Reġistri kummerċjali fil-pajjiżi tal-UE

Litwanja

Hu possibbli li tfittex skont il-kodiċi, l-isem jew parti mill-isem tal-persuna ġuridika. Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn ir-reġistru Litwan tal-persuni ġuridiċi.

Il-kontenut ipprovdut minn
Litwanja

L-istorja tal-istabbiliment tar-reġistru nazzjonali

Meta ġie stabbilit?

Ir-reġistru tal-persuni ġuridiċi, li ħa post ir-reġistru preċedenti tal-impriżi u s-sistemi ta’ reġistrazzjoni separati għall-organizzazzjonijiet pubbliċi u għal korpi oħra, beda jopera fl-1 ta’ Jannar 2004.

Ir-reġistrazzjoni ta’ persuni ġuridiċi fil-Litwanja bdiet f’Ottubru 1990 mas-servizzi tar-reġistri muniċipali, filwaqt li l-organizzazzjonijiet pubbliċi kienu jiġu rreġistrati ma’ ministeri separati u ma’ istituzzjonijiet oħra.

Meta ġie ddiġitalizzat?

Id-diġitalizzazzjoni tar-reġistru tal-persuni ġuridiċi bdiet fl-1990. Illum, ir-reġistru hu kompletament diġitalizzat.

X’inhi l-leġiżlazzjoni applikabbli bħalissa?

Il-Kodiċi Ċivili tar-Repubblika tal-Litwanja, il-Liġi dwar ir-reġistru tal-persuni ġuridiċi, u l-liġijiet li jirregolaw l-attivitajiet tal-forom legali speċifiċi tal-persuni ġuridiċi, eż. il-Liġi dwar il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata, ir-regolamenti tar-reġistru tal-persuni ġuridiċi.

Japplikaw ukoll liġijiet oħra relatati mal-attivitajiet ta’ persuni ġuridiċi, bħal-Liġi dwar l-insolvenza tal-persuni ġuridiċi, eċċ.

X’informazzjoni joffri r-reġistru kummerċjali?

Min għandu aċċess għar-reġistru?

Id-data fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi, id-dokumenti maħżuna fir-reġistru u kull informazzjoni oħra sottomessa lir-reġistru huma pubbliċi. Kwalunkwe persuna li tissottometti talba, filwaqt li tindika għal liema skop u skont liema bażi legali se tintuża d-data, għandha d-dritt li tikseb id-data mir-reġistru tal-persuni ġuridiċi u kopji tad-dokumenti maħżuna hemm.

X’informazzjoni fih ir-reġistru?

X’tipi ta’ data huma maħżuna? (Liema entitajiet jiddaħħlu fir-reġistru pubbliku? Informazzjoni dwar insolvenza, rapporti finanzjarji ...)

Il-kodiċi tal-persuna ġuridika; l-isem tagħha; l-indirizz tal-uffiċċju reġistrat; il-korpi tal-persuna ġuridika: data dwar il-membri tal-korpi maniġerjali tal-persuna ġuridika, il-likwidaturi jew l-amministraturi tal-insolvenza tagħha; data dwar il-persuni intitolati jidħlu fi tranżazzjonijiet f’isem il-persuna ġuridika; ir-regola li tippermetti lill-persuni jaġixxu f’isem il-persuna ġuridika; ir-restrizzjonijiet fuq l-attivitajiet tal-persuna ġuridika; id-dati tal-bidu u tat-tmiem tas-sena finanzjarja; il-perjodu ta’ żmien tal-attivitajiet, jekk dan il-perjodu jkun limitat; l-istatus legali tal-persuna ġuridika (f’falliment, f’likwidazzjoni, fil-proċess ta’ ristrutturar jew ta’ riorganizzazzjoni); informazzjoni li l-persuna ġuridika twettaq l-attività ta’ fornitur ta’ trust jew ta’ kumpanija u servizzi ta’ amministrazzjoni, operatur ta’ skambju ta’ muniti virtwali, jew operatur ta’ kartiera tal-muniti virtwali tad-depożiti; meta kumpanija pubblika jew privata b’responsabbiltà limitata jkollha azzjonist wieħed: data dwar l-azzjonist tal-kumpanija, id-data tal-akkwiżizzjoni tal-ishma kollha, id-data tat-trasferiment tal-ishma kollha tal-kumpanija jew ta’ parti minnhom lil persuni oħra; data dwar il-membri tal-korpi superviżorji; data dwar il-fundatur ta’ fergħa jew l-uffiċċju rappreżentattiv tal-persuna ġuridika; it-titoli tar-rapporti finanzjarji annwali jew, fil-każijiet stipulati bil-liġi, it-titoli tar-rapporti finanzjarji konsolidati annwali, u d-dati li fihom ġew iffirmati u sottomessi lir-reġistru ta’ persuni ġuridiċi, eċċ.

Liema dokumenti qed jiġu arkivjati/jinħażnu (fajls, kotba ta’ dokumenti, statuti, minuti tal-laqgħat ġenerali ...)?

Talbiet għar-reġistrazzjoni ta’ data; minuti u deċiżjonijiet tal-laqgħat tal-parteċipanti; minuti u deċiżjonijiet tal-laqgħat tal-korpi maniġerjali kolleġġjali; statuti/regolamenti; strumenti ta’ inkorporazzjoni tal-fergħat u tal-uffiċċji rappreżentattivi ta’ persuni ġuridiċi barranin; settijiet ta’ rapporti finanzjarji annwali jew, fil-każijiet stabbiliti mil-liġi, settijiet ta’ rapporti finanzjarji konsolidati annwali; rapporti ta’ valutazzjoni tal-assi, eċċ.

Kif nista’ nagħmel tfittxija (u x’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli)?

Personalment

Tfittxija tista’ ssir personalment.

Fuq is-sit web tar-reġistru

Tfittxija tista’ ssir fuq is-sit web tar-reġistru.

X’inhuma l-kriterji ta’ tfittxija disponibbli?

Hu possibbli li tfittex skont il-kodiċi, l-isem jew parti mill-isem tal-persuna ġuridika.

Kif nista’ nikseb id-dokumenti?

Mingħajr ħlas?

Id-dokumenti ma jistgħux jinkisbu mingħajr ħlas.

Bi ħlas?

Tintalab tariffa fl-ammont stabbilit mill-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja biex jinkisbu data, informazzjoni u kopji tad-dokumenti mir-reġistru.

Kif nista’ nikseb silta mir-reġistru, kopja attestata jew traskrizzjoni tad-dokumenti?

Silta ċċertifikata mir-reġistru tal-persuni ġuridiċi tista’ tiġi ordnata online mis-sistema ta’ awtoservizz, bil-posta elettronika, bil-posta jew permezz ta' żjara ta' dipartiment tas-servizz għall-klijenti.

Kopja attestata ta’ dokument mir-reġistru tal-persuni ġuridiċi tista’ tiġi ordnata bil-posta elettronika, bil-posta jew permezz ta' żjara ta' dipartiment tas-servizz għall-klijenti. Kopja mhux attestata ta’ dokument tista’ tiġi ordnata u tiġi miksuba online mis-sistema ta’ awtoservizz.

Tintalab tariffa stabbilita mill-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja biex tinħareġ silta jew kopja ta’ dokument.

Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni

Kif nista’ nibda l-proċedura ta’ reġistrazzjoni (kif nippreżenta applikazzjonijiet lir-reġistru, iċ-ċertifikazzjoni tad-dokumenti, it-tip ta’ dokumenti li jridu jkunu mehmuża)?

Personalment

Il-proċedura ta’ reġistrazzjoni tista’ tinbeda personalment.

Iridu jiġu sottomessi d-dokumenti li ġejjin biex tirreġistra persuna ġuridika fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi:

  1. applikazzjoni fil-forma stabbilita għar-reġistrazzjoni ta’ persuna ġuridika;
  2. l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-persuna ġuridika;
  3. dokumenti oħra stabbiliti mil-liġi.

Nutar jew il-Ministeru tal-Ġustizzja jivverifika l-veraċità tad-data sottomessa lill-proċessur tad-data tar-reġistru, il-konformità tal-istrumenti ta’ inkorporazzjoni mar-rekwiżiti regolatorji u jekk ikunx possibbli li tiġi rreġistrata jew li tiddaħħal il-persuna ġuridika, il-fergħa jew l-uffiċċju rappreżentattiv, id-data emendata u l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni, u r-regolamenti tal-fergħa jew tal-uffiċċju rappreżentattiv, minħabba li jkunu ġew issodisfati l-obbligi stabbiliti fil-liġijiet jew f’memorandum u statut ta’ assoċjazzjoni u jkunu seħħew iċ-ċirkustanzi stabbiliti fil-liġijiet jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni.

Online

L-aktar forom legali popolari ta’ persuna ġuridika, bħal kumpaniji privati b’responsabbiltà limitata, sħubijiet żgħar, intrapriżi individwali, korpi pubbliċi, assoċjazzjonijiet, u għaqdiet tal-karità u ta’ appoġġ, jistgħu jiġu stabbiliti online. Dawn jirrappreżentaw madwar 80% tal-persuni ġuridiċi kollha rreġistrati fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi.

Id-dokumenti jistgħu jiġu sottomessi b’mod elettroniku direttament mal-proċessur tad-data tar-reġistru permezz tas-sistema ta’ awtoservizz għall-klijenti taċ-Ċentru tar-Reġistri, dment li l-fundatur ikollu firma elettronika kwalifikata; id-dokumenti jkunu mfasslin f’konformità mal-mudelli approvati (ir-regolamenti, l-istatuti, att ta’ twaqqif jew memorandum ta’ inkorporazzjoni); ma jkunx hemm intenzjoni li jintuża l-isem imqassar tal-Istat (“Lietuva”) fl-isem tal-persuna ġuridika; ikun hemm prova ffirmata b’mod elettronika tal-kunsens mingħand is-sidien tal-bini għall-bini li jkun se jintuża għar-reġistrazzjoni tal-uffiċċju reġistrat, jekk il-bini ma jkunx jappartjeni għall-fundatur; l-ishma ta’ kumpanija privata b’responsabbiltà limitata jitħallsu b’kontribuzzjoni fi flus kontanti; l-objettivi u l-oqsma ta’ attività ta’ assoċjazzjoni, ta’ korp pubbliku jew ta’ għaqda tal-karità u ta’ appoġġ ikunu konsistenti mal-klassifikazzjoni tal-objettivi u tal-oqsma ta’ attività tal-persuni ġuridiċi pubbliċi; għaqda tal-karità u ta’ appoġġ ma jkollhiex kapital ta’ dotazzjoni.

Kif jiġu rrieżaminati l-applikazzjonijiet sottomessi?

Meta jeżamina d-dokumenti sottomessi, il-proċessur tad-data tar-reġistru jiddetermina jekk:

  1. l-applikazzjoni sottomessa lir-reġistru ta’ persuna ġuridika (tibdil fid-data u fid-dokumenti li jkunu se jiddaħħlu fir-reġistru, tħassir ta’ data) tikkonformax mal-forma stabbilita, jew ġewx sottomessi d-dokumenti kollha;
  2. inqabżux it-termini msemmijin fl-Artikolu 2.46(4) tal-Kodiċi Ċivili;
  3. id-data u d-dokumenti sottomessi lir-reġistru jkunux konsistenti b’mod reċiproku, ċari u li dawn ma jkunux qarrieqa;
  4. il-formola jew il-kontenut tad-dokumenti ma jiksirx il-liġi.

Il-proċessur tad-data tar-reġistru jista’ jirrifjuta li jirreġistra persuna ġuridika biss jekk tinstab waħda miċ-ċirkustanzi ta’ hawn fuq.

Jekk id-data tal-applikazzjoni u l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni riċevuti jkunu ġew iċċertifikati minn nutar jew mill-Ministeru tal-Ġustizzja, il-proċessur tad-data tar-reġistru ma jivverifikax il-veraċità tad-data sottomessa jew il-konformità tal-kontenut tad-dokumenti mar-rekwiżiti regolatorji.

L-effetti legali tar-reġistrazzjoni

L-effett tal-entrati fuq partijiet terzi skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2017/1132

Id-data u l-informazzjoni fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi jitqiesu korretti dment li ma jkunux ikkontestati skont il-proċedura stabbilita mil-liġijiet tar-Repubblika tal-Litwanja u mill-atti legali tal-Unjoni Ewropea.

Diskrepanzi bejn l-entrata f’reġistru u l-pubblikazzjoni tagħha

Il-pubblikazzjoni hija bbażata fuq l-entrati ċċertifikati fir-reġistru u fuq il-fatt li ma jkun hemm l-ebda diskrepanza. In-notifiki jiġu ġġenerati b’mod awtomatiku fl-informazzjoni ppubblikata fuq il-bażi tad-data mdaħħla fir-reġistru tal-persuni ġuridiċi.

Min hu responsabbli għall-akkuratezza tar-rekords?

Il-korp maniġerjali tal-persuna ġuridika hu responsabbli għall-akkuratezza tad-dokumenti u tad-data sottomessi u għas-sottomissjoni fil-ħin tagħhom lill-proċessur tad-data tar-reġistru, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mil-liġi jew mill-istrumenti ta’ inkorporazzjoni.

Proċeduri dwar il-protezzjoni tad-data

Proċeduri relatati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data rigward il-pubblikazzjoni u l-ħżin tad-data personali tiegħu

Id-data, l-informazzjoni u d-dokumenti fir-reġistru huma pubbliċi. Kwalunkwe persuna tista’ taċċessa d-data, l-informazzjoni u d-dokumenti fir-reġistru f’konformità mal-proċedura stabbilita mil-liġijiet u mir-regolamenti tar-reġistru tal-persuni ġuridiċi. Ir-riċevituri tad-data jistgħu jużaw id-data tar-reġistru biss għall-iskop, sal-limitu u bil-mod indikati meta jirċivuha. Id-data personali tiġi pproċessata f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679.

Informazzjoni ta’ kuntatt

Il-proċessur tad-data tar-reġistru tal-persuni ġuridiċi – l-intrapriża tal-Istat, iċ-Ċentru tar-Reġistri.

Tel. +370 5 268 8262

Indirizz tal-posta elettronika: info@registrucentras.lt

Links utli

https://www.registrucentras.lt/p/671

https://www.registrucentras.lt/en

L-aħħar aġġornament: 07/04/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.