Sib informazzjoni għal kull reġjun
Kif issib traduttur jew interpretu ġuramentat fil-Greċja?
L-interpretazzjoni u t-traduzzjoni quddiem il-Qrati Griegi fi proċedimenti kriminali huma regolati mill-Artikoli 233-238 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali tal-Greċja. L-interpreti u t-tradutturi jiġu maħtura mill-qorti kompetenti mit-tabella rilevanti li titfassal kull sena mill-Kunsill Ġudizzjarju tal-Qorti għal Reati Minuri u ffinalizzata mill-Kunsill tal-Qorti tal-Appell. F’każijiet ta’ urġenza kbira, jinħatru interpreti li ma humiex imniżżla fit-tabelli msemmija hawn fuq.
Għall-proċedimenti ċivili, l-Artikolu 252 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jistipula li jekk xhud, espert jew parti ma titkellimx bil-Grieg, jinħatar interpretu mill-qorti. L-Artikolu 137 tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva fih dispożizzjoni simili.
Għandu jiġi nnutat ukoll li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin joffri servizz tat-traduzzjoni li, skont il-qafas legali attwali, huwa responsabbli għat-traduzzjoni uffiċjali tad-dokumenti pubbliċi u privati.
Id-dokumenti pubbliċi barranin minn pajjiżi li huma parti mill-Konvenzjoni ta’ The Hague tal-1961 - li ġiet irratifikata fil-Greċja bil-Liġi 1497/1984 (Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 188) - huma tradotti biss jekk ikollhom postilla kif previst fl-imsemmija Konvenzjoni. Id-dokumenti barranin l-oħra kollha għandhom jiġu ċċertifikati mill-awtorità konsulari Griega fil-pajjiż tal-oriġini tad-dokument, jew mill-awtorità konsulari tal-pajjiż fil-Greċja.
Din it-traduzzjoni ssir bi ħlas. L-ispiża tat-traduzzjoni hija stabbilita mill-Viċi Ministru għall-Affarijiet Barranin.
Barra minn hekk, skont il-Kodiċi tal-Avukati (l-Artikolu 36 tal-Liġi Nru 4194/2013, Gazzetta tal-Gvern, Serje I, Nru 208) ix-xogħol ta’ avukat jinkludi t-traduzzjoni ta’ dokumenti abbozzati f’lingwa barranija u t-traduzzjoni ta’ dokumenti bil-Grieg f’lingwi barranin. It-traduzzjoni hija effettiva quddiem kwalunkwe qorti jew awtorità oħra, sakemm tkun akkumpanjata minn kopja ċertifikata tad-dokument oriġinali u l-avukat jiċċertifika li għandu għarfien adegwat tal-lingwa li minnha u lejha ttraduċa.
L-aċċess għall-bażi tad-data tat-tradutturi Griegi huwa bla ħlas?
Il-Greċja ma għandhiex bażi tad-data ċentralizzata ta’ interpreti u tradutturi ġuramentati Griegi.
Madankollu hemm bażi tad-data tal-membri tal-Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi (membri tal-Federazzjoni Internazzjonali tat-Tradutturi - FIT) li huma tradutturi professjonisti (uħud minnhom huma wkoll interpreti). B’din il-bażi tad-data l-utenti jistgħu jfittxu interpretu/traduttur skont il-lingwa u r-reġjun.
Barra minn hekk, informazzjoni dwar tradutturi professjonisti, skont ir-reġjun tal-Greċja, tinsab fil-bażi tad-data tal-Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi Professjonisti tal-Università tal-Jonju (membri tal-FIT), fejn il-membri huma speċjalizzati fi tnejn mit-tliet lingwi: l-Ingliż, il-Franċiż, il-Ġermaniż (għal informazzjoni dwar l-ispeċjalizzazzjonijiet tal-lingwa tal-membri tal-Assoċjazzjoni, ikkuntattja lill-Assoċjazzjoni nnifisha).
Kif issib traduttur ġuramentat fil-Greċja
Ara hawn fuq
Links Relatati
Servizz tat-Traduzzjoni tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin
Unjoni Panellenika tat-Tradutturi
Assoċjazzjoni Panellenika tat-Tradutturi Professjonisti Gradwati tal-Università tal-Jonju
Ministeru għall-Ġustizzja (fejn jittellgħu listi ta’ ġuristi lingwisti għal kull Kamra tal-Avukati fil-Greċja, kif ukoll dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku u tal-qrati Griegi)
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.