Reġistri tal-artijiet fil-pajjiżi tal-UE

Ungerija

Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali qasira lejn ir-reġistru tal-artijiet tal-Ungerija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Ungerija

X’servizzi joffri r-Reġistru tal-Artijiet Ungeriż?

Ir-Reġistru tal-Artijiet Ungeriż huwa ġestit mill-Ministeru għall-Agrikoltura (Földművelésügyi Minisztérium) u mill-Uffiċċji tal-Artijiet (Földhivatal) tal-Ungerija.

Is-sit web uffiċjali tal-Uffiċċji tal-Artijiet tal-Ungerija (magyarországi földhivatalok) jipprovdi informazzjoni dwar in-network mifrux mal-pajjiż kollu ta’ uffiċċji tal-artijiet Ungeriżi, u jagħti aċċess għan-network kollu ta’ istituzzjonijiet ta’ amministrazzjoni tal-artijiet, b’dettalji dwar:

  • il-kompiti tagħhom;
  • id-dmirijiet tagħhom u s-servizzi li jipprovdu;
  • proġetti ġodda u importanti.

Tista’ tniżżel formoli amministrattivi u taqra dwar is-servizzi elettroniċi tagħna u l-kundizzjonijiet biex tidħol fis-sistema fuq is-sit web. Hawnhekk, tista’ ssib ukoll il-leġiżlazzjoni rilevanti.

L-aċċess għar-Reġistru tal-Artijiet Ungeriż huwa mingħajr ħlas?

L-utenti reġistrati (il-korpi amministrattivi pubbliċi, il-banek, l-avukati, in-nutara pubbliċi, l-awtoritajiet muniċipali, l-aġenti tal-proprjetà immobbli, eċċ.) setgħu jaċċessaw is-servizzi online (TAKARNET) tal-Uffiċċji tal-Artijiet tal-Ungerija mill-2003. Id-data hija pprovduta bi ħlas, f’konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

F’Ġunju 2011 tnieda s-servizz tal-Uffiċċju Online tal-Artijiet (Földhivatal Online), li ċ-ċittadini jistgħu jaċċessaw direttament mill-Portal tal-Gvern billi jdaħħlu l-ID tagħhom tal-“gateway tal-klijenti” (ügyfélkapu) ċentrali. Is-sit jipprovdi l-istess servizzi online bi ħlas liċ-ċittadini kif ukoll lill-utenti reġistrati.

L-utenti tal-Uffiċċju Online tal-Artijiet jistgħu jaċċessaw firxa limitata ta’ data mingħajr ħlas. Is-servizz mingħajr ħlas ikopri biss data deskrittiva dwar il-proprjetajiet (l-ewwel taqsima tal-folja dwar il-proprjetà (tulajdoni lap)). It-tiftix fil-bażi tad-data jista’ jsir bin-numru tal-plott topografiku (helyrajzi szám) jew bl-indirizz tal-proprjetà. L-utenti reġistrati u ċ-ċittadini jistgħu jaċċessaw dawn is-servizzi online 24 siegħa kuljum.

Kif tagħmel tiftixa fir-Reġistru tal-Artijiet Ungeriż

B’mod ġenerali, tista’ tagħmel tiftixa abbażi ta’:

  • in-numru tal-plott topografiku;
  • medda ta’ numri ta’ plottijiet topografiċi; jew
  • l-indirizz tal-proprjetà.

L-utenti bi drittijiet speċjali (il-pulizija, l-awtoritajiet investigattivi, l-eżekuturi tal-qrati, in-nutara pubbliċi f’kawżi ta’ wirt) jistgħu jfittxu skont l-isem u d-data personali tal-proprjetarju u/jew tal-persuna awtorizzata.

L-Istorja tar-Reġistru tal-Artijiet Ungeriż

L-isem uffiċjali tas-sistema legali u amministrattiva li timmaniġġja r-reġistru tal-proprjetà immobbli fl-Ungerija huwa s-“sistema unifikata tar-reġistrazzjoni tal-artijiet” (egységes ingatlan-nyilvántartási rendszer).  Din is-sistema hija meqjusa “unifikata” għaliex id-data tal-immappjar tal-artijiet u d-data legali (telekkönyvGrundbuch) ġiet irreġistrata f’format integrat kemm mil-lat legali kif ukoll istituzzjonali sa mill-1971. Network istituzzjonali uniku li jkopri l-uffiċċji tal-artijiet kollha huwa responsabbli mir-reġistrazzjoni tat-tranżazzjonijiet legali u mill-bidliet fil-mapep tar-reġistru tal-artijiet, jipprovdi data u jwettaq kompiti oħra relatati mal-artijiet u mal-proprjetà. Is-sistema unifikata tar-reġistrazzjoni tal-artijiet abbażi tat-titoli tal-Ungerija kienet l-ewwel tax-xorta tagħha fl-Ewropa.

Is-sistema Ungeriża għandha diversi skopijiet, minħabba li apparti l-attivitajiet tagħha li jkopru l-ispettru sħiħ ta’ attivitajiet ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet, hija twettaq għadd ta’ kompiti oħra, bħall-ħolqien u l-ġestjoni tan-network tal-punti ta’ kontroll ġeodetiku, l-immappjar topografiku, il-konservazzjoni tal-artijiet, ir-reġistrazzjoni tal-kiri tal-artijiet u ż-żamma tal-fruntieri amministrattivi.

Din il-bażi tad-data pubblika komprensiva li fiha informazzjoni dwar art agrikola u proprjetà, jiġifieri wħud mill-komponenti l-aktar importanti tal-ħajja ekonomika, l-agrikoltura u s-self, hija ġestita mill-amministrazzjoni tal-artijiet b’mod integrat u tkopri t-territorju amministrattiv kollu tal-Ungerija.  L-għan tas-sistema huwa li tgħin biex jissaħħaħ id-dritt għall-proprjetà, għal ambjent b’saħħtu, għal-libertà ta’ intrapriża u l-kompetizzjoni, u li tirreġistra uffiċjalment postijiet naturali u artifiċjali magħrufa billi tipprovdi sistema ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet unifikata, awtentikata pubblikament u infrastruttura ta’ data spazjali.

L-għan ġenerali huwa r-reġistrazzjoni u l-immaniġġjar uffiċjali tad-data dwar l-artijiet kollha u proprjetà oħra, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tad-drittijiet tas-sjieda u intitolamenti oħra relatati mal-proprjetà billi tipprovdi sistema u infrastruttura tar-reġistrazzjoni tal-artijiet uniformi u awtentikata pubblikament.
Barra minn hekk, is-sistema ta’ reġistrazzjoni tal-artijiet unifikata għandha żewġ għanijiet speċifiċi.  L-għan legali tar-reġistru tal-artijiet huwa li jipproteġi d-drittijiet relatati mal-proprjetà u d-dokumenti uffiċjali, filwaqt li fl-istess ħin jipprovdi ċertezza għal sidien u detenturi bona fide u jippromwovi l-użu profittabbli tal-proprjetà.  L-għan ekonomiku tar-reġistru huwa li jipprovdi bażi uniformi għall-ippjanar u għall-istabbiliment tal-obbligi finanzjarji, li jiffaċilita l-governanza u l-investiment fil-proprjetà billi joffri data statistika, u li jipprovdi servizzi lis-soċjetà kollha.

Links relatati

Portal tal-Gvern

Is-sit web uffiċjali tal-Uffiċċji tal-Artijiet tal-Ungerija

L-aħħar aġġornament: 06/01/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.