal-Impriżi Taljan joffri żewġ tipi ta' divulgazzjoni:

  1. divulgazzjoni ġuridika
  • għall-fini tal-garanzija tal-eżistenza tal-kumpanija
  • biex l-informazzjoni tkun tista' tiġi fdata f'atti ma' partijiet terzi (l-Artikolu 2193 tal-Kodiċi Ċivili)
  1. divulgazzjoni ekonomika
  • għall-finijiet statistiċi u ekonomiċi

Il-konsultazzjoni tar-reġistru tal-impriżi hija mingħajr ħlas?

Huwa possibbli li wieħed jaċċessa r-Reġistru mingħajr ħlas biex jikseb xi informazzjoni (pereżempju l-isem u l-indirizz ta' kumpanija). Madankollu, l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni fir-Reġistru jista' jsir biss fuq talba u bi ħlas.

Kemm huma affidabbli d-dokumenti li jinsabu fir-reġistru?

Ir-Reġistru tal-Impriżi jinżamm, fl-Italja, minn uffiċċji apposta tal-kmamar tal-kummerċ, l-industrija, l-artiġjanat u l-agrikoltura. Dawn l-uffiċċji huma magħrufa bħala uffiċċji tar-Reġistru tal-Impriżi u jaġixxu taħt il-viġilanza - tat-tip ġuriżdizzjonali - ta' mħallef delegat mit-tribunal li għandu kompetenza fit-territorju (viġilanza fuq ir-regolarità formali tal-iskrizzjoni unika), kif ukoll taħt is-sorveljanza amministrattiva tal-Ministeru tal-Iżvilupp Ekonomiku.

Ir-Reġistru tal-Impriżi jaf l-organizzazzjoni tiegħu attwali fl-Italja lil riforma tal-1993 (l-Artikolu 8 tal-Liġi nru 580 tal-1993) li ġiet attwata b'regolament tal-1995 (digriet tal-President tar-Repubblika nru 581 tal-1995).

B'din ir-riforma, ir-Reġistru tal-Impriżi, li sa dak iż-żmien kien jinżamm purament f'forma kartaċja mill-kanċelleriji kummerċjali tat-tribunali, ġie trasferit għall-kmamar tal-kummerċ, l-industrija, l-artiġjanat u l-agrikoltura, sabiex iżommuh b'mod kompletament kompjuterizzat, b'disponibbiltà sħiħa u immedjata tat-tagħrif u tal-atti preżenti fir-reġistru fit-territorju nazzjonali kollu kemm hu.

Dawn id-dispożizzjonijiet ġew suċċessivament integrati fl-Artikolu 31 tal-Liġi Nru 340 tal-2000, li għamlet obbligatorju għal kważi kull tip ta' impriża (b'mod partikolari għal kull kumpanija) l-użu tal-firma diġitali u tal-għodod tal-informatika u tat-telekomunikazzjoni għat-tħejjija u l-preżentazzjoni ta' applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni, u tad-dokumenti li jakkumpanjawhom, għar-Reġistru tal-Impriżi.

Wara żviluppi fir-regolamenti (l-Artikolu 9 tad-digriet-liġi nru. 7 tal-2007) illum kull tip ta' impriża, inklużi dawk individwali, ikollhom laqgħat mar-Reġistru tal-Impriżi, għall-finijiet tal-iżvolġiment tar-rekwiżiti tar-rapportar, permezz tal-użu tal-firma diġitali kif ukoll il-mezzi ta' telekomunikazzjoni xierqa.

Qabel ma jkomplu bl-iskrizzjoni, l-uffiċċju tar-Reġistru tal-Impriżi jivverifika (l-Artikolu 11(6), tad-digriet iċċitat tal-President tar-Repubblika Nru 581 tal-1995):

a) l-awtentiċità tal-applikazzjoni;

b) li l-formola ta' applikazzjoni tkun imtliet tajjeb;

c) li l-att jew il-fatt li jkun qed jiġi mitlub li jkun reġistrat jikkorrespondi għal dak li titlob il-liġi;

d) li d-dokumenti li l-liġi titlob li jkunu ppreżentati jkunu mehmuża;

e) li l-kundizzjonijiet l-oħra li titlob il-liġi għar-reġistrazzjoni jkunu ssodisfati.

Ta' min jinnota wkoll li kważi kull att marbut mar-reġistrazzjoni ta' kumpaniji fir-Reġistru tal-Impriżi jitħejjew bl-intervent ta' nutar: l-Artikolu 11(4) tad-digriet iċċitat tal-President tar-Repubblika Nru 581 tal-1995 jgħid, infatti: "L-att li għandu jiġi rreġistrat jiġi ddepożitat fil-kopja oriġinali, bis-sottoskrittura awtentikata, jekk dan ikun jittratta skrittura privata li ma tkunx ġiet depożitata għand nutar. Fil-każijiet l-oħra tiġi depożitata l-kopja awtentika. L-estratt jiġi depożitat fil-forma awtentika skont it-tifsira tal-Artikolu 2718 tal-Kodiċi Ċivili."

Skont it-tifsira tal-Artikolu 2193 tal-Kodiċi Ċivili:

  1. L-informazzjoni li l-liġi tgħid li għandha tiġi rreġistrata, jekk ma tiġix reġistrata, ma tistax tintuża fil-konfront ta' partijiet terzi minn min huwa obbligat li jitlob li tiġi rreġistrata, sakemm dan ma jurix li l-partijiet terzi kellhom għarfien tagħha.
  2. Il-partijiet terzi ma jistgħux jgħidu li mhumiex mgħarrfa b'informazzjoni li għandha tiġi rreġistrata ladarba din tiġi rreġistrata.
  3. Dan huwa mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet partikolari tal-liġi.

L-istorja tar-reġistru tal-impriżi

Ir-Reġistru tal-Impriżi Taljan ġie mwaqqaf fl-1993.

Ħoloq relatati

Ir-Reġistru Kummerċjali Ewropew

L-aħħar aġġornament: 18/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.