Għal raġunijiet storiċi, Franza għandha żewġ sistemi ta’ reġistrazzjoni tal-art (publicité foncière): is-sistema tal-liġi ġenerali u dik stabbilita fid-dipartimenti ta’ Bas-Rhin, Haut-Rhin u Moselle.
F’dawn it-tliet dipartimenti, l-art hija rreġistrata fir-reġistru tal-artijiet (livre foncier) miżmum mill-uffiċċji tar-reġistru tal-artijiet (bureaux fonciers) filwaqt li, fil-bqija ta’ Franza, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-artijiet (services de publicité foncière (SPF)) huma responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-artijiet fl-indiċi tar-reġistru tal-artijiet (fichier immobilier).
X’joffri r-reġistru tal-artijiet Franċiż?
L-indiċi tar-reġistru tal-artijiet jippubblika strumenti legali u deċiżjonijiet.
Dawn jinkludu, bħala eżempju, strumenti li jittrasferixxu s-sjieda ta’ proprjetà immobbli (immeuble) bħal atti ta’ bejgħ (acte de vente) jew diviżjoni (acte de partage), anke jekk huma kundizzjonali, strumenti li jittrasferixxu jew joħolqu dritt in rem (droit réel) bħal donazzjonijiet jew trasferimenti ta’ użufrutt (donation ou cession d’usufruit) fuq proprjetà immobbli, deċiżjonijiet tal-qorti li jaffettwaw proprjetà immobbli, deċiżjonijiet mill-awtoritajiet amministrattivi li jillimitaw id-dritt li tiddisponi minn proprjetà immobbli (droit de disposer), kiri fit-tul (baux de longue durée), klawżoli li jillimitaw id-drittijiet ta’ sjieda bħal klawżoli ta’ inaljenabbiltà (clause d’inaliénabilité) jew garanzija meħuda fuq proprjetà immobbli (suretés) bħal ipoteki (hypothèques) u privileġġi (privilèges).
Ir-reġistru tal-artijiet ta’ Alsace-Moselle jippubblika dokumenti li jagħti prova tad-drittijiet.
Id-drittijiet ta’ sjieda fuq proprjetà immobbli li jirriżultaw minn strument legali jew sitwazzjoni fattwali (akkwist ta' drittijiet ta’ sjieda bi tgawdija (usucapion) jew adeżjoni (accession)) huma rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet. Id-drittijiet tas-sid tal-bini (droit de superficie) u d-drittijiet l-oħra kollha in rem li jirriżultaw minn kiri (bail), l-użufrutt (usufruit), id-dritt ta’ użu (droit d’usage), id-dritt ta’ abitazzjoni (droit d’habitation), is-servitujiet (servitudes), il-privileġġ(privilège), l-ipoteka (hypothèque), id-drittijiet tal-kerrejja u tal-bdiewa (droits des locataires et du fermier) fir-rigward ta’ kera ta’ 12-il sena u d-drittijiet li jirriżultaw minn ċerti deċiżjonijiet tal-qorti, eċċ. huma rreġistrati wkoll.
Kif tagħmel tiftix fir-reġistru tal-artijiet Franċiż
Fi Franza, bl-eċċezzjoni tad-départements ta’ Bas-Rhin, Haut-Rhin u Moselle, l-indiċi tar-reġistru tal-artijiet huwa ġestit mill-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-artijiet. Dawn l-awtoritajiet huma indipendenti minn xulxin. Franza qed tnaqqas gradwalment l-għadd ta’ awtoritajiet tar-reġistrazzjoni tal-artijiet. Filwaqt li sa ftit ilu kien hemm 354, bħalissa hemm biss 120.
Kull min jixtieq jikseb informazzjoni dwar is-sitwazzjoni legali ta’ proprjetà għandu jagħmel talba lill-awtorità tar-reġistrazzjoni tal-artijiet tal-post fejn tinsab il-proprjetà. Tista’ tikseb l-ismijiet ta’ sidien suċċessivi u l-prezzijiet miksuba mal-bejgħ tal-proprjetà għall-finijiet ta’ informazzjoni. B’talba, kull awtorità tipprovdi informazzjoni u kopji tal-atti (copies des actes) mill-indiċi tar-reġistru tal-artijiet relatat ma’ proprjetà jew ma’ persuna fil-pussess ta’ proprjetà fil-ġuriżdizzjoni tagħha. Din l-informazzjoni tingħata bi ħlas. L-ispiża tvarja skont it-tip u l-għadd ta’ talbiet. L-informazzjoni bħalissa mhix ċentralizzata. Konsegwentement, sabiex tikseb informazzjoni dwar proprjetajiet li jinsabu f’ġuriżdizzjonijiet differenti, trid tagħmel talba separata lil kull awtorità tar-reġistrazzjoni tal-artijiet rilevanti.
Din l-informazzjoni issa hija kompletament diġitalizzata u kompjuterizzata. Xi nutara (notaires) Franċiżi għandhom aċċess simultanju għad-data miżmuma mill-awtoritajiet tar-reġistru tal-artijiet kollha fi Franza permezz ta’ server ġestit mill-Kunsill Għoli tan-Nutara (Conseil supérieur du notariat), minħabba li bħalissa qed tiġi implimentata għodda tal-IT ġdida. Dan l-aċċess dirett għall-indiċi tar-reġistru tal-artijiet mhuwiex disponibbli għal professjonisti legali oħra jew individwi.
Fid-dipartimenti ta’ Bas-Rhin, Haut-Rhin u Moselle, ir-reġistru tal-artijiet ilu kompletament kompjuterizzat mill-2008. Ir-reġistru tal-artijiet u r-reġistru tal-ipoteki (registre des dépôts) jistgħu jiġu kkonsultati liberament personalment jew b’mod remot. Kull min jikkonsulta din id-data jista’ jikseb kopja maħruġa mir-reġistru (greffe) jew mill-istituzzjoni pubblika (établissement public) rilevanti. Il-kopji jinħarġu minn istituzzjonijiet pubbliċi għall-finijiet ta’ informazzjoni biss. Dawn is-servizzi huma bi ħlas.
Id-drittijiet ta’ konsultazzjoni jvarjaw skont l-istatus tar-rikjedent. Ċerti professjonisti, bħan-nutara, għandhom drittijiet usa’ ta’ konsultazzjoni (jistgħu jagħmlu tiftix fid-data kollha tar-reġistru tal-artijiet dwar persuni kif ukoll proprjetajiet). Konsultazzjoni abbażi ta’ isem ta’ persuna hija miftuħa għal professjonisti oħra, bħal avukati, jew għal kwalunkwe persuna b’titolu eżekuttiv (titre exécutoire) jew awtorizzazzjoni minn imħallef. Konsultazzjoni abbażi ta’ proprjetà hija miftuħa għal kulħadd.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.