Reġistri dwar il-fallimenti u l-insolvenza

Slovenja

Din it-taqsima tipprovdilek introduzzjoni dwar ir-reġistru ta’ insolvenza tas-Slovenja. L-informazzjoni dwar ir-reviżjoni u l-pubblikazzjoni tal-proċedimenti ta’ insolvenza fis-Slovenja huma aċċessibbli onlajn.

Il-kontenut ipprovdut minn
Slovenja

X'joffri r-reġistru ta’ insolvenza Sloven?

Il-bażi tad-dejta e-INSOLV tagħti informazzjoni dwar ir-reviżjoni ta’ proċedimenti ta’ insolvenza. Tipprovdi wkoll id-dejta li ġejja dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza:

  • għażla ta' dejta ta’ identifikazzjoni dwar id-debitur insolventi,
  • il-qorti li tkun qed tmexxi l-proċedimenti u n-numru tal-fajl tal-każ,
  • għażla ta' dejta ta’ identifikazzjoni dwar l-amministratur tal-proċedimenti ta’ insolvenza,
  • il-ftuħ tal-proċedimenti, l-iskadenza taż-żmien biex jitressaq rikors u dejta dwar atti proċedurali oħra fil-proċedimenti,
  • fil-każ ta’ proċediment ta’ falliment, dejta dwar il-valur tal-patrimonju fallut u l-proporzjonijiet ta’ rimborż għall-kredituri.

Il-bażi tad-dejta e-Publications tagħti aċċess għal:

  • l-ordnijiet kollha tal-qrati (singular: sklep; plural: sklepi) maħruġa għal proċedimenti ta’ insolvenza, ħlief għall-ordnijiet dwar il-ġbir ta’ rimunerazzjonijiet regolari, l-ordnijiet dwar il-qbid ta’ assi finanzjarji, l-ordnijiet dwar it-terminazzjoni ta’ ġbir ta’ rimunerazzjonijiet regolari jew il-qbid ta’ assi finanzjarji;
  • avviżi dwar il-ftuħ tal-proċedimenti, avviżi dwar l-iffissar tas-smigħ, kif ukoll avviżi oħra jew sejħiet għal vot maħruġa skont il-liġi minn qorti;
  • il-minuti kollha tas-smigħ u tal-laqgħat tal-kumitat tal-kredituri;
  • ir-rapporti tal-amministratur u dokumenti mehmuża;
  • fi proċedimenti ta’ soluzzjoni mandatorja, ir-rapporti wkoll tad-debitur insolventi u dokumenti mehmuża;
  • listi ta’ rikorsi ppruvati;
  • rikorsi mressqa mill-partijiet tal-proċedimenti u dokumenti oħra tal-qorti, li l-pubblikazzjoni tagħhom hija prevista;
  • fi proċedimenti ta’ falliment, is-sejħiet kollha għal subbasta pubblika u stediniet biex isiru offerti għar-realizzazzjoni tal-patrimonju fallut.

Barra minn dan, jistgħu jinkisbu lista tal-amministraturi kollha(seznam vseh upraviteljev) u tal-proċedimenti ta’ insolvenza (seznam upraviteljev) li dawn ikunu qed jittrattaw mill-bażi tad-dejta e-Publications. Il-listi jiġu aġġornati kuljum.

Iż-żewġ bażijiet tad-dejta huma proprjetà ta'AJPES u ġestiti minnha, l-Aġenżija tar-Repubblika Slovena għar-Rekords Pubbliċi Ġuridiċi u Servizzi Relatati (Agencija Republike Slovenije za javnopravne evidence in storitve).

L-aċċess għar-reġistru ta’ insolvenza Sloven huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa bla ħlas. Sabiex ikollok aċċess għaliha, madankollu, trid tirreġistra bħala utent fil-websajt tal-AJPES u tikseb username u password.

Kif tagħmel tiftixa fir-reġistru ta' insolvenza Sloven

Iż-żewġ bażijiet tad-dejta, inkluż is-sistemi ta’ tiftix, huma biss fil-lingwa Slovena. Hija possibbli tiftixa dwar dejta u dokumenti dwar il-proċedimenti ta' insolvenza li jikkonċernaw persuni ġuridiċi u negozjanti bl-użu tal-kriterji kollha ta' tiftix disponibbli, filwaqt li fil-każ ta' tiftix għal dejta u dokumenti dwar il-konsumaturi (persuni fiżiċi li mhumiex negozjanti) jistgħu jintużaw biss ċerti gruppi ta' dejta, sabiex tiġi mħarsa l-informazzjoni personali.

Il-bażi tad-dejtae-Publications tħallik tagħmel tiftixa għad-dokumenti ppubblikati lkonnessi ma’ proċedimenti ta’ insolvenza. Id-dokumenti ppubblikati jistgħu jiġu mfittxija skont:

  • It-tip ta' debitur (persuna ġuridika, persuna fiżika…),
  • It-tip ta' proċediment (falliment, soluzzjoni mandatorja…),
  • It-tip ta' dokument,
  • Id-Debitur (fittex skont l-isem tal-kumpanija, in-numru tat-taxxa jew in-numru tal-identifikazzjoni),
  • L-għamla ġuridika (kumpanija limitata pubblika, kumpanija limitata privata…)
  • In-numru tal-fajl,
  • Il-Qorti,
  • Id-data tal-att jew tal-pubblikazzjoni tad-dokument.

    Ir-riżultati tat-tiftix jitqiegħu f’ordni skont id-data tal-pubblikazzjoni.

Fl-e-INSOLV huwa possibli li ssir tiftixa għad-dejta dwar proċedimenti ta' insolvenza permezz ta':

  • In-numru tal-fajl,
  • Id-Debitur (l-isem u l-kunjom jew l-isem tal-kumpanija, in-numru ta' identifikazzjoni, l-indirizz, id-data tat-twelid)

L-istorja tar-reġistru tal-insolvenza tas-Slovenja

Id-dejta fir-reġistru ilha disponibbli mill-1 ta’ Ottubru 2008. Qabel din id-data, ċerta informazzjoni, bħall-avviżi pubbliċi fil-bidu tal-proċedimenti ta' insolvenza, kienet tiġi ppubblikata fil-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tas-Slovenja (Uradni list Republike Slovenije; UL RS).

Ħoloq relatati

Ir-reġistru tal-insolvenza

L-aħħar aġġornament: 23/03/2018

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.