Storja ta’ kif ġie stabbilit ir-reġistru nazzjonali
Meta nħoloq?
Ir-reġistru tal-kumpaniji, li kien ikopri biss persuni fiżiċi, inħoloq bil-liġi tat-23 ta’ Diċembru 1909 li tistabbilixxi reġistru tal-kumpaniji. Fl-1972 u bi spinta mil-leġiżlazzjoni Ewropea, ġie stabbilit reġistru kummerċjali. Fl-1987, dawn iż-żewġ reġistri ġew magħquda f’reġistru wieħed, ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji. Mill-2003, dan ir-reġistru opera taħt l-awtorità tal-Ministru għall-Ġustizzja u l-ġestjoni tiegħu hija fdata lil grupp b’interess ekonomiku, LUXEMBOURG BUSINESS REGISTERS.
Meta ġie diġitalizzat?
Id-diġitalizzazzjoni tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji bdiet fl-2006 u tlestiet fl-2007. Ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji issa huwa disponibbli biss b’mod elettroniku u jista’ jsir tiftix fih kollu.
X’leġiżlazzjoni tapplika bħalissa?
- il-Liġi emendata tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji u dwar il-kontabilità u l-kontijiet annwali;
- ir-Regolament Gran Dukali emendat tat-23 ta’ Jannar 2003 li jimplimenta l-liġi tad-19 ta’ Diċembru 2002 dwar ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji u dwar il-kontabilità u l-kontijiet annwali;
- ir-Regolament Ministerjali emendat tas-27 ta’ Mejju 2016 li jistabbilixxi l-kriterji għall-preżentazzjoni u l-forma ta’ dokumenti maħsuba għall-pubblikazzjoni fil-Kompendju Elettroniku tal-Kumpaniji u l-Assoċjazzjonijiet (Recueil électronique des sociétés et associations).
X’informazzjoni jipprovdi r-reġistru kummerċjali?
-
Min għandu d-dritt li jaċċessa r-reġistru?
Ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji huwa pubbliku.
X’informazzjoni fih ir-reġistru kummerċjali?
X’tip ta’ data tinħażen? (entitajiet elenkati fir-reġistru pubbliku, informazzjoni dwar l-insolvenza, rapporti finanzjarji, eċċ.)
L-entitajiet li huma obbligati jirreġistraw fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji huma:
- negozjanti li huma persuni fiżiċi;
- kumpaniji kummerċjali;
- gruppi b’interess ekonomiku u gruppi Ewropej b’interess ekonomiku;
- fergħat maħluqa fil-Gran Dukat tal-Lussemburgu minn kumpaniji regolati mil-liġi kummerċjali u ċivili, gruppi b’interess ekonomiku u gruppi Ewropej b’interess ekonomiku, regolati mil-liġi ta’ Stat ieħor;
- kumpaniji regolati mil-liġi ċivili;
- assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ;
- assoċjazzjonijiet tat-tfaddil tal-pensjoni;
- assoċjazzjonijiet agrikoli;
- stabbilimenti pubbliċi tal-Istat u tal-muniċipalitajiet;
- assoċjazzjonijiet tal-assigurazzjoni mutwa;
- soċjetajiet limitati speċjali;
- fondi mutwi u fondi ta’ titolizzazzjoni;
- soċjetajiet mutwi.
L-informazzjoni maħżuna fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji hija kollha stabbilita mil-liġi u tiddependi mill-forma ġuridika tal-entità kkonċernata.
B’mod ġenerali, jinġabru żewġ tipi ta’ informazzjoni:
- data legali (l-isem, l-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat, il-kapital, l-identità tar-rappreżentanti legali, is-sena finanzjarja, informazzjoni dwar deċiżjoni tal-qorti, eċċ.);
- data finanzjarja (kontijiet annwali).
X’dokumenti jiġu ffajljati/maħżuna? (Fajls, ġabriet ta’ dokumenti, statuti ta’ assoċjazzjoni, minuti ta’ laqgħat ġenerali, eċċ.)
Id-dokumenti preskritti mil-liġi biss jiġu ffajljati fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji. Il-lista ta’ dokumenti li għandhom jiġu ffajljati tiddependi mill-forma ġuridika tal-entità kkonċernata.
Id-dokumenti kollha ffajljati għal entità rreġistrata huma inklużi f’fajl elettroniku speċifiku għall-entità, u jinżammu fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji.
Bħala tali, ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji jżomm id-dokumenti li ġejjin (lista mhux eżawrjenti):
- l-atti kostituttivi u li jemendaw l-istatut ta’ assoċjazzjoni;
- l-istatut ta’ assoċjazzjoni kkoordinat;
- il-minuti jew l-estratti tal-minuti li jikkonċernaw bidliet fl-uffiċċju rreġistrat, fl-aġenti, fis-soċji, fil-persuni responsabbli għall-awditjar tal-kontijiet;
- l-estratti ta’ deċiżjonijiet tal-qorti li jaffettwaw entità rreġistrata fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji;
- id-dokumenti tal-kontabilità;
- l-atti jew l-estratti ta’ atti li jiddikjaraw ix-xoljiment tal-entità rreġistrata;
- l-abbozz tat-termini tal-fużjonijiet, eċċ.
Kif nista’ nfittex (u xi kriterji ta’ tiftix huma disponibbli)?
Personalment
Ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji jista’ jiġi kkonsultat direttament fuq is-sit web tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji, li huwa kompletament elettroniku. Madankollu, għal persuni li ma għandhomx it-tagħmir tal-kompjuter meħtieġ, fil-Lussemburgu hemm uffiċċju fiżiku fejn tista’ tagħmel tiftix fuq kompjuter apposta.
Fuq is-sit web tar-Reġistru
Il-fajls jistgħu jiġu mfittxija u kkonsultati fuq is-sit web tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji (RCS) permezz tal-menù “servizzi offruti” u “fittex fajl tal-RCS”.
Sabiex jara d-dokumenti ffajljati, l-utent irid jirreġistra fis-sit web, kemm billi joħloq kont personali kif ukoll mingħajru.
X’kriterji tat-tiftix huma disponibbli?
It-tfittxijiet pubbliċi jsiru bin-numru tar-reġistrazzjoni jew bl-isem tal-entità kkonċernata.
Kif nista’ nikseb id-dokumenti?
Mingħajr ħlas?
Id-dokumenti ffajljati mar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji huma disponibbli mingħajr ħlas. Meta tikkonsulta fajl, id-dokument iffajljat jiġi aċċessat billi sempliċiment tikklikkja fuq l-ikona PDF korrispondenti.
Bi ħlas?
Estratti, ċertifikati jew kopji ċertifikati maħruġa mill-Amministratur tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji huma disponibbli bi ħlas.
Kif nista’ nikseb estratt mir-reġistru, kopja ċertifikata jew traskrizzjoni tad-dokumenti?
L-estratti u ċ-ċertifikati jistgħu jiġu ordnati fuq is-sit web, permezz tal-menù “servizzi offruti”.
Tista’ tordna kopja ċertifikata ta’ dokument iffajljat billi tikkonsulta l-fajl elettroniku tal-entità kkonċernata u timmarkja l-kaxxa “ċertifikat”, li tinsab ħdejn l-ikona PDF biex tara d-dokument iffajljat.
Proċedura ta’ reġistrazzjoni
Kif nibda l-proċedura ta’ reġistrazzjoni (kif nippreżenta applikazzjonijiet lir-reġistru, iċ-ċertifikazzjoni tad-dokumenti, it-tip ta’ dokumenti li jridu jkunu mehmuża)?
Personalment
Ir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji għandu helpdesk miftuħ għal kull min jeħtieġ xi ħaġa mir-Reġistru. Uffiċjal tal-amministratur tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji mbagħad jieħu ħsieb il-proċeduri elettroniċi mal-persuna. Dan is-servizz jeħtieġ appuntament minn qabel.
Online
Kwalunkwe pass li jittieħed fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji jeħtieġ login fis-sit web tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji.
sabiex wieħed jilloggja għal finijiet ta’ ffajljar/reġistrazzjoni, huwa meħtieġ ċertifikat luxtrust jew eIDAS u jrid jinħoloq kont tal-utent. Ladarba jkun illoggjat, l-utent irid jagħżel il-menù “iffajljar elettroniku” biex jibda l-proċess.
Kif jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni?
Ladarba l-utent ikun iffinalizza l-applikazzjoni tiegħu għall-iffajljar/għar-reġistrazzjoni, l-amministratur tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji jwettaq kontroll legali qasir tal-applikazzjoni, fi żmien 3 ijiem minn meta jirċievi l-applikazzjoni. Dan il-kontroll jikkonsisti fil-verifika tal-konsistenza tad-diversi biċċiet ta’ informazzjoni sottomessi u l-verifika li l-informazzjoni kollha meħtieġa tkun ġiet trażmessa u li jkun hemm bażi ġuridika għall-iffajljar jew għar-reġistrazzjoni tal-informazzjoni/tad-dokument ippreżentat.
Jekk l-applikazzjoni ma tkunx kompluta jew tkun żbaljata jew ma tikkonformax mal-liġi, din tiġi rritornata lill-utent għall-verifika u għar-rettifika.
Effetti legali tar-reġistrazzjoni
Effett tar-reġistrazzjoni fuq il-partijiet terzi skont l-Artikolu 17 tad-Direttiva (UE) 2017/1132
Att jew biċċa informazzjoni tiġi ppubblikata billi tiġi ffajljata mar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji, u mbagħad din tiġi ppubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali, jiġifieri fil-Kompendju Elettroniku tal-Kumpaniji u tal-Assoċjazzjonijiet (Recueil électronique des sociétés et associations - RESA). Ladarba tiġi ffajljata fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji, l-informazzjoni tkun aċċessibbli fuq is-sit web tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji. Il-pubblikazzjoni fir-RESA sseħħ fi żmien 15-il jum mill-iffajljar u fil-prattika normalment dakinhar tal-iffajljar.
L-atti jew l-estratti tal-atti jistgħu jiġu invokati biss kontra partijiet terzi mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħhom fir-RESA, sakemm il-kumpanija ma tkunx tista’ turi li dawn il-partijiet terzi kellhom għarfien minn qabel dwarhom. Madankollu, il-partijiet terzi jistgħu jinvokaw atti jew estratti ta’ atti li jkunu għadhom ma ġewx ippubblikati. Fejn tranżazzjoni tkun seħħet qabel is-16-il jum wara d-data ta’ pubblikazzjoni, dawn l-atti u l-estratti ta’ atti ma jkunux eżegwibbli fil-konfront ta’ partijiet terzi li jistgħu juru illi ma setgħux ikunu jafu bihom.
Differenzi bejn ir-reġistrazzjoni u l-pubblikazzjoni
F’każ ta’ diskrepanza bejn it-test iffajljat u t-test li jkun ġie ppubblikat fil-Kompendju Elettroniku tal-Kumpaniji u l-Assoċjazzjonijiet, dan tal-aħħar ma huwiex eżegwibbli kontra partijiet terzi. Madanakollu, il-partijiet terzi nfushom jistgħu jinvokawhom, sakemm il-kumpanija ma turix illi huma kienu fil-fatt jafu li t-test kien ġie ffajljat.
Wara riforma fl-2016 meta l-amministratur tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji sar l-amministratur tal-Kompendju Elettroniku tal-Kumpaniji u tal-Assoċjazzjonijiet, ma għad hemm l-ebda riskju ta’ diskrepanzi bejn it-test iffajljat u t-test ippubblikat.
Min huwa responsabbli għall-akkuratezza tal-informazzjoni reġistrata?
Talbiet għal aċċess għal operazzjonijiet ta’ pproċessar, jew għar-rettifika jew għal-limitazzjoni tagħhom, li għalihom l-amministratur tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji huwa sottokuntrattur u li għalihom il-Ministru għall-Ġustizzja huwa kontrollur tad-data jridu jiġu indirizzati lil-Luxembourg Business Registers (fl-indirizz tal-posta elettronika li ġej helpdesk@lbr.lu, jew bil-posta lil G.I.E. LUXEMBOURG BUSINESS REGISTERS, għall-attenzjoni tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, L-2961, il-Lussemburgu), li jibgħathom lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
L-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji tinżamm għal 20 sena mit-tħassir tal-fajl tal-entità reġistrata, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali u regolatorji applikabbli.
Il-persuna li tkun iffajljat dokument hija responsabbli għall-akkuratezza tal-informazzjoni li tinsab fil-filing.
Prinċipji tal-protezzjoni tad-data
Proċeduri relatati mad-drittijiet tas-suġġett tad-data rigward il-pubblikazzjoni u l-ħżin tad-data personali tiegħu
Talbiet għal aċċess għal operazzjonijiet ta’ pproċessar, jew għar-rettifika jew għal-limitazzjoni tagħhom, li għalihom l-amministratur tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji huwa sottokuntrattur u li għalihom il-Ministru għall-Ġustizzja huwa kontrollur tad-data jridu jiġu indirizzati lil-Luxembourg Business Registers (fl-indirizz tal-posta elettronika li ġej helpdesk@lbr.lu, jew bil-posta lil G.I.E. LUXEMBOURG BUSINESS REGISTERS, għall-attenzjoni tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, L-2961, il-Lussemburgu), li jibgħathom lill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
L-informazzjoni li tinsab fir-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji tinżamm għal 20 sena mit-tħassir tal-fajl tal-entità reġistrata, f’konformità mad-dispożizzjonijiet legali u regolatorji applikabbli.
Informazzjoni ta’ kuntatt
Indirizz tal-uffiċċju |
Indirizz postali |
Ħinijiet ta’ ftuħ |
14, Rue Erasme Tel: (+352) 26 428-1 |
Luxembourg Business Registers |
Uffiċċju: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa, mid-9.00 sa 12.00 u mis-13.30 sal-16.00 Helpdesk bit-telefown: Mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8.00 sal-17.30 |
Links utli
Sit web tar-Reġistri Kummerċjali tal-Lussemburgu
Portal tar-Reġistru tal-Kummerċ u tal-Kumpaniji
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.