Medjaturi

Estonja

Din it-taqsima se tgħinek issib medjatur fl-Estonja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

L-Estonja ma għandhiex sit web jew bażi tad-data ġenerali dwar il-medjaturi. Skont l-Att dwar il-Konċiljazzjoni, kull min jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Att jista’ jwettaq il-funzjonijiet ta’ konċiljatur. Ma hemm l-ebda monitoraġġ mill-Istat tal-attivitajiet tal-konċiljaturi.

Skont l-Att dwar il-Konċiljazzjoni, dawn li ġejjin jistgħu jkunu konċiljaturi:

  1. persuna fiżika fdata mill-partijiet biex twettaq il-proċedura ta’ konċiljazzjoni u biex tgħin ħalli tissolva t-tilwima. Il-konċiljatur jista’ jaġixxi permezz ta’ persuna ġuridika li jkun impjegat magħha jew li magħha jkollu relazzjoni kuntrattwali oħra;
  2. avukat – il-lista tal-membri tal-Kamra tal-Avukati Estonjana tinsab fis-sit webtagħha;
  3. nutar – lista tal-uffiċċji tan-nutara tinsab fis-sit web tal-Kamra tan-Nutara;
  4. fil-każ stabbilit fl-Att dwar il-Konċiljazzjoni, korp ta’ konċiljazzjoni tal-Istat jew tal-gvern lokali.

Xi tilwim relatat mad-drittijiet tal-awtur (ara l-Att dwar id-Drittijiet tal-Awtur) jiġi solvut minn kumitat ta’ esperti fid-drittijiet tal-awtur li jwettaq il-funzjonijiet ta’ konċiljatur. Dan il-kumitat ġie stabbilit taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja.

Għalkemm il-kunċett ta’ "ombudsman" ma jintużax fl-Att dwar il-Kanċillier tal-Ġustizzja, il-Kanċillier tal-Ġustizzja jwettaq ukoll il-funzjonijiet ta’ ombudsman, meta jimmonitorja jekk l-aġenziji tal-gvern humiex konformi mad-drittijiet u mal-libertajiet fundamentali tal-persuni kif ukoll mal-prinċipji tal-governanza tajba u anki jimmonitorja lill-gvernijiet lokali, lill-persuni ġuridiċi rregolati mid-dritt pubbliku u lill-entitajiet privati li jwettqu funzjonijiet pubbliċi. Mill-2011 ’il quddiem, il-Kanċillier tal-Ġustizzja wettaq ukoll il-funzjonijiet tal-ombudsman għat-tfal skont l-Artikolu 4 tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Tista’ ssib iktar informazzjoni fis-sit web tal-Kanċillier tal-Ġustizzja.

Is-soluzzjoni tat-tilwim industrijali kollettiv hija l-funzjoni tal-Konċiljatur Pubbliku, u tista’ ssib iktar informazzjoni fis-sit web.

Tista' wkoll tikkuntattja l-organizzazzjonijiet nongovernattivi li ġejjin:

  • L-Unjoni Estonjana għall-Benessri tat-Tfal hija assoċjazzjoni mingħajr skop ta' qligħ li tappoġġa d-drittijiet tat-tfal. L-attivitajiet tagħha jinkludu l-għoti ta' pariri lil ġenituri li jixtiequ jisseparaw jew jiddivorzjaw, billi tinkoraġġihom jużaw is-servizzi tal-konċiljaturi sabiex jipproteġu l-interessi tat-tfal tagħhom. L-Unjoni organizzat sessjonijiet ta' taħriġ dwar is-suġġett tal-medjazzjoni tal-familja.
  • L-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Assigurazzjoni waqqfet korp ta’ konċiljazzjoni tal-assigurazzjoni biex jittratta r-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar l-assigurazzjoni barra mill-qorti. Formalment, dan huwa konċiljatur u mhux korp ta’ konċiljazzjoni skont it-tifsira tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni.
  • L-Uffiċċju Estonjan tal-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur waqqfet korp ta’ konċiljazzjoni tal-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur biex jittratta r-riżoluzzjoni ta’ tilwim dwar l-assigurazzjoni tal-vetturi bil-mutur barra mill-qorti. Formalment, dan huwa konċiljatur u mhux korp ta’ konċiljazzjoni skont it-tifsira tal-Att dwar il-Konċiljazzjoni.
  • Fl-Estonja, il-medjaturi tal-familja huma attwalment rappreżentati mill-Assoċjazzjoni Estonjana tal-Medjaturi u l-Istitut tal-Medjazzjoni.
L-aħħar aġġornament: 11/05/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.