Reġistri dwar il-fallimenti u l-insolvenza

Estonja

Din il-paġna tipprovdi ġabra fil-qosor tal-informazzjoni dwar l-insolvenza disponibbli fir-reġistru kummerċjali Estonjan u l-pubblikazzjoni uffiċjali Ametlikud Teadaanded (Avviżi Uffiċjali).

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

X'informazzjoni hija disponibbli fl-Estonja dwar l-insolvenza?

L-Estonja ma għandhiex reġistru separat dwar l-insolvenza, iżda l-informazzjoni rigward il-proċedimenti ta’ falliment u l-proċedimenti ta’ aġġustament tad-dejn tal-entitajiet ġuridiċi u tal-persuni fiżiċi hija disponibbli fil-pubblikazzjoni elettronika uffiċjali Ametlikud Teadaanded. Barra minn hekk, ir-reġistru kummerċjali Estonjan u r-reġistru tal-assoċjazzjonijiet u l-fondazzjonijiet mhux għal skop ta’ qligħ fihom informazzjoni dwar il-falliment ta’ entitajiet ġuridiċi u l-persuni li jaħdmu għal rashom.

Dawn li ġejjin huma eżempji ta’ dak li jiġi inkluż fl-Ametlikud Teadaanded mill-qrati u r-riċevent f'falliment:

  • il-ħin u l-post tar-rieżami ta’ petizzjoni ta’ falliment, u avviż ta’ projbizzjoni fuq id-disponiment tal-assi;
  • avviż dwar dikjarazzjoni ta’ falliment;
  • avviż dwar laqgħa ġenerali tal-kredituri;
  • avviż dwar l-approvazzjoni ta’ proposta preliminari ta’ distribuzzjoni;
  • avviż dwar l-għeluq tal-proċedimenti ta' falliment;
  • avviż dwar l-approvazzjoni ta’ pjan ta’ aġġustament tad-dejn.

Fis-sit web tal-Ametlikud Teadaanded wieħed isib lista sħiħa tal-avviżi kollha li għandhom jiġu ppubblikati.

Dawn li ġejjin jiddaħħlu fir-reġistru kummerċjali Estonjan u r-reġistru ta’ assoċjazzjonijiet u fondazzjonijiet mhux għal skop ta’ qligħ abbażi ta’ sentenza tal-qorti:

  • ir-rinunzja għall-proċedimenti ta' falliment mingħajr ma wieħed jiddikjara falliment;
  • id-dikjarazzjoni ta' falliment flimkien mal-isem u l-kodiċi ta' identifikazzjoni personali tar-riċevent f'falliment, kif ukoll nota li ssemmi li hu jew hi qed jirrappreżentaw lill-kumpanija;
  • ir-rinunzja għal dikjarazzjoni ta' falliment flimkien ma' entrata li turi tkomplija fl-attività mill-kumpanija;
  • ir-rinunzja għal dikjarazzjoni ta' falliment u t-tħassir tal-kumpanija mir-reġistru;
  • it-terminazzjoni ta' proċeduri ta' falliment u t-tħassir tal-kumpanija mir-reġistru jew il-kontinwazzjoni tal-attivitajiet tal-kumpanija;
  • kompromess u t-terminu għal dan, b'entrata li turi attività kontinwa;
  • il-kanċellazzjoni ta' kompromess u l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedimenti biex jiġi dikjarat falliment, b’nota li l-kumpanija hija rappreżentata minn riċevent f'falliment;
  • it-tmiem tal-kompromess meta jkun skada, u t-tneħħija tar-riċevent f'falliment;
  • in-nomina ta’ amministratur tal-aggregazzjoni ta' kopertura skont l-Att dwar il-Bonds Koperti, flimkien mal-isem u l-kodiċi ta’ identifikazzjoni personali tagħhom, u nota li huma jirrappreżentaw lill-istituzzjoni ta' kreditu fir-rigward tal-ġestjoni u tad-disponiment tal-portafoll tal-bonds koperti.

Dettalji tal-projbizzjonijiet tal-kummerċ imposti fuq id-debitur jew il-persuna bil-poter li tirrappreżentah jew projbizzjonijiet fuq it-twettiq ta' attivitajiet kummerċjali imposti fuq dik il-persuna ma jiddaħħlux fir-reġistru.

Ir-reġistru kummerċjali Estonjan fih l-informazzjoni segwenti dwar entitajiet ġuridiċi falluti:

  • l-isem tal-entità ġuridika;
  • il-kodiċi tar-reġistru;
  • l-indirizz;
  • id-dettalji tar-riċevent f'falliment;
  • id-dettalji tal-membri tal-bord maniġerjali;
  • id-dettalji tal-amministratur tal-aggregazzjoni ta' kopertura;
  • id-data tal-ordni/tad-deċiżjoni li tiddikjara l-falliment u n-numru tal-ordni jew tal-kawża ċivili.

L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-insolvenza huwa bla ħlas?

Aċċess għad-data tar-reġistru jista’ jsir online u fl-uffiċċji tan-nutara.

L-aċċess għal Ametlikud Teadaanded huwa bla ħlas.

L-ebda tariffa mhija imposta online għal tiftix rigward entitajiet ġuridiċi, persuni li jaħdmu għal rashom u fergħat ta' kumpaniji barranin, għal informazzjoni rigward proċedimenti tal-qorti jew għal aċċess għad-data tal-kard tar-reġistru. Madankollu, hija imposta tariffa għat-tiftix l-ieħor kollu, inklużi data storika tal-kard tar-reġistru u aċċess għal rapporti annwali, artikoli ta' assoċjazzjoni u dokumenti oħrajn. Ir-rati imposti għall-użu tad-data tal-kompjuter fir-reġistru kummerċjali huma stipulati f’Regolament tal-Ministru għall-Ġustizzja.

Hija imposta tariffa għall-konsulenza ma' data tar-reġistru u dokumenti tal-fajl f'uffiċċju tan-nutar. It-tariffi huma stabbiliti fl-Att tat-Tariffi Notarili. Skont l-Att dwar in-Nutara, il-Kamra tan-Nutara għandha tiżgura aċċess bla ħlas għall-fajls pubbliċi u l-fajls kummerċjali f’uffiċċju ta’ nutar fil-kontej ta’ Harjumaa, Tartumaa, Pärnumaa u Ida-Virumaa.

Dettalji tal-projbizzjonijiet tal-kummerċ huma ppubblikati u jista’ jsir aċċess għalihom online mingħajr ħlas.

Kif tfittex għall-informazzjoni dwar l-insolvenza

Tista’ tfittex fl-Ametlikud Teadaanded għall-informazzjoni dwar l-insolvenza ta’ entità ġuridika jew persuna fiżika permezz tal-isem jew tal-kodiċi ta’ identifikazzjoni personali/kodiċi tar-reġistru, u fuq il-paġna ġenerali tat-tiftix tista’ tfittex ukoll permezz tal-keyword. Permezz tal-funzjoni tat-tiftix, wieħed jista’ faċilment isib l-avviżi ppubblikati kollha rigward il-proċedimenti ta’ insolvenza. Meta l-proċedimenti jaslu fi tmiemhom, l-avviżi jiġu arkivjati, bl-eċċezzjoni tal-avviżi li jirrigwardaw it-terminazzjoni tal-proċedimenti, li jibqgħu pubbliċi għal tliet snin.

Tista' tfittex għal entità ġuridika jew persuna li taħdem għal rasha fir-reġistru kummerċjali elettroniku permezz tal-isem tan-negozju, l-isem jew il-kodiċi tar-reġistru. L-istatus ta' entità ġuridika jew persuna li taħdem għal rasha jindika jekk dik il-persuna jew entità humiex falluti jew le.

Ir-reġistru kummerċjali huwa marbut mal-interfaċċa tat-tiftix tar-reġistri tal-insolvenza tal-portal tal-Ġustizzja Elettronika, li tippermetti lill-kumpaniji, selliefa u investituri li jixtiequ jinvestu fi Stati Membri oħra jwettqu verifiki tal-preċedenti personali direttament f’dawk ir-reġistri ta’ pajjiżi oħra li fihom data dwar l-insolvenza. Bis-saħħa tas-soluzzjoni multilingwi li ġiet implimentata, il-proċess li bih wieħed jikseb informazzjoni minn pajjiż għall-ieħor fir-rigward tal-insolvenza huwa aktar trasparenti u huwa aktar faċli li wieħed ikollu aċċess għall-informazzjoni nnifisha. L-informazzjoni hija disponibbli bla ħlas. Il-portal għandu funzjoni bażika tat-tiftix, li tippermetti li jsir tiftix fir-reġistri interkonnessi kollha skont l-isem tad-debitur, kif ukoll funzjonalità tat-tiftix avvanzata, li fiha l-kriterji tat-tiftix jvarjaw skont ir-reġistru tal-pajjiż li fih tkun qed isir it-tiftixa. Fil-ġejjieni (mistennija fl-2021), Ametlikud Teadaanded se tkun konnessa mal-portal tal-Ġustizzja Elettronika, li fih l-informazzjoni mandatorja kollha dwar il-pubblikazzjoni ta’ proċedimenti ta’ insolvenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2015/848 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

Għall-Estonja, huwa possibbli li wieħed ifittex skont l-isem tad-debitur u skont il-kodiċi ta’ identifikazzjoni personali/il-kodiċi tar-reġistru.

Storja tas-servizz ta' informazzjoni dwar il-falliment

Is-servizz Estonjan dwar il-falliment ilu disponibbli mill-1 ta' Settembru 1995.

L-aħħar aġġornament: 06/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.