Tradutturi/Interpreti legali

Spanja

Din it-taqsima tgħinek issib interpretu jew traduttur legali fi Spanja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

Kif issib interpretu jew traduttur legali fi Spanja

I. L-interpreti u t-tradutturi fis-sistema tal-ġustizzja.

Fi Spanja, l-interpreti u t-tradutturi ġuramentati fis-sistema tal-ġustizzja huma regolati kif ġej:

L-Artikolu 231.5 tal-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura jispeċifika li “Fis-seduti orali għandha tingħata l-awtorizzazzjoni biex persuna taġixxi bħala interpretu jew biex tuża l-lingwa tas-sinjali f’konformità mal-liġi proċedurali applikabbli.”

L-Artikolu 440 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jirrikonoxxi d-dritt li persuna tkun assistita minn interpretu, u l-Artikolu 441 jiddikjara li “L-interpretu għandu jintgħażel minn fost persuni kwalifikati bħala tali, jekk ikunu disponibbli fil-lokalità. Fejn ma jkunx hemm interpretu disponibbli, għandu jinħatar għalliem tal-lingwa inkwistjoni, u jekk lanqas tali persuna ma tkun disponibbli, għandha tinħatar kwalunkwe persuna li titkellem dik il-lingwa”.

L-Artikolu 762.8 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali jiddikjara li “Jekk l-akkużat jew ix-xhieda ma jitkellmux bl-Ispanjol jew ma jifhmuhx, il-proċedura applikabbli għandha tkun dik stipulata fl-Artikoli 398, 440 u 441. L-interpretu ma għandux għalfejn ikollu xi kwalifika uffiċjali”.

L-Artikolu 9 tal-Liġi 4/2015 tas-27 ta’ April 2015 dwar id-drittijiet tal-vittmi ta’ reat jirrikonoxxi d-dritt għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni.

Bħala regola ġenerali, f’kawżi ċivili u kriminali b’għajnuna legali l-Ministeru għall-Ġustizzja (jew il-Komunitajiet Awtonomi b’setgħat fil-qasam tal-ġustizzja) iħallas lit-traduttur jew lill-interpretu, filwaqt li fi proċedimenti ċivili mingħajr għajnuna legali r-rikorrent iħallas l-ispejjeż tat-traduttur jew tal-interpretu. L-interpreti jintużaw ukoll f’ċerti proċedimenti legali amministrattivi, bħal f’applikazzjonijiet għall-ażil.

II. Tradutturi u interpreti ġuramentati:

Biex persuna tikkwalifika bħala traduttur jew interpretu ġuramentat trid tgħaddi minn eżami organizzat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Persuni b’din il-kwalifika huma awtorizzati jagħmlu traduzzjonijiet uffiċjali

L-aċċess għall-bażi tad-data tat-tradutturi fi Spanja huwa mingħajr ħlas?

Fi Spanja ma hemmx bażi tad-data b’informazzjoni dwar l-interpreti u t-tradutturi.

Kif issib traduttur legali fi Spanja

Madankollu, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kooperazzjoni jippubblika lista tal-persuni li jkunu għaddew mill-eżami biex isiru interpreti ġuramentati.

L-aċċess għal din il-lista huwa mingħajr ħlas u din tinkludi lista tal-lingwi f’ordni alfabetiku flimkien mal-ismijiet tat-tradutturi ġuramentati f’kull lingwa.

L-aħħar aġġornament: 26/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.