Reġistri dwar il-fallimenti u l-insolvenza

Rumanija

Din it-taqsima tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza – ir-Reġistru Rumen tal-Insolvenza, stabbilit mill-Ministeru tal-Ġustizzja – l-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

X’informazzjoni jipprovdi r-Reġistru Rumen tal-Insolvenza?

Il-proċedimenti ta' insolvenza fir-Rumanija

Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza (BPI), ippubblikat elettronikament mill-Uffiċċju Nazzjonali tar-Reġistru tan-Negozju, iħarrek il-partijiet, joħroġ avviżi u konvokazzjonijiet, u jipprovdi notifiki tal-atti proċedurali maħruġa mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi waqt il-proċedimenti tal-insolvenza skont il-Liġi Nru 85/2014 dwar il-prevenzjoni tal-insolvenza u l-proċedimenti tal-insolvenza.

“Debituri — persuni fiżiċi b’obbligi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża” hija taqsima tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti ta’ Insolvenza, ippubblikat elettronikament mill-Uffiċċju Nazzjonali tar-Reġistru tan-Negozju, li l-għan tagħha huwa li tippubblika, f’konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali, id-deċiżjonijiet tal-kumitat tal-insolvenza u s-sentenzi tal-qorti, kif ukoll atti oħrajn li l-pubblikazzjoni tagħhom hija prevista mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 151/2015 dwar l-insolvenza ta’ persuni fiżiċi;

Proċedura ta’ insolvenza għal persuni ġuridiċi:

Il-proċedura ġenerali tal-insolvenza tapplika:

1. għall-professjonisti (dawk kollha li joperaw impriża), bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jipprattikaw il-professjonijiet liberi u dawk li hemm dispożizzjonijiet speċjali relatati mar-reġim tal-insolvenza għalihom.

Il-proċedura ssimplifikata tal-insolvenza tapplika:

1. għall-professjonisti;

  • il-kummerċjanti waħdiena;
  • il-kumpaniji b’membru wieħed u għan-negozji tal-familja.

2. għad-debituri li jissodisfaw għadd ta’ kriterji speċifiċi, jiġifieri:

  • ma jkollhomx assi;
  • id-dokumenti kostituttivi jew tal-kontijiet ma jkunux jistgħu jinstabu;
  • l-amministratur ma jkunx jista’ jinstab;
  • l-uffiċċju rreġistrat ma jkunx għadu jeżisti jew ma jkunx għadu l-istess wieħed li hemm irreġistrat fir-reġistru kummerċjali; ma jkunux ppreżentaw id-dokumenti rikjesti mil-liġi;
  • ikunu s-suġġett ta’ xoljiment qabel ma jiġi ppreżentat ir-rikors;
  • ikunu ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jfallu jew ma jkunux intitolati għal riorganizzazzjoni ġudizzjarja.

Mill-aħħar ta’ Ġunju 2014 ’l hawn, il-proċedura tal-insolvenza għall-persuni ġuridiċi hija rregolata mil-Liġi Nru 85/2014 dwar il-prevenzjoni tal-insolvenza u il-proċedimenti tal-insolvenza, li d-dispożizzjonijiet tagħha japplikaw għall-proċessi legali mibdija wara d-dħul fis-seħħ tagħha. Il-proċessi legali mibdija qabel id-dħul fis-seħħ tal-Liġi Nru 85/2014 għadhom soġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 85/2006 dwar il-proċedimenti tal-insolvenza.

Il-proċedura ta’ insolvenza ta’ persuni fiżiċi, irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi Nru 151/2015 dwar l-insolvenza ta’ persuni fiżiċi, fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2018, għandha tapplika għal debitur fiżiku li l-obbligi tiegħu ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża u li:

  • kien domiċiljat/residenti/abitwalment residenti fir-Rumanija għal mill-inqas 6 xhur qabel is-sottomissjoni tat-talba;
  • ikun insolventi;
  • ikollu ammont totali ta’ obbligi pendenti mill-inqas ugwali għall-valur tal-livell limitu (15-il paga minima għal kull ekonomija).

Il-proċedura ta’ insolvenza għal persuni fiżiċi tista’ tkun:

  • proċedimenti abbażi tal-pjan tar-ripagament tad-dejn;
  • proċedimenti ġudizzjarji ta’ insolvenza permezz tal-likwidazzjoni tal-assi;
  • proċedimenti ta’ insolvenza simplifikati.

Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza

X’informazzjoni jinkludi?

Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza fih l-atti proċedurali kollha maħruġa mill-qrati u mill-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi matul il-proċedimenti tal-insolvenza, jiġifieri:

  • taħrikiet;
  • komunikazzjonijiet;
  • avviżi;
  • avviżi ta’ laqgħat;
  • sentenzi;
  • atti proċedurali oħrajn meħtieġa mil-liġi (rapporti maħruġa mill-amministratur tal-insolvenza/likwidatur, pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni ġudizzjarja, tħabbir).

It-Taqsima “Debituri — persuni fiżiċi b’obbligi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża” tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza tinkludi dokumenti proċedurali previsti għall-pubblikazzjoni skont il-Liġi Nru 151/2015 dwar l-insolvenza ta’ persuni fiżiċi.

kif inhu strutturat is-sit web tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza?

Is-sit tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza jinkludi aċċess għal dan li ġej:

  • informazzjoni bla ħlas;
  • informazzjoni rigward l-istruttura tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali, id-Direttorat għall-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza;
  • leġiżlazzjoni speċifika, formoli pprovduti/ippubblikati mill-Bullettin u atti proċedurali.

Is-sit tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza (BPI) tinkludi t-taqsimiet li ġejjin:

  • informazzjoni rigward l-istabbiliment tal-BPI;
  • atti leġiżlattivi;
  • organigramma tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali, l-uffiċċji tar-reġistri tal-kummerċ marbutin mal-qrati u l-BPI;
  • dizzjunarju ġuridiku (insolvenza);
  • data statistika mill-BPI;
  • tariffi;
  • informazzjoni ta’ kuntatt.

Il-formoli tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza jistgħu jiġu aċċessati mill-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali fit-taqsima ddedikata għall-Bulettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza, li hija strutturata kif ġej:

1. Servizzi BPI:

  • “Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza online” (bi ħlas);
  • “Taqsira tal-ħarġa tal-BPI” (informazzjoni bla ħlas);
  • “Persuni ppubblikati fil-BPI” (informazzjoni bla ħlas).

2. Formoli relatati mal-attivitajiet ta’ pubblikazzjoni tal-BPI:

  • Formoli online għall-pubblikazzjoni fil-BPI;
  • Formoli offline għall-pubblikazzjoni fil-BPI.

3. Formoli relatati mal-attivitajiet ta’ disseminazzjoni tal-informazzjoni tal-BPI:

  • Formoli online biex tingħata informazzjoni lill-BPI;
  • Formoli offline biex tingħata informazzjoni lill-BPI.

4. Statistika

L-aċċess għar-Reġistru tal-Insolvenza tar-Rumanija huwa bla ħlas?

Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza jiġi ppubblikat f’format elettroniku. Il-verżjoni elettronika tal-Bullettin tinsab online:

L-aċċess għas-servizzi pprovduti mill-BPI huwa divrenzjat:

  • l-utenti jistgħu jidħlu fis-sit web uffiċjali tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza bla ħlas u mingħajr ma jirreġistraw;
  • l-aċċess għall-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali jirrikjedi li wieħed jirreġistra bħala utent;
  • l-aċċess għall-“Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza online” jingħata malli wieħed jirreġistra bħala utent u jħallas l-abbonament;
  • l-aċċess għat-“taqsira tal-ħarġa tal-BPI” u l-“Persuni ppubblikati fil-BPI” huwa bla ħlas u jirrikjedi biss li wieħed jirreġistra bħala utent.
  • L-aċċess għas-servizzi: It-Taqsima “Persuni ppubblikati fil-BPI” u t-taqsima “Debituri — persuni fiżiċi b’obbligi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża” jeħtieġu awtentikazzjoni u huma mingħajr ħlas għad-debituri, il-kredituri, l-amministraturi tal-proċedimenti u l-likwidaturi (f’kull kawża ta’ insolvenza fejn ikollhom waħda minn dawn il-kapaċitajiet), u għall-kumitati tal-insolvenza u l-qrati, l-aċċess għall-kawżi kollha ta’ insolvenza huwa mingħajr ħlas.

Kif tfittex fir-Reġistru tal-Insolvenza Rumen

Fil-“Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza online”, it-tiftix jista’ jsir: bl-użu tan-numru u s-sena tal-pubblikazzjoni ta’ ħarġa tal-BPI, b’isem il-persuna ppubblikata fil-BPI, bin-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, bin-numru tar-reġistrazzjoni tar-Reġistru tal-Kummerċ, bin-numru ta’ referenza tal-kawża l-qorti jew bl-intervall tal-pubblikazzjoni tal-BPI. B’abbonament bil-ħlas, l-abbonati jistgħu jaċċessaw ħarġiet antiki li jkun fihom atti proċedurali fis-sħiħ.

Wieħed jista’ jfittex it-“taqsira ta’ ħarġa tal-BPI” bin-numru u d-data tal-ħarġa tal-BPI. L-informazzjoni li ġejja tista’ tiġi aċċessata bla ħlas:

  • it-tip ta’ att proċedurali ppubblikat fil-Bullettin (pereżempju: taħrika, deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, notifika tal-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza, konvokazzjoni għal laqgħa tal-kredituri, rapport ta’ attività, pjan ta’ riorganizzazzjoni, deċiżjoni għall-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment, notifika ta’ ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment, pjan ta’ distribuzzjoni, rapport finali, deċiżjoni biex jingħalqu proċedimenti ta’ insolvenza, eċċ.);
  • isem il-persuna ppubblikata fil-BPI;
  • il-kontea li l-persuna ġuridika ppubblikata fil-BPI għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-ġuriżdizzjoni tagħha;
  • in-numru ta’ referenza tat-taxxa;
  • in-numru tal-entrata fir-reġistru.

Tista’ tfittex fis-servizz “Persuni ppubblikati fil-BPI” bl-użu tan-numru u s-sena tal-pubblikazzjoni ta’ ħarġa tal-BPI, b’isem id-debitur, bin-numru ta’ identifikazzjoni tat-taxxa, bin-numru tar-reġistrazzjoni tar-Reġistru tal-Kummerċ, bin-numru ta’ referenza tal-kawża l-qorti jew bl-intervall tal-pubblikazzjoni tal-BPI. L-informazzjoni li ġejja tista’ tiġi aċċessata bla ħlas:

  • isem;
  • in-numru ta’ referenza tat-taxxa;
  • numru ta’ reġistrazzjoni tal-persuna ppubblikata fil-BPI;
  • il-kontea li l-persuna ġuridika ppubblikata fil-BPI għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-ġuriżdizzjoni tagħha;
  • in-numru tal-kawża tal-insolvenza u isem il-qorti li l-kawża tkun irreġistrata għandha;
  • in-numri/snin tal-bullettini li d-dokumenti proċedurali ġew ippubblikati fihom;
  • it-tip ta’ proċedimenti ta’ insolvenza;
  • id-data tal-ewwel seduta stabbilita wara li jinfetħu l-proċedimenti ta' insolvenza, meta tkun applikabbli.

Tista’ tfittex fis-servizz “Persuni ppubblikati fil-BPI” fit-taqsima “Debituri — persuni fiżiċi b’obbligi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża” bil-kunjom, bl-isem, bin-numru tal-identifikazzjoni personali, bid-data tat-twelid u l-post tat-twelid tad-debitur, bin-numru u s-sena tal-pubblikazzjoni ta’ ħarġa tal-BPI, bin-numru tal-atti tal-insolvenza, bl-intervall tal-pubblikazzjoni. L-informazzjoni li ġejja hija aċċessibbli:

  • kunjom u isem id-debitur fiżiku;
  • in-numru ta’ identifikazzjoni personali tad-debitur;
  • l-indirizz tad-debitur;
  • id-data tal-identifikazzjoni u l-indirizz tal-amministratur proċedurali/tal-likwidatur;
  • dokumenti proċedurali ppubblikati - isem, numru u data, qorti/kumitat tal-insolvenza, numru u data tal-bullettin, tip ta’ proċedimenti ta’ insolvenza.

Tista’ tfittex fit-taqsima “Debituri — persuni fiżiċi b’obbligi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża” tal-BPI bil-kunjom, bl-isem, bin-numru tal-identifikazzjoni personali, bid-data tat-twelid u l-post tat-twelid tad-debitur, bin-numru u s-sena tal-pubblikazzjoni ta’ ħarġa tal-BPI, bin-numru tal-atti tal-insolvenza, bl-intervall tal-pubblikazzjoni. F’dik it-taqsima n-numri li d-dokumenti proċedurali jingħataw bihom huma aċċessibbli.

L-istorja tar-Reġistru tal-Insolvenza Rumen

Il-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza ġie stabbilit fl-2006, skont il-Liġi Nru 86/2006 dwar il-proċedimenti tal-insolvenza.

It-taqsima intitolata “Debituri — persuni fiżiċi b’obbligi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża” ilha inkluża fil-BPI mill-2018.

L-għan prinċipali tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza Rumen huwa l-ottimizzazzjoni kontinwa tas-sistema elettronika tat-taħrikiet, l-avviżi, il-konvokazzjonijiet u n-notifiki tal-atti proċedurali ppubblikati.

Il-benefiċċji tar-Reġistru tal-Insolvenza Rumen

Il-pubblikazzjoni tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza għandha benefiċċji ċari:

  • taċċellera l-proċedimenti tal-insolvenza u tissimplifika l-komunikazzjoni tat-taħrikiet, il-konvokazzjonijiet, in-notifiki, id-deċiżjonijiet tal-qorti u atti proċedurali oħrajn maħruġa mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi, u b’hekk tistabbilixxi proċedura ta’ komunikazzjoni elettronika;
  • tgħaqqad u tistandardizza l-atti proċedurali maħruġa mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi;
  • tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ bażi ta’ data nazzjonali ta’ atti proċedurali maħruġin mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi (jiġifieri taħrikiet, avviżi, deċiżjonijiet tal-qorti, konvokazzjonijiet, notifiki, rapporti, pjanijiet ta’ riorganizzazzjoni);
  • tiffaċilita d-dħul malajr fir-Reġistru tal-Kummerċ/reġistri oħrajn tan-notifiki tal-insolvenza maħruġin skont il-Liġi Nru 85/2014 dwar il-prevenzjoni tal-insolvenza u l-proċedimenti tal-insolvenza li jridu jiġu rreġistrati fir-reġistru;
  • tagħti aċċess lill-persuni interessati għall-atti proċedurali maħruġa mill-qrati u l-amministraturi tal-insolvenza/likwidaturi.

Ħoloq rilevanti

Is-sit web uffiċjali tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti tal-Insolvenza tar-Rumanija

Is-sit uffiċjali tar-Reġistru tal-Kummerċ tar-Rumanija

It-Taqsima “Debituri — persuni fiżiċi b’obbligi li ma jirriżultawx mill-operat ta’ impriża” tal-Bullettin dwar il-Proċedimenti ta’ Insolvenza

Il-portal tas-servizzi elettroniċi tal-Uffiċċju tar-Reġistru tal-Kummerċ Nazzjonali Rumen

L-aħħar aġġornament: 25/04/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.