Sib informazzjoni għal kull reġjun
Kif issib traduttur jew interpretu ġuridiku fir-Rumanija
Il-bażi tad-dejta ta' tradutturi u interpreti awtorizzati Rumeni hija miżmuma u mantnuta mill-Ministeru tal-Ġustizzja Rumen. Hija tinkludi informazzjoni dwar tradutturi u interpreti awtorizzati mill-Ministeru tal-Ġustizzja Rumen.
Dawn il-persuni awtorizzati jipprovdu servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni fuq rikjesta:
- għall-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura
- għall-Ministeru tal-Ġustizzja
- għall-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja
- għas-Servizz tal-Prosekuzzjoni Pubblika
- għad-Direttorat Nazzjonali ta' Kontra l-Korruzzjoni
- għall-awtoritajiet tal-investigazzjoni kriminali
- għall-qrati
- għan-nutara pubbliċi
- għall-avukati u
- għall-uffiċjali ġudizzjarji.
Il-Liġi Nru 178/1997 tirregola l-awtorizzazzjoni u l-pagament tal-interpreti u t-tradutturi li jipprovdu servizzi lill-awtoritajiet tal-investigazzjoni kriminali, il-qrati, in-nutara pubbliċi, l-avukati, il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-istituzzjonijiet oħrajn imsemmija hawn fuq.
Il-bażi tad-dejta tat-tradutturi tinkludi informazzjoni mill-2002 'il quddiem.
L-aċċess għall-bażi tad-dejta tat-tradutturi Rumeni hija bla ħlas?
L-informazzjoni li ġejja hija disponibbli għall-pubbliku bla ħlas:
- isem tat-traduttur jew interpretu awtorizzat,
- lingwa/i li għalihom it-traduttur jew l-interpretu huwa awtorizzat,
- numru ta' awtorizzazzjoni,
- numru tat-telefon.
Il-bażi tad-dejta tinkludi wkoll l-informazzjoni li ġejja li mhix disponibbli pubblikament:
- numru tal-identità personali,
- indirizz postali.
Kif issib traduttur awtorizzat fir-Rumanija
Wieħed jista' jfittex il-bażi tad-dejta billi jintużaw il-kriterji li ġejjin:
- l-isem tat-traduttur jew interpretu awtorizzat,
- l-isem tal-qorti tal-appell rilevanti (kull qorti tal-appell iġorr l-isem tal-muniċipalità fej jinsab. Peress li hemm 15-il qorti tal-appell fir-Rumanija, kull waħda b'kompetenza ġuridika territorjali rigward kawżi ġudizzjarji li jikkorrispondu ma' żoni amministrattivi nazzjonali speċifiċi, dan il-kriterju ta' tiftix fil-prattika jista' jintuża biex jiġu identifikati t-tradutturi kollha ġewwa ż-żoni ġeografiċi u amministrattivi li jikkorrispondu mal-kompetenza ġuridika territorjali ta' qorti speċifika);
- il-pari ta' lingwi (jekk lingwa barranija hija murija, il-kontroparti ta' dik murija tkun il-lingwa Rumena);
- in-numru ta' awtorizzazzjoni;
- id-data ta' skadenza tal-awtorizzazzjoni (din it-tfittxija tista' tiġi mwettqa billi jiġi ttajpjat "Ordin" ("ordni" bil-Malti) - strument ġuridiku maħruġ mill-Ministeru tal-Ġustizzja biex tiġi sospiża jew revokata l-awtorizzazzjoni tat-traduttur).
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.