X’inhi l-ELRA?
L-Assoċjazzjoni Ewropea tar-Reġistri tal-Artijiet (ELRA) hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ skont il-liġi Belġjana, li tikkonsisti minn 32 organizzazzjoni li jirrappreżentaw ir-reġistri tal-artijiet f’25 pajjiż Ewropew. L-iskop ewlieni tagħha huwa l-iżvilupp u l-għarfien tar-rwol tar-reġistrazzjoni tal-artijiet fi swieq reali tal-proprjetà immobbli u s-swieq kapitali.
X’toffri l-ELRA?
Skont il-Ftehim Qafas ta’ Sħubija man-Netwerks fil-livell tal-UE, l-ELRA qiegħda tiżviluppa attivitajiet differenti, bħal ma huma sessjonijiet ta' ħidma biex jiġi diskuss l-impatt tar-regolamenti Ewropej fejn jidħlu r-reġistri tal-artijiet u l-klijenti tagħhom. L-ELRA tippubblika r-riżultati ta’ dawn l-attivitajiet bħala ġabra ta’ skedi informattivi fuq is-sit web tagħha. Wieħed mir-rwoli ewlenin tal-ELRA huwa wkoll dak li tipprovdi parir espert lill-istituzzjonijiet tal-UE dwar kwistjonijiet li jolqtu r-reġistru tal-artijiet.
Bħala parti mill-proġett IMOLA I, l-ELRA żviluppat mudell elettroniku (id-Dokument Ewropew tar-Reġistri tal-Artijiet, jew ELRD) li jista’ jintuża biex tintwera informazzjoni dwar ir-reġistri tal-artijiet ta’ kwalunkwe pajjiż tal-UE, flimkien ma’ materjal ta’ spjegazzjoni f’lingwi differenti. L-ELRA żviluppat ukoll korsijiet ta’ taħriġ sabiex jitjieb il-fehim tas-sistemi legali differenti fil-pajjiżi differenti tal-UE.
IMOLA II huwa proġett innovattiv ta’ segwitu. L-għan tiegħu hu li jippromwovi mudell effettiv ta’ informazzjoni ta’ referenza, iffukata fuq metadata deskrittiva, biex jiġi kkaratterizzat il-kontenut tal-oġġetti ta’ informazzjoni fis-sistema tar-reġistri tal-art. Dan jagħmilha aktar trasparenti u eħfef li tinftiehem. L-objettiv ta’ IMOLA II huwa li tittejjeb iċ-ċarezza u l-interoperabbiltà ta’ informazzjoni eżistenti fuq l-internet. L-output se jkun imfassal biex ikun integrat fi ħdan l-ambitu tal-proġett ta’ interkonnessjoni tar-reġistri tal-artijiet (LRI) li qiegħed jiġi żviluppat bħalissa, biex tiġi assikurata l-interoperabilità tad-data ospitata fis-Sistema ta’ Organizzazzjoni tat-Tagħrif IMOLA (glossarji u teżawri). Se tkun aċċessibbli permezz ta’ sistema formali ta’ rkupru u viżwalizzazzjoni.
Proġett importanti ieħor tal-ELRA kien CROBECO (Cross Border e-Conveyancing), li ffoka fuq ir-reġistrazzjoni transfruntiera f’reġistri tal-artijiet barranin. Il-proġett irċieva fondi mill-Kummissjoni Ewropea. Il-proġett kellu l-għan li jiffaċilita s-suq immobiljari pan-Ewropew billi jkun ta’ għajnuna għal xerrejja barranin ta' (it-tieni) dar fl-UE.
Għal aktar dettalji jekk jogħġbok ara s-sit web tal-ELRA.
ELRN
Fi ħdan l-ELRA, l-ELRN (in-Netwerk Ewropew tar-Reġistri tal-Artijiet) ġie stabbilit fl-2010 minn membri tal-ELRA u għandu l-għan li jiffaċilita l-kooperazzjoni reċiproka fost il-membri tal-ELRA. Bħalissa hemm 28 membru tal-ELRA minn 21 pajjiż Ewropew li ngħaqdu man-netwerk. Kull organizzazzjoni taħtar reġistratur (uffiċjal tar-reġistru tal-artijiet li jkun espert fid-drittijiet ta' proprjetà u tar-reġistrazzjoni tal-art) bħala l-punt ta’ kuntatt tagħha għan-netwerk.
L-ELRN ħoloq għodod ġodda għall-faċilitazzjoni tal-aċċess għas-servizzi tagħhom fil-livell Ewropew. Sa mill-2012, ħareġ ukoll sensiela ta’ disa’ skedi informattivi li jispjegaw suġġetti differenti.
Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ara s-sit web tal-ELRA.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.