Sib informazzjoni għal kull reġjun
Introduzzjoni
Biż-żieda fil-mobilità u l-migrazzjoni fl-Unjoni Ewropea, hemm ukoll żieda proporzjonata fin-numru ta' relazzjonijiet ta' kull xorta (sew jekk ikunu kummerċjali, legali, akkademiċi jew personali) bejn iċ-ċittadini ta' nazzjonalitajiet u kulturi differenti u b'ilsna differenti. Dan, min-naħa tiegħu, joħloq varjetà wiesgħa ta' sitwazzjonijiet li jesiġu traduzzjoni lingwistika u servizzi ta' interpretazzjoni. Peress li ħafna minn dawn is-sitwazzjonijiet iridu jkunu sanzjonati mill-awtoritajiet (spiss il-qrati jew istituzzjonijiet legali oħra) jew l-awtoritajiet ikunu xhieda tagħhom, hu pjuttost komuni li jkunu meħtieġa traduzzjonijiet uffiċjali ta' dokumenti li oriġinarjament ikunu nkitbu f'ilsien ieħor.
L-għanijiet ta' traduzzjoni uffiċjali huma li jkunu ċċertifikati l-fatti fi proċess legali jew amministrattiv/każ ta' qorti; li l-fatti legali li joriġinaw minn pajjiż barrani jkunu rikonoxxuti u tkun applikata l-liġi tal-oriġini għaċ-ċittadini barranin (Liġi Internazzjonali Privata).
Is-servizzi ta' traduzzjoni uffiċjali huma organizzati b'mod differenti fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea b'oqfsa legali ferm differenti (prattiki u sistemi eteroġenji). Pereżempju, fil-pajjiżi fejn hemm id-dritt ċivili bħal Spanja jew il-Greċja, traduttur li jkun ħa l-ġurament hu soġġett għal regoli differenti ta' aċċess u li jitħaddmu taħt kundizzjonijiet ta' xogħol differenti fir-rigward tal-istatuti, pagament ta' tariffi jew ċertifikazzjoni.
Xi jkun traduttur legali?
Traduttur jipproduċi dokument bil-miktub billi jittraduċi test minn ilsien għal ilsien ieħor. Traduttur legali jrid ikun jaf sewwa l-kunċetti u t-terminoloġija bażiċi mhux biss tal-liġi, iżda wkoll tal-qasam li tkun qed tiġi applikata għalih. It-traduzzjoni legali hi fil-qalba tal-komunikazzjoni multilingwistika minħabba li tgħin lill-individwi, kumpaniji, u aġenziji governattivi u legali biex jikkomunikaw f'ilsna u kulturi differenti lil hinn mill-konfini tal-istati. It-traduzzjoni legali tirrikjedi għarfien ta' terminoloġija speċjalizzata u għarfien tal-konvenzjonijiet lingwistiċi li jintużaw f'dokumenti relatati. Għax jifforma parti minn tim legali u jkollu aċċess għall-esperti legali, it-traduttur legali jkun ta' għajnuna biex int tifhem sew kull każ partikolari u t-terminoloġija legali rikjesta. L-għarfien tiegħu tas-sistema jew sistemi legali u tal-proċessi legali involuti ser jiżguraw li t-traduttur legali jkun jista' jgħinek fl-azzjonijiet legali tiegħek.
L-istandards professjonali dwar il-kompetenzi lingwistiċi, il-ħiliet tat-traduzzjoni, u l-għarfien tas-sistemi, tal-proċessi, tat-terminoloġija u tal-konvenzjonijiet lingwistiċi li japplikaw f'każi partikolari ser ikun ferm importanti meta tkun qed tfittex traduttur legali.
Xl jkun interpretu legali?
Interpretu jipprovdi servizz tal-ilsien mitkellem, billi juża diversi metodi ta' interpretazzjoni minn ilsien għal ieħor (fl-istess ħin, konsekuttivi, jew interpretazzjoni minn taħt l-ilsien). L-interpreti legali huma speċjalisti li primarjament jaħdmu ma' avukati f'kawżi legali bħalma huma ġurijiet, depożizzjonijiet, seduti, medjazzjoni, arbitraġġ, laqgħat mal-klijenti, eċċ. Dawn l-esperti jgħinuk biex tikkomunika mal-partijiet l-oħra meta tkun involut fi proċedimenti transfruntieri.
Traduttur/interpretu tal-Qorti
It-tradutturi/l-interpreti tal-qorti huma awtorizzati jittraduċu d-dokumenti uffiċjali (ċertifikati taż-żwieġ, ċertifikati tal-iskola, diplomi tal-università, sottomissjonijiet tal-qorti, sentenzi, eċċ.) kif ukoll li jinterpretaw fil-qorti (eż. meta jkunu qed jixhdu l-partijiet jew ix-xhieda), fl-għases tal-pulizija (matul l-intervisti, wara arrest) jew quddiem l-awtoritajiet amministrattivi (bħalma huma l-ispezzjonijiet tad-dwana). It-tradutturi/l-interpreti uffiċjali tal-qorti huma awtorizzati li jagħmlu timbru uffiċjali fuq it-traduzzjonijiet tagħhom biex it-traduzzjoni tkun iċċertifikata.
It-tradutturi/l-interpreti tal-qorti tipikament għandu jkollhom edukazzjoni universitarja fl-ilsien/ilsna ta' ħidma tagħhom u jkunu tgħallmu sew diversi ħiliet ta' traduzzjoni u ta' interpretazzjoni, għalkemm ir-rekwiżiti jvarjaw minn Stat Membru għall-ieħor.
Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għandhom sistemi biex jagħżlu u jaħtru tradutturi/interpreti tal-qorti. Normalment, traduttur li jkun ħa ġurament ikun ukoll ikkwalifikat biex jaħdem ta' interpretu tal-qorti. Pajjiżi differenti jużaw ismijiet uffiċjali differenti biex jirreferu għal tradutturi/interpreti tal-qorti.
Kif nista' nsib tradutturi/interpreti?
Attwalment hu possibbli li wieħed isib traduttur jew interpretu billi jidħol fil-bażijiet ta' dejta nazzjonali tat-tradutturi u/jew tal-interpreti. Madanakollu, dawn il-bażijiet ta' dejta ma jeżistux fl-Istati Membri kollha. Kultant, il-websajts tal-Ministeri tal-Ġustizzja jew ta' qrati reġjonali ogħla jkollhom ħolqa għal reġistri uffiċjali jew semiuffiċjali ta' tradutturi/interpreti kkwalifikati.
F'materji kriminali, l-Istati Membri huma meħtieġa, skont id-Direttiva 2010/64/UE li jagħmlu ħilithom biex jistabbilixxu reġistru ta' dan it-tip sas-27 ta' Ottubru 2013, id-data ta' għeluq għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jdaħħlu fis-seħħ proċedura jew mekkaniżmu biex jaċċertaw jekk persuni suspettati jew akkużati jeħtiġux l-assistenza ta' interpretu jew traduttur, u huwa l-Istat Membru li jrid jipprovdi l-interpretazzjoni lis-suspettati jew l-akkużati mingħajr dewmien. Għandha tkun ipprovduta traduzzjoni għal dokumenti li jkunu essenzjali biex jissalvagwardjaw l-eżerċizzju tad-dritt tad-difiża u, eċċezzjonalment, tista' tkun ipprovduta traduzzjoni orali jew taqsira orali ta' dawk id-dokumenti essenzjali bil-kundizzjoni li ma tkunx ippreġudikata l-ġustizzja tal-proċedimenti. L-Istati Membri għandhom iħallsu l-ispejjeż tal-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, irrispettivament mill-eżitu tal-proċedimenti.
Biex tikseb informazzjoni aktar dettaljata, pereżempju dwar:
- l-entità li tkun qed iżżomm il-bażi ta’ dejta nazzjonali rilevanti,
- ir-regoli li japplikaw għar-rikors għat-tradutturi u l-interpreti,
- iż-żoni ġeografiċi ta' responsabbiltà tat-tradutturi u l-interpreti,
- it-taħriġ/il-kwalifiki tat-tradutturi u l-interpreti,
- l-ispejjeż,
- is-istemi ta' assigurazzjoni u l-eżistenza ta' proċeduri għall-ilmenti,
jekk jogħġbok agħżel waħda mill-bnadar elenkati fuq in-naħa tal-lemin.
Din il-paġna hi amministrata mill-Kummissjoni Ewropea. L-informazzjoni f’din il-paġna ma tirriflettix neċessarjament il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea. Il-Kummissjoni ma taċċetta l-ebda responsabbiltà fir-rigward ta’ kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali fir-rigward tar-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-paġni Ewropej.