Sib informazzjoni għal kull reġjun
Ir-Reġistru tal-Artijiet (Registo Predial)
Ir-reġistru tal-artijiet jinżamm mill-Uffiċċji tar-Reġistru tal-Artijiet, taħt id-direzzjoni tar-Reġistraturi tal-Artijiet, li huma parti mill-Instituto dos Registos e do Notariado (Istitut tar-Rekords u n-Nutara). Dawn l-uffiċji huma mifruxa mal-Portugall kollu, f'kull muniċipalità iżda l-ġuriżdizzjoni tagħhom mhix limitata skont il-post ġeografiku tagħhom u jistgħu jieħdu kwalunkwe miżura marbuta ma' kwalunkwe propjetà fil-Portugall.
L-għan prinċipali tar-reġistru tal-artijiet huwa li jipprovdi informazzjoni fuq l-istat ġuridiku tal-propjetà u jiżgura s-sigurtà tat-trasferiment tal-propjetà. Bħala regola ġenerali, ir-reġistru huwa obbligatorju għal kull kwistjoni marbuta mat-titoli sa mill-21 ta' Lulju 2008.
Ir-reġistru finali jikkostitwixxi preżunzjoni tal-eżistenza ta' dritt fuq il-propjetà li tappartjeni lill-possessur irreġistrat skont it-termini preċiżi stabbiliti fir-reġistru.
Każijiet li għalihom jinħtieġ annotament fir-reġistru tal-artijiet:
a) fatti ġuridiċi li jistabbilixxu l-eżistenza, ir-rikonoxximent, l-akkwist jew tibdil fid-dritt ta' propjetà, użufrutt, użu u l-abitazzjoni, jew servitujiet;
b) fatti ġuridiċi li jistabbilixxu l-eżistenza jew it-tibdil fis-sidien ta' appartamenti (propriedade horizontal) u d-dritt ta' residenza perjodika;
c) fatti legali li jħassru (convenções anuláveis) jew jikkanċellaw (convenções resolúveis) id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu a);
d) modifika fl-artijiet minħabba diviżjoni f'porzjonijiet, it-twaqqif tal-kopropjetà u d-diviżjoni mill-ġdid tal-art f'porzjonijiet, kif ukoll tibdil relatat;
e) is-sempliċi pussess;
f) wegħda ta' ċessjoni (alienação) jew ipoteka (oneração), ftehim ta' preferenza (pactos de preferência) u dispożizzjonijiet testamentarji, meta dawn jidħlu fis-seħħ, kif ukoll ċessjoni tal-pożizzjoni kuntrattwali minħabba l-fatti kkonċernati;
g) ċessjoni (cessão) ta' propjetà lill-kredituri:
h) ipoteka, ċessjoni jew modifika tagħha, ċessjoni tal-prijorità tad-dritt li għandha l-ipoteka u l-assenjazzjoni tal-kera (consignação de rendimentos);
i) it-trasferiment tad-debiti garantiti mill-ipoteka jew mill-assenjazzjoni tal-kera, fejn il-garanzija teħtieġ li tiġi trasferita;
j) l-għoti tal-propjetà immobbli bħala garanzija għar-riservi tekniċi tal-kumpaniji tal-assigurazzjoni, kif ukoll il-garanzija tar-responsabbiltà ta' min iħaddem;
l) il-kera finanzjarja u t-trasferiment tal-propjetà;
m) lokazzjoni li ddum aktar minn sitt snin u trasferiment tal-propjetà jew sullokazzjoni, ħlief għall-qbiela tar-raba';
n) sekwestru u dikjarazzjoni tal-insolvenza;
o) pleġġ, sekwestru, qbid u inventarju tal-assi garantiti b'ipoteka jew assenjazzjoni tal-kera u atti jew miżuri oħra li jaffettwaw dawn l-assi;
p) stabbiliment ta' 'fedekommessi' (apanágio) u l-emendi tagħhom;
q) obbligu (ónus) ta' kull tnaqqis f'donazzjoni soġġetta għar-rifużjoni;
r) piżijiet ta' dar għall-abitazzjoni bil-kera kontrollata (casa de renda limitada) jew l-introjtu fuq bini ta' din il-kategorija;
s) obbligu tal-ħlas tar-renta għall-każijiet tal-għajnuna lill-bdiewa;
t) rinunzja għall-kumpens, f'każ ta' esproprijazzjoni, għaż-żieda fil-valur tal-propjetà minħabba x-xogħol fuq l-immobbli f'żoni ħdejn toroq nazzjonali jew żoni koperti minn pjanijiet muniċipali ta' titjib;
u) restrizzjonijiet oħra fuq id-dritt ta' propjetà, piżijiet oħra u sitwazzjonijiet oħra li bil-liġi jridu jitniżżlu fir-reġistru;
v) konċessjoni tal-propjetà lill-gvern u t-trasferiment tal-propjetà, fejn trid tiġi reġistrata l-ipoteka fuq id-dritt konċess;
x) fatti legali li jaffetwaw it-terminazzjoni tad-drittijiet reġistrati, il-piżijiet jew l-obbligi.
z) it-titolu li jistabbilixxi impriża tat-turiżmu u l-emendi tiegħu.
L-atti li ġejjin ukoll iridu jiġu rreġistrati fir-reġistru tal-artijiet, kif ukoll id-deċiżjonijiet finali wara l-għoti ta' sentenza finali, li l-għan prinċipali jew alternattiv tiegħu huwa:
a) ir-rikonoxximent, l-istabbiliment, l-emenda jew it-terminazzjoni ta' wħud mid-drittijiet msemmija fil-paragrafu ta' qabel, kif ukoll l-atti revokatorji;
b) ir-riorganizzazzjoni, id-dikjarazzjoni ta' nullità jew l-invalidità ta' reġistrazzjoni jew il-kanċellament tagħha;
c) proċeduri li l-għan tagħhom huwa li jiddikjaraw l-anness u l-inventarju, kif ukoll miżuri oħra li jaffettwaw it-trasferiment ħieles tal-propjetà, u l-miżuri rispettivi ddikjarati.
Il-prinċipji tar-reġistru tal-artijiet
Il-prinċipju tal-infurzar kontra terzi
Il-fatti li jridu jitniżżlu fir-reġistru, anke jekk mhux reġistrati, jistgħu jitqajmu bejn il-partijiet jew l-eredi tagħhom, bl-eċċezzjoni tal-iskrizzjoni ta' ipoteka, li għandha effett bejn il-partijiet biss jekk tiġi rreġistrata fir-reġistru.
Madankollu, każijiet li jridu jitniżżlu fir-reġistru għandhom effett kontra terzi mid-data tal-iskrizzjoni.
Il-prinċipju tal-prijorità
L-ewwel dritt irreġistrat jieħu preċedenza fuq drittijiet irreġistrati aktar tard fuq l-istess propjetà, fl-ordni tad-data tar-reġistrazzjonijiet, u, fl-istess jum, skont il-ħin li fih saru s-sottomissjonijiet korrispondenti.
Il-prinċipju tal-legalità
Il-possibilità li tintlaqa' rikjesta għar-reġistrazzjoni tiġi eżaminata kontra d-dispożizzjonijiet ġuridiċi applikabbli, id-dokumenti preżentati u r-reġistrazzjoni ta' qabel. Tingħata attenzjoni speċjali fil-verifika tal-indirizz tal-bini, il-leġittimità tal-interess tal-partijiet interessati, il-validità formali tat-titoli u l-validità tal-atti li jagħtu t-titolu.
Il-prinċipju tal-katina tat-titolu
L-aħħar reġistrazzjoni li toħloq il-piżijiet permezz ta' atti ġuridiċi tiddependi fuq ir-reġistrazzjoni ta' qabilha fuq il-propjetajiet li l-piż japplika għalihom.
F'każ illi hemm reġistrazzjoni dwar il-propjetà għall-akkwist jew rikonoxximent ta' dritt li jista' jiġi trasferit jew għal sempliċi pussess, id-detentur rispettiv ta' kull titolu jrid jaġixxi sabiex issir reġistrazzjoni ġdida u finali, sakemm din is-sitwazzjoni mhix konsegwenza ta' reġistrazzjoni oħra minn qabel.
Regola ġenerali għall-preskrizzjoni biex issir reġistrazzjoni
Bħala regola ġenerali, ir-reġistrazzjoni trid tintalab fi żmien 30 ġurnata mid-data li fiha ġew irreġistrati l-fatti jew mid-data tal-ħlas tat-taxxa fejn il-pagament irid isir wara l-istabbiliment tat-titolu (titulação) (f'każ ta' konsenja jew donazzjonijiet).
Karatteristiċi oħra tal-proċedura ta' reġistrazzjoni
Il-prinċipju tal-interess leġittimu (princípio da instância) japplika għar-reġistru tal-artijiet, jiġifieri li r-reġistrazzjoni ssir fuq talba ta' persuna li qiegħda f'pożizzjoni leġittima biex titlob hekk. Dawn li ġejjin għandhom interess leġittimu biex jitolbu reġistrazzjoni fir-reġistru: is-soġġetti attivi u passivi tar-relazzjoni ġuridika kkonċernata, u, b'mod ġenerali, kull min għandu interess jew għandu obbligu li jippromwovi dan l-interess.
It-talba tista' ssir personalment, elettronikament, bil-feks jew bil-posta.
Ir-reġistrazzjonijiet isiru biss fejn jiġu ppreżentati wkoll dokumenti. Il-fatti marbuta mal-bini, bħala regola ġenerali, jitniżżlu f'kuntratt iċċertifikat minn uffiċjal pubbliku (escritura pública) jew minn dokument speċifiku u awtentikat (dokument awtentikat minn nutar, avukat, prokuratur legali jew reġistratur tal-artijiet u ppubblikat fuq is-sit elettroniku Predial Online).
Hemm mekkaniżmu obbligatorju li jipprovdi l-informazzjoni li tkun nieqsa, jew, jekk ir-reġistrazzjoni ma tistax issir kif mitlub, ir-reġistratur jikkuntattja lill-persuna li titlob ir-reġistrazzjoni biex tiġbor id-dokumenti kollha meħtieġa, sabiex ir-reġistrazzjoni ma tiġix miċħuda jew tingħata temporanjament.
Ir-reġistratur jirreġistra t-talba fi żmien għaxart ijiem mid-data tat-talba.
Jekk ir-reġistrazzjoni tiġi miċħuda jew ssir provviżorjament, minħabba xi dubji, il-persuna li tagħmel it-talba tiġi infurmata bir-raġunijiet u tista' tippreżenta appell amministrattiv kontenzjuz quddiem is-superjur tar-reġistru skont il-ġerarkija jew tappella l-qorti.
Tariffi
Ir-Regolament dwar it-tariffi għar-rekords u n-nutara (Regulamento Emolumentar dos Registos e do Notariado - Dekret-Liġi Nru 322-A/2001 tal-14 ta' Diċembru 2001) jistabbilixxi t-tariffi għar-reġistru tal-artijiet.
L-aċċess għall-informazzjoni fir-reġistru
Minbarra kopji stampati taċ-ċertifikati, l-informazzjoni tista' tiġi aċċessata faċilment onlajn fuq http://www.predialonline.pt/ permezz ta' ċertifikat elettroniku. Hemm informazzjoni aġġornata fuq is-sitwazzjoni ġuridika tal-bini u dwar l-applikazzjonijiet pendenti għar-reġistrazzjoni. L-aċċess huwa bbażat fuq pjan ta’ abbonament annwali, u jiswa €15. L-applikazzjoni trid issir permezz tan-numru deskrittiv tal-bini jew in-numru tat-taxxa tiegħu. Wara li jsir il-ħlas, kodiċi ta' ċertifikazzjoni jippermetti l-aċċess għall-informazzjoni.
Servizzi oħra
Fil-Portugall, huma disponibbli żewġ reġistri relatati mal-artijiet: Predial Online u Casa Pronta.
Predial Online
Kemm dokumenti awtentikati li jkunu proprjetà privata u li jixhdu atti legali kif ukoll dokumenti ta’ kanċellazzjoni tal-ipoteki jistgħu jittellgħu fis-sit. L-avviżi dwar it-trasferiment tal-bini lil entitajiet bi dritt legali ta’ preferenza (biex dawn ikunu jistgħu jħabbru l-intenzjoni tagħhom jeżerċitawx tali drittijiet jew le) jiġu aċċettati wkoll. Huwa wkoll possibbli li tikkonsulta dokumenti ppubblikati rigward il-bini skont il-proċeduri speċjali għal ġustifikazzjoni u korrezzjoni.
Jistgħu jintalbu wkoll reġistrazzjonijiet, fejn il-partijiet iridu jawtentikaw lilhom infushom permezz ta' ċertifikat diġitali.
L-aċċess għal Predial Online huwa mingħajr ħlas?
Il-parti l-kbira tas-sit elettroniku Predial Online huwa disponibbli mingħajr ħlas. Madanakollu, Regulamento Emolumentar dos Registos e do Notariado (Dekret-Liġi Nru 322-A/2001 tal-14 ta' Diċembru 2001) jistabbilixxi t-tariffi għall-aċċess għal ċerti taqsimiet tas-sit elettroniku, li huma riżervati għall-użu minn utenti awtentikati. L-awtentikazzjoni ssir permezz ta’ ċertifikat diġitali, u tirrigwarda b’mod partikolari r-reġistri onlajn (applikazzjoni u konsultazzjoni tal-istat tal-applikazzjoni) u d-depożitu tad-dokumenti (depożitu u konsultazzjoni).
Informazzjoni disponibbli fir-reġistru ta' Predial Online
Is-sit elettroniku jagħti aċċess għall-informazzjoni u ċ-ċertifikati marbuta mal-propjetà immobbli rreġistrata fir-reġistru tal-artijiet Portugiż
Casa Pronta
Is-servizz Casa Pronta joffri servizz sħiħ, sabiex isiru l-formalitajiet kollha relatati mal-akkwist u l-bejgħ, id-donazzjoni, l-iskambju, datio in solutio (dação pagamento), ta' fondi urbani, rurali jew imħallta, bi jew mingħajr self mill-bank, sat-trasferiment ta' self mill-bank għax-xiri ta' dar għall-abitazzjoni minn bank għall-ieħor jew l-għoti ta' self bl-iskrizzjoni ta' ipoteka fuq id-dar. Is-servizz ta' Casa Pronta jista' jintuża wkoll sabiex jiġi stabbilit id-dritt ta' propjetà tal-appartamenti (propriedade horizontal).
L-ewwel pass f'dawn il-proċeduri isir mar-reġistru tal-artijiet (conservatória) jew ma' bank, li għandhom aċċess għas-sit elettroniku permezz ta' username u password. Dan il-proċess jista’ jiġi segwit fi kwalunkwe ħin.
Is-sit elettroniku joffri lil kwalunkwe individwu l-opportunità li javża dwar it-trasferiment ta’ bini, sabiex l-entitajiet bid-drittijiet legali ta’ preferenza jkunu jistgħu jħabbru l-intenzjoni tagħhom li jeżerċitaw dawn id-drittijiet.
L-aċċess għal Casa Pronta huwa mingħajr ħlas?
Regulamento Emolumentar dos Registos e do Notariado (Dekret-Liġi Nru 322-A/2001 tal-14 ta' Diċembru 2001) jistabbilixxi t-tariffi ta' aċċess għal din il-proċedura.
B'tariffa ta' €15, is-sit elettroniku ta' Casa Pronta joffri lil kull individwu ċ-ċans li javża lil terzi bi trasferiment tal-bini.
Dan jagħti l-possibbiltà lill-entitajiet li jkollhom id-dritt legali ta’ preferenza biex iħabbru l-intenzjoni tagħhom li jeżerċitaw dak id-dritt. Madankollu, f’dan it-tieni każ, l-aċċess għas-sit huwa ristrett.
Barra minn hekk, l-entitajiet li ġejjin biss għandhom aċċess għas-sit elettroniku ta' Casa Pronta:
- Banek
- Reġistri tal-artijiet
- Entitajiet li jirċievu drittijiet legali ta’ preferenza
L-aċċess jinkiseb billi jiddaħħlu isem l-utent u password.
Ma tapplika l-ebda restrizzjoni għall-aċċess fir-rigward tad-dikjarazzjonijiet biex jiġu eżerċitati d-drittijiet legali ta’ preferenza, li jistgħu jsiru mingħajr ħlas.
Ħoloq utli
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.