Sib informazzjoni għal kull reġjun
Ir-reġistru tal-insolvenza Spanjol
L-informazzjoni pubblika dwar l-insolvenzi u l-proċedimenti ta’ insolvenza hija element essenzjali tat-trasparenza u ċ-ċertezza tad-dritt. Fi Spanja, dan jiġi pprovdut permezz tar-Reġistru Pubbliku tal-Insolvenza (Registro Público Concursal), li huwa rregolat mill-Artikolu 198 tal-Liġi dwar l-Insolvenza. Din il-Liġi ġiet implimentata permezz tad-Digriet Irjali 892/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013, li jistipula li r-Reġistru Pubbliku tal-Insolvenza huwa ġestit mill-Assoċjazzjoni tar-Reġistraturi (Colegio de Registradores), li jaqa’ taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja.
Ir-Reġistru Pubbliku tal-Insolvenza għandu għan triplu:
- Id-disseminazzjoni u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u l-atti maħruġa skont il-Liġi dwar l-Insolvenza, u tal-entrati fir-reġistru li jirriżultaw minn proċedimenti ta’ insolvenza.
- Il-koordinazzjoni bejn id-diversi reġistri pubbliċi li d-dikjarazzjoni tal-insolvenza u l-progress tal-proċedimenti jridu jiġu rreġistrati fihom.
- Il-ġenerazzjoni tal-lista tal-amministraturi tal-insolvenza li jissodisfaw ir-rekwiżiti legali u regolatorji. Madankollu, din il-funzjoni għadha ma ġietx implimentata.
Ir-Reġistru Pubbliku tal-Insolvenza jinsab fuq portal tal-internet: http://www.publicidadconcursal.es/.
L-għan tar-Reġistru Pubbliku tal-Insolvenza huwa li jiġbor flimkien l-informazzjoni rilevanti ġġenerata waqt il-proċedimenti ta' insolvenza, għal finijiet purament ta’ informazzjoni u ta’ divulgazzjoni pubblika.
L-aċċess għar-reġistru tal-insolvenza huwa mingħajr ħlas?
L-aċċess għar-reġistru pubbliku tal-insolvenza huwa mingħajr ħlas.
Kif tfittex fir-Reġistru tal-Insolvenza
Ir-Reġistru Pubbliku tal-Insolvenza huwa strutturat f’erba’ taqsimiet li l-entrati fihom jiġu fl-ordni skont il-parti soġġetta għall-proċedimenti ta’ insolvenza, jew skont id-debitur, f’ordni kronoloġika:
- Taqsima 1 (avviżi ta’ insolvenza): din tinkludi deċiżjonijiet li jridu jiġu ppubblikati skont l-Artikolu 23 tal-Liġi dwar l-Insolvenza u deċiżjonijiet li jirreġistraw il-ftuħ ta’ negozjati skont l-Artikolu 5 bis ta’ dik il-Liġi. Hija tinkludi wkoll informazzjoni dwar il-ftuħ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza mibdija fi Stat Membru ieħor f’konformità mal-liġi tal-UE dwar il-proċedimenti ta’ insolvenza.
- Taqsima 2 (informazzjoni fir-reġistri pubbliċi): tinkludi annotazzjonijiet u entrati magħmula fi kwalunkwe reġistru pubbliku ta’ persuni msemmija fl-Artikolu 24 tal-Liġi dwar l-Insolvenza.
- Taqsima 3 (ftehimiet ekstraġudizzjarji): tinkludi informazzjoni dwar il-passi meħuda biex jintlaħqu ftehimiet ekstraġudizzjarji dwar ħlasijiet skont it-Titolu X tal-Liġi dwar l-Insolvenza u dwar l-approvazzjoni tal-qorti ta’ ftehimiet ta’ rifinanzjament skont ir-raba’ dispożizzjoni addizzjonali tal-Liġi dwar l-Insolvenza.
- It-Taqsima 4 (l-amministraturi tal-insolvenza u l-assistenti delegati tagħhom — għad trid tinħoloq u tiġi żviluppata).
Fit-tiftixiet, jistgħu jiddaħħlu l-ismijiet tad-debitur insolventi jew tal-amministratur tal-insolvenza: dan isiblek l-informazzjoni disponibbli dwarhom fi kwalunkwe waħda mit-taqsimiet.
L-istorja tar-reġistru tal-insolvenza
Il-Liġi tal-2003 dwar l-Insolvenza ma pprevedietx reġistru li jagħti informazzjoni dwar proċedimenti ta’ insolvenza b’mod ġenerali. Il-kwistjoni kienet koperta mill-arranġamenti għall-pubblikazzjoni stabbiliti dak iż-żmien fil-liġi Spanjola dwar il-kumpaniji, li kienu bbażati fuq il-pubblikazzjoni ta’ avviżi fil-gazzetti ta’ kuljum bl-ogħla ċirkolazzjoni fil-provinċja ikkonċernata. Dan kien ifisser dejjem aktar li l-proċedimenti kienu jispiċċaw jeħlu, peress li l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni kellu jiġġarrab mill-patrimonju tal-insolvenza, li mhux dejjem kien ikun jiflaħ iħallashom.
L-Artikolu 198 tal-Liġi dwar l-Insolvenza kien jipprevedi reġistru pubbliku tal-kawżi ta’ insolvenza kolpevoli u l-ħatra jew l-iskwalifika tal-amministraturi tal-insolvenza. Dan ir-reġistru ġie estiż u ngħata l-isem “Reġistru Pubbliku tal-Insolvenza” bid-Digriet Irjali 3/2009 tad-29 ta’ Marzu 2009 dwar miżuri urġenti fi kwistjonijiet ta’ tassazzjoni, finanzjarji u ta’ insolvenza biex jiġu indirizzati l-bidliet fis-sitwazzjoni ekonomika. Minn dak iż-żmien, id-dispożizzjoni ġiet emendata diversi drabi, u kien hemm ukoll bidliet li jaffettwaw leġiżlazzjonijiet oħrajn li jipprevedu l-pubblikazzjoni ta’ ċerti passi permezz tar-Reġistru. Ir-regoli attwali li jimplimentaw l-Artikolu 198 tal-Liġi dwar l-Insolvenza huma stabbiliti fid-Digriet Irjali 892/2013 tal-15 ta’ Novembru 2013 dwar ir-Reġistru Pubbliku tal-Insolvenza.
Ħoloq relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.