Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Latvja

Din it-taqsima tipprovdilek ħarsa ġenerali lejn ir-reġistru kummerċjali tal-Latvja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Latvja

Dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja (Latvijas Republikas Uzņēmumu reģistrs) twaqqaf fl-1 ta’ Diċembru 1990. Ir-Reġistru tal-Intrapriżi huwa korp pubbliku li jirreġistra negozji (kumpaniji), negozjanti, il-fergħat u l-uffiċċji rappreżentattivi tagħhom u bidliet fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħhom, u jwettaq attivitajiet oħra previsti fil-leġiżlazzjoni. Ir-Reġistru tal-Intrapriżi jirreġistra wkoll fornituri tal-media tal-massa, assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet, wegħdiet kummerċjali, interessi ta' kontroll, ftehimiet ta’ proprjetà matrimonjali, partiti politiċi, korpi ta’ arbitraġġ, trade unions, organizzazzjonijiet reliġjużi u istituzzjonijiet reliġjużi, u proċedimenti ta’ insolvenza u informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji ta’ arranġamenti legali.

Leġiżlazzjoni applikabbli bħalissa

L-elementi ewlenin tal-leġiżlazzjoni li jirregolaw l-operazzjonijiet tar-Reġistru tal-Intrapriżi huma l-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja, l-Istatuti tar-Reġistru tal-Intrapriżi, il-Liġi dwar is-sottomissjonijiet u l-Liġi dwar il-proċedura amministrattiva.

Lista ta’ leġiżlazzjoni ġenerali, oġġetti ta’ leġiżlazzjoni għal operaturi kummerċjali, intraprendituri u organizzazzjonijiet, dwar kuntratti u wegħdiet kummerċjali u għas-sottomissjoni ta’ informazzjoni tista’ tinstab hawnhekk.

Kif titlob informazzjoni mir-Reġistru tal-Intrapriżi?

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi jipprovdi informazzjoni dwar l-entitajiet legali kollha rreġistrati u dwar il-fatti legali.

L-informazzjoni tista’ tinkiseb mir-Reġistru tal-Intrapriżi fuq is-sit web tal-informazzjoni tar-Reġistru mingħajr ħlas, fejn id-data attwali hija disponibbli mingħajr il-ħtieġa ta' awtentikazzjoni, filwaqt li r-rekords storiċi jistgħu jiġu kkonsultati u d-dokumenti fit-taqsima pubblika tar-Reġistru jistgħu jiġu eżaminati/imniżżla u l-informazzjoni dwar persuni fiżiċi tista' tiġi aċċessata biss mal-awtentikazzjoni fuq is-sit web b’karta tal-eID nazzjonali Latvjana, firma elettronika, apparat ta’ identifikazzjoni tal-bank jew servizzi ta’ awtentikazzjoni tal-EIDAS (għaċ-ċittadini tal-UE).

Fejn ikun hemm bżonn li jinkiseb estratt mir-Reġistru tal-Intrapriżi dwar entità legali reġistrata, fatt legali (kuntratt) jew persuna fiżika, għandha tiġi ppreżentataformola għal talba ta’ informazzjoni jew applikazzjoni f’format liberu, jew bil-posta jew elettronikament (email jew billi tintbagħat fl-indirizz tal-posta elettronika uffiċjali tar-Reġistru pasts@ur.gov.lv iffirmata b’firma elettronika sigura u timbru tal-ħin diġitali). It-talba għall-informazzjoni għandha tagħti dettalji tal-pagament magħmul (dokument li jiċċertifika l-ħlas, kopja ta’ tali dokument, jew verżjoni stampata tat-tranżazzjoni elettronika bl-internet). Meta tintalab l-informazzjoni, il-mezzi tal-wasla għandhom jiġu indikati, jiġifieri bil-posta (posta rreġistrata) jew elettronikament.

Ir-Reġistru joħroġ ukoll kopji ta’ dokumenti mill-fajl ta’ reġistrazzjoni ta’ entità ġuridika jew fatt legali (kuntratt) u mill-fajl tal-każ. Dokumenti mit-taqsima pubblika tal-fajl ta’ reġistrazzjoni (skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4 15 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja jistgħu jinkisbu online fuq is-sit web ta’ informazzjoni tar-Reġistru tal-Intrapriżi mingħajr ħlas u immedjatament.

Biex tinkiseb kopja tad-dokument mill-parti pubblika jew mhux pubblika b'ċertifikat ta' awtentiċità, trid tiġi ppreżentata formola għal talba ta’ informazzjoni mimlija jew trid issir applikazzjoni mingħajr format partikolari. Il-ħruġ ta’ kopji ta’ dokumenti (b’ċertifikat ta’ awtentiċità) huwa servizz soġġett għall-ħlas ta’ tariffa. Dan is-servizz jista’ jiġi pprovdut jew bil-posta jew bl-email.

Mill-1 ta’ Awwissu 2021, l-entrati kollha fir-reġistru kummerċjali u d-dokumenti kollha mehmużin mal-fajl ta’ reġistrazzjoni li jinsabu fir-reġistru kummerċjali u, f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4.15 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja, fit-taqsima pubblika tal-fajl ta’ reġistrazzjoni jiġu ppubblikati elettronikament mingħajr ħlas fuq is-sit web tal-informazzjoni, u b’hekk tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku online mill-ewwel. L-entrati jitqiesu li ġew ippubblikati fil-jum (jiġifieri wara nofsillejl) wara li jsiru fih, u d-dokumenti jitqiesu li ġew ippubblikati fil-jum (jiġifieri wara nofsillejl) li jaħbat l-għada tal-jum li fih jithemżu mal-fajl ta’ reġistrazzjoni.

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi jippermetti li l-informazzjoni li ġejja dwar l-entitajiet legali rreġistrati kollha tinkiseb mingħajr ħlas bħala data miftuħa:

  • in-numru ta’ reġistrazzjoni;
  • l-isem jew l-isem kummerċjali tal-entità;
  • l-isem storiku tal-entità (jekk l-isem ikun inbidel);
  • it-tip ta’ entità legali;
  • f’liema reġistru tinsab irreġistrata l-entità;
  • id-data tar-reġistrazzjoni;
  • il-kodiċi ta’ identifikazzjoni tal-benefiċjarju taż-Żona Unika ta’ Pagamenti bl-Euro (jekk allokat);
  • informazzjoni dwar jekk l-entità legali ġietx imħassra mir-reġistru jew riorganizzata;
  • id-data tat-tħassir tal-entità legali mir-reġistru (jew id-data tar-riorganizzazzjoni jekk ir-raġuni għat-tħassir tkun riorganizzazzjoni);
  • l-uffiċċju reġistrat;
  • il-qasam ta’ attività tal-assoċjazzjonijiet, tal-fondazzjonijiet, u tat-trade unions;
  • informazzjoni dwar is-sidien benefiċjarji rreġistrati fil-fajl tal-entità legali (l-isem, il-kunjom, parti min-numru tal-identità personali, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, il-pajjiż ta’ residenza);
  • data dwar il-membri tal-bord eżekuttiv, il-membri bi dritt ta’ rappreżentanza jew membri anzjani oħra tal-persunal bid-dritt li jirrappreżentaw l-entità legali (l-isem, il-kunjom, parti min-numru tal-identità personali, il-kariga, id-data tar-reġistrazzjoni);
  • informazzjoni dwar membri ta’ kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata (l-isem, il-kunjom, parti min-numru tal-identità personali, in-numru ta’ azzjonijiet li huma proprjetà tagħhom u l-valur nominali ta’ dawk l-azzjonijiet);
  • informazzjoni bażika dwar proċedimenti ta’ insolvenza (jekk l-informazzjoni tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-insolvenza);
  • data mir-rapporti finanzjarji annwali.

Din l-informazzjoni tingħata f’formati tad-data .csv, .txt jew .xlsx u tista’ tiġi aċċessata hawn. L-utent jista’ jagħżel il-format tad-data li jaqbel l-aħjar għall-użu maħsub. Id-data tiġi aġġornata kuljum.

Sabiex jinkisbu dokumenti mhux imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4.15 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja, minbarra dak li ntqal hawn fuq, it-talba bil-miktub għandha tindika r-raġuni għat-talba u l-għan tal-użu tal-informazzjoni.

Informazzjoni dwar l-ammonti tat-tariffi għas-servizzi hija disponibbli hawn.

Kemm hi affidabbli l-informazzjoni dwar id-dokumenti fir-reġistru kummerċjali?

Mill-1 ta’ Awwissu 2021, l-entrati kollha fir-reġistru kummerċjali u d-dokumenti kollha mehmużin mal-fajl ta’ reġistrazzjoni li jinsabu fir-reġistru kummerċjali u, f’konformità mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 4.15 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja, fit-taqsima pubblika tal-fajl ta’ reġistrazzjoni jiġu ppubblikati elettronikament mingħajr ħlas fuq is-sit web tal-informazzjoni tar-Reġistru tal-Intrapriżi, u b’hekk tiġi żgurata d-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku online mill-ewwel. L-entrati kollha magħmula fir-reġistru kummerċjali qabel il-31 ta’ Lulju 2021 u kwalunkwe informazzjoni dwar dokumenti speċifiċi ġew ippubblikati fil-gazzetta uffiċjali Latvijas Vēstnesis.

L-entrati jitqiesu li ġew ippubblikati fil-jum (jiġifieri wara nofsillejl) wara li jsiru fih, u d-dokumenti jitqiesu li ġew ippubblikati fil-jum (jiġifieri wara nofsillejl) li jaħbat l-għada tal-jum li fih jithemżu mal-fajl ta’ reġistrazzjoni. L-entrati fir-reġistru kummerċjali jsiru vinkolanti fuq partijiet terzi biss wara l-pubblikazzjoni tagħhom, sakemm l-informazzjoni rilevanti ma tkunx magħrufa mill-parti terza qabel il-pubblikazzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk parti terza tista’ turi li ma kinitx konxja u ma setgħetx tkun konxja dwar l-informazzjoni ppubblikata, dik l-informazzjoni ma tistax tkun invokata fir-rigward ta’ passi legali meħuda fi żmien 15-il jum mill-pubblikazzjoni tal-informazzjoni.

Jekk l-informazzjoni li għandha tiddaħħal fir-reġistru kummerċjali tiġi rreġistrata jew ippubblikata b’mod żbaljat, parti terza tista’ tinvoka l-informazzjoni ppubblikata fir-rigward tal-parti li fl-interessi tagħha tkun ġiet ippubblikata l-informazzjoni, iżda mhux jekk il-parti terza kienet konxja li l-informazzjoni ppubblikata fir-reġistru kummerċjali ma kinitx tikkorrispondi għas-sitwazzjoni legali attwali. Għal informazzjoni aktar dettaljata, jekk jogħġbok ara l-Artikoli 11 u 12 tal-Liġi Kummerċjali.

Bidu ta’ proċedura ta’ reġistrazzjoni

It-tressiq tal-applikazzjonijiet huwa rregolat mil-Liġi Kummerċjali. Id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Liġi jgħidu li d-dokumenti li jiġġustifikaw li tiddaħħal entrata fir-reġistru kummerċjali u dokumenti oħra preskritti fil-Liġi għandhom jiġu ppreżentati lill-Uffiċċju tar-Reġistru Kummerċjali. Dawn id-dokumenti għandhom jiġu sottomessi f’format stampat jew elettronikament.

L-Uffiċċju tar-Reġistru Kummerċjali jissottometti l-kopja oriġinali tad-dokument rilevanti jew kopja debitament iċċertifikata tiegħu. Jekk il-liġi tiddikjara li l-firma ta’ persuna fuq dokument (applikazzjoni, dokument li għandu jiġi mehmuż ma’ applikazzjoni jew dokument ieħor) jeħtieġ li tiġi notarizzata, ir-rekwiżit jitqies li jkun ġie osservat jekk il-firma tkun iċċertifikata minn nutar iċċertifikat jew, fejn id-dokument ikun tfassal elettronikament, jekk dan ikun ġie ffirmat b’firma elettronika sigura. Jekk il-liġi tgħid li l-firma ta’ persuna fuq dokument (applikazzjoni, dokument li għandu jiġi mehmuż ma’ applikazzjoni jew dokument ieħor) jeħtieġ li tiġi notarizzata, il-prokura li tawtorizza lil persuna oħra biex tiffirma d-dokument teħtieġ ċertifikazzjoni minn nutar. Dokumenti pubbliċi maħruġa barra mill-pajjiż jiġu legalizzati f’konformità mal-proċeduri stabbiliti fi ftehimiet internazzjonali, li jinkludu traduzzjoni notarizzata għal-Latvjan. Traduzzjoni ċċertifikata għal-Latvjan għandha tkun mehmuża ma’ dokumenti privati f’lingwa barranija, f’konformità mal-proċedura stabbilita mill-Kabinett tal-Ministri.

Id-dokumenti jistgħu jiġu sottomessi għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Intrapriżi bl-użu ta’ mezzi ta’ sottomissjoni elettroniċi: servizz elettroniku, indirizz elettroniku jew email. Aktar informazzjoni dettaljata dwar kif tissottometti d-dokumenti b’mod elettroniku tista’ tinstab hawn.

Rieżami tal-applikazzjonijiet sottomessi

Il-proċedura għar-rieżami tad-dokumenti sottomessi hija rregolata mil-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja. Il-Liġi tgħid li waqt ir-rieżami tad-dokumenti sottomessi, nutar pubbliku fir-Reġistru jivverifika jekk:

  1. ġewx sottomessi d-dokumenti kollha previsti mil-liġi li qed jiġu rreġistrati (miżjuda mal-fajl) jew li fuq il-bażi tagħhom qed issir entrata fir-reġistru kummerċjali;
  2. għandux effett legali d-dokument li jkun qed jiġi rreġistrat (miżjud mal-fajl) jew li fuq il-bażi tiegħu tkun qed issir entrata fir-reġistru kummerċjali;
  3. il-forma tad-dokument li jkun qed jiġi rreġistrat (miżjud mal-fajl) jew li fuq il-bażi tiegħu tkun qed issir entrata fir-reġistru kummerċjali tissodisfax ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni jew tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni, fejn il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-possibbiltà li forma partikolari ta’ dokument tkun speċifikata fl-artikoli ta’ assoċjazzjoni;
  4. l-ammont u l-kontenut tal-informazzjoni u d-dispożizzjonijiet fid-dokument li jkun qed jiġi rreġistrat (miżjud mal-fajl) jew li fuq il-bażi tiegħu tkun qed issir entrata fir-reġistru kummerċjali jkunux konformi mal-leġiżlazzjoni u ma’ dokumenti oħra fil-fajl ta’ reġistrazzjoni;
  5. jekk ġiex irreġistrat xi impediment legali ieħor fir-Reġistru tal-Intrapriżi.

Jekk, waqt il-verifika taċ-ċirkostanzi ta’ hawn fuq, ma jinstab l-ebda impediment, in-nutar pubbliku fir-Reġistru tal-Intrapriżi jieħu d-deċiżjoni li jagħmel entrata jew jirreġistra d-dokumenti (iżidhom mal-fajl).

Jekk ir-rekwiżiti ta’ hawn fuq jinstabu li ma ġewx osservati, iżda n-nuqqasijiet jistgħu jiġu rimedjati, in-nutar pubbliku fir-Reġistru tal-Intrapriżi jieħu d-deċiżjoni li jipposponi l-entrata jew ir-reġistrazzjoni tad-dokumenti (iż-żieda tagħhom mal-fajl) u jistabbilixxi limitu ta’ żmien raġonevoli ta’ mhux inqas minn xahar fid-deċiżjoni biex jiġu rimedjati n-nuqqasijiet.

Jekk in-nuqqasijiet identifikati fid-dokumenti ma jistgħux jiġu eliminati jew l-informazzjoni sottomessa ma għandhiex tiġi rreġistrata fir-reġistru kummerċjali, in-nutar pubbliku tar-Reġistru tal-Intrapriżi jieħu d-deċiżjoni li jirrifjuta li jirreġistra d-dokumenti (iż-żieda tagħhom mal-fajl) jew li jirrifjuta li jagħmel entrata fir-reġistru kummerċjali. F’każijiet bħal dawn, it-tariffa tal-Istat ma tiġix rimborżata.

Jekk ir-Reġistru tal-Intrapriżi jingħata evidenza inkonfutabbli li tkun ġiet iffalsifikata firma, in-nutar pubbliku tar-Reġistru tal-Intrapriżi jieħu d-deċiżjoni li jirrifjuta li jirreġistra d-dokumenti (iż-żieda tagħhom mal-fajl) jew li jirrifjuta li jagħmel entrata fir-reġistru kummerċjali.

Proċeduri tal-protezzjoni tad-data

Il-proċeduri huma relatati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data fir-rigward ta’ kwalunkwe tip ta’ pproċessar tad-data personali tagħhom. Ir-Reġistru tal-Intrapriżi jipproċessa data personali għall-fini biss li jwettaq il-funzjonijiet tiegħu u jwettaq il-kompiti tiegħu skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-Liġi dwar l-ipproċessar ta’ data personali u leġiżlazzjoni oħra, u jqis il-prinċipji ta’ prattika tajba li ġejjin għall-ipproċessar ta’ data personali f’kuntest operattiv:

  • id-data personali għandha tiġi pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti billi tiġi pprovduta informazzjoni fuq is-sit web tar-Reġistru dwar il-proċessi tal-ipproċessar tad-data involuti u l-ġustifikazzjoni legali għal u l-finijiet (objettivi) tal-ipproċessar. Id-data personali tiġi pproċessata biss minn impjegati li d-dmirijiet tagħhom jinkludu t-twettiq ta' tali attivitajiet;
  • id-data personali għandha tiġi pproċessata għal finijiet ċari, speċifiċi u leġittimi u ma tiġix ipproċessata kontra l-finijiet inizjali;
  • għandu jiġi applikat il-prinċipju tal-minimizzazzjoni tad-data: id-data għandha tiġi pproċessata biss jekk tkun meħtieġa biex jintlaħaq l-iskop tal-ipproċessar maħsub;
  • għandha tiġi żgurata l-preċiżjoni tad-data: id-data mhux preċiża għandha tiġi kkoreġuta jew aġġornata, għajr fejn il-leġiżlazzjoni tipprevedi l-kuntrarju;
  • id-data għandha tinħażen mingħajr ma jinqabeż il-perjodu ta' żamma meħtieġ biex jinkiseb l-iskop tal-ipproċessar jew il-perjodu ta’ żamma stabbilit fil-leġiżlazzjoni;
  • għandhom jintużaw miżuri tekniċi u organizzattivi proporzjonati u mtejba kontinwament sabiex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità, l-integrità (immutabilità) u s-sigurtà tad-data personali, inkluża l-protezzjoni ta' dik id-data minn ipproċessar mhux awtorizzat jew illegali jew it-telf jew il-qerda aċċidentali tad-data.

Aktar informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data personali ta’ persuni fiżiċi mir-Reġistru tal-Intrapriżi tista' tinstab hawn.

Id-dettalji ta’ kuntatt:

Register of Enterprises of the Republic of Latvia

Pērses iela 2
Riga, Latvia, LV 1011

Numru tat-telefown għall-informazzjoni: 67031703 (Jekk jogħġbok kun af li l-parir legali mhux ipprovdut). Email: pasts@ur.gov.lv

Il-viżitaturi jistgħu jiltaqgħu mal-kap tal-istituzzjoni, sakemm jindikaw il-mistoqsija jew il-problema li jixtiequ jindirizzaw u l-ħin li jixtiequ jżuru, u jagħtu d-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

Links utli:

Ir-Reġistru tal-Intrapriżi tar-Repubblika tal-Latvja
Ir-Reġistru Kummerċjali Ewropew (aċċess ipprovdut minn Lursoft)

L-aħħar aġġornament: 23/07/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.