Kif issib traduttur jew interpretu ġuramentat fil-Greċja?
L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni quddiem il-Qrati Griegi fi proċedimenti kriminali huma regolati mill-Artikoli 233–238 tal-Kodiċi Grieg tal-Proċedura Kriminali. L-interpreti u t-tradutturi jiġu maħtura mill-qorti kompetenti mit-tabella rilevanti li titfassal kull sena mill-Kunsill Ġudizzjarju tal-Qorti tar-Reati Minuri u ffinalizzata mill-Kunsill tal-Qorti tal-Appell. F’każijiet ta’ urġenza estrema, jistgħu jinħatru interpreti li ma jkunux inklużi fit-tabelli ta’ hawn fuq.
Għall-proċedimenti ċivili, l-Artikolu 252 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li jekk xhud, espert jew parti ma titkellimx bil-Grieg, jinħatar interpretu mill-qorti. L-Artikolu 137 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva fih dispożizzjoni simili.
Għandu jiġi nnotat ukoll li jeżisti Reġistru tat-Tradutturi Ċertifikati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Dan ir-Reġistru fih tradutturi li jipproduċu traduzzjonijiet ta’ dokumenti pubbliċi u privati f’konformità mal-qafas leġiżlattiv il-ġdid.
Id-dokumenti pubbliċi barranin minn pajjiżi li huma parti għall-Konvenzjoni tal-Aja tal-1961, li ġiet irratifikata fil-Greċja bil-Liġi 1497/1984 (Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 188), jiġu tradotti biss jekk ikollhom apostille kif previst fl-imsemmija Konvenzjoni. Id-dokumenti barranin l-oħra kollha jridu jkunu ċċertifikati mill-awtorità konsulari Griega fil-pajjiż tal-oriġini tad-dokument, jew mill-awtorità konsulari tal-pajjiż fil-Greċja.
Din it-traduzzjoni ssir bi ħlas. L-ispiża tat-traduzzjoni hija stabbilita mill-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Barra minn hekk, skont il-Kodiċi tal-Avukati (l-Artikolu 36 tal-Liġi Nru 4194/2013 Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 208), ix-xogħol ta’ avukat jinkludi t-traduzzjoni ta’ dokumenti miktuba b’lingwa barranija u t-traduzzjoni ta’ dokumenti bil-Grieg għal kwalunkwe lingwa barranija. It-traduzzjoni hija effettiva quddiem kwalunkwe qorti jew awtorità oħra, sakemm tkun akkumpanjata minn kopja ċertifikata tad-dokument oriġinali u l-avukat jiċċertifika li għandu għarfien adegwat tal-lingwa li minnha u lejha d-dokument ġie tradott.
L-aċċess għall-bażijiet tad-data tat-tradutturi Griegi huwa bla ħlas?
Il-Greċja ma għandhiex bażi tad-data ċentralizzata ta’ tradutturi/interpreti ġuramentati Griegi.
Madankollu hemm bażi tad-data tal-membri tal-Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi (membri tal-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tradutturi, FIT) li huma tradutturi professjonisti (uħud minnhom huma wkoll interpreti). B’din il-bażi tad-data l-utenti jistgħu jfittxu interpretu/traduttur skont il-lingwa u r-reġjun.
Barra minn hekk, l-informazzjoni dwar tradutturi professjonisti, skont ir-reġjun tal-Greċja, tinsab fil-bażi tad-data tal-Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi Professjonali tal-Università tal-Jonju (membri tal-FIT), fejn il-membri jispeċjalizzaw fi tnejn mit-tliet lingwi li ġejjin: l-Ingliż, il-Franċiż jew il-Ġermaniż (għal informazzjoni dwar l-ispeċjalizzazzjonijiet tal-lingwa tal-membri tal-Assoċjazzjoni, ikkuntattja lill-Assoċjazzjoni nnifisha).
Kif issib traduttur ġuramentat fil-Greċja
Ara hawn fuq.
Links Relatati
Reġistru tat-Tradutturi Ċertifikati mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin
Għaqda Panellenika tat-Tradutturi
Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi Professjonali Gradwati tal-Università tal-Jonju
Ministeru għall-Ġustizzja (fejn tista’ ssib id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċji tal-prosekuzzjoni u l-qrati Griegi)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.