Reġistri tal-artijiet fil-pajjiżi tal-UE

Awstrija

Din il-paġna tagħtik ħarsa ġenerali lejn ir-reġistru tal-artijiet fl-Awstrija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Awstrija

X'joffri r-reġistru tal-artijiet Awstrijak?

Ir-reġistru tal-artijiet (Grundbuch) jipprovdi tweġibiet għal mistoqsijiet kemm legali kif ukoll fattwali. Fih informazzjoni dokumentata dwar it-tranżazzjonijiet kollha tal-proprjetà li huma legalment vinkolanti fl-Awstrija.

Ir-reġistru tal-artijiet u l-arkivju tad-dokumenti elettroniċi tiegħu jistgħu jiġu kkonsultati permezz tal-qrati, in-nutara, l-avukati u ċerti ditti deżinjati magħrufa bħala Verrechnungsstellen.

L-aċċess għar-reġistru tal-artijiet huwa mingħajr ħlas?

L-aċċess jinvolvi ħlas ċkejken lill-qorti, lin-nutar, lill-avukat jew lil waħda mill-Verrechnungsstellen. Il-Verrechnungsstellen huma elenkati fit-taqsima tal-“Grundbuch” tal-paġna ewlenija tal-Ġustizzja Awstrijaka.

Kif tagħmel tiftix fir-reġistru tal-artijiet

Meta ddaħħal in-numru tal-muniċipalità katastali (Katastralgemeinde) u n-numru tal-entrata (l-Einlagezahl jew “EZ”) jew in-numru tal-plott (Grundstücksnummer), tista’ tikseb l-informazzjoni li ġejja mill-bażi tad-data:

  • Estratti kurrenti u storiċi mir-reġistru tal-artijiet
  • Estratti mill-indiċi awżiljarji (Hilfsverzeichnisse)

Din l-informazzjoni tinkludi r-rekords validi kollha. Fuq talba, tista’ tikseb anki d-data li tkun tħassret sakemm din tkun iddaħħlet wara l-bidla tar-reġistru għall-verżjoni elettronika. Id-data l-antika hija disponibbli fuq il-karta biss.

Ir-reġistru ewlieni, il-ġabra tar-rekords u l-indiċi awżiljarji huma pubbliċi. Hemm restrizzjonijiet stretti fuq l-aċċess għall-informazzjoni meta tfittex biss għal sidien individwali. Jekk tista’ tipprova li għandek interess ġuridiku, tista' twettaq tali tfittxija permezz tad-dipartiment tar-reġistru tal-artijiet tal-qorti distrettwali (Bezirksgericht).

L-Istorja tar-reġistru tal-artijiet

Minn madwar l-1870 sal-1992, ir-reġistri tal-artijiet inżammu fuq il-karta. Bejn l-1980 u l-1992, ir-rekords ġew ittrasferiti fil-bażi tad-data tar-reġistru tal-artijiet. Saret migrazzjoni tar-reġistru tal-artijiet lejn programm ġdid fis-7 ta’ Mejju 2012 u minn dakinhar ġie żviluppat u awtomatizzat aktar.

L-aħħar aġġornament: 09/06/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.