Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-organizzazzjoni tal-ġustizzja – is-sistema ġudizzjarja
Flimkien mal-fergħat leġiżlattivi u eżekuttivi, il-ġudikatura titqies bħala t-tielet pilastru tal-gvern f'pajjiż fejn jipprevali l-istat tad-dritt. Skont il-kostituzzjoni federali Awstrijaka, il-qrati ordinarji jappartjenu għal-livell federali tal-gvern. Is-sistema ġudizzjarja hija separata mis-sistema eżekuttiva fil-livelli kollha. Hemm ukoll oqsma ta’ ġustizzja amministrati minn tribunali indipendenti (weisungsfreie richterliche Senate) soġġetti għal regoli speċjali.
Is-sistema ġudizzjarja tal-Awstrija tinkludi - minbarra l-Ministeru Federali għall-Ġustizzja - il-qrati ordinarji, l-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku, il-ħabsijiet (ħabsijiet fejn jinżammu priġunieri għal proċess u ħabsijiet li jeżegwixxu sentenzi) u s-servizzi ta’ probation, li fil-parti l-kbira tagħhom huma mħaddma privatament:
- Il-qrati ordinarji (ordentliche Gerichte) huma istituzzjonijiet statali li jiddeċiedu dwar talbiet tad-dritt ċivili u dwar akkużi kriminali fi proċedimenti formali. Huma jiġu stabbiliti bil-liġi u jikkonsistu fi mħallfin indipendenti u imparzjali li ma jistgħux jitneħħew u lanqas jiġu trasferiti mill-kariga tagħhom, u huma marbuta biss bil-liġi.
- L-uffiċċji tal-prosekutur pubbliku (Staatsanwaltschaften) huma korpi speċjali li huma separati mill-qrati. Il-kompitu ewlieni tagħhom huwa li jirrappreżentaw l-interess pubbliku fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja kriminali. Huma jidderieġu l-investigazzjoni preliminari fi proċedimenti kriminali, iressqu l-akkużi u jmexxu l-prosekuzzjoni. Huma meqjusa li jiffurmaw parti mis-sistema ordinarja tal-qorti.
- Il-ħabsijiet huma responsabbli għall-eżekuzzjoni ta’ sentenzi u ordnijiet oħra ta’ detenzjoni.
- Is-servizzi ta’ probation huma wkoll parti mis-sistema ġudizzjarja. Huma jieħdu ħsieb persuni b'sentenzi kondizzjonali u priġunieri meħlusa taħt probation. Fil-biċċa l-kbira tagħhom, dawn il-kompiti ġew ittrasferiti f’idejn assoċjazzjonijiet privati li, madankollu, huma taħt is-sorveljanza tal-Ministeru Federali għall-Ġustizzja.
Il-Ministru Federali għall-Ġustizzja huwa l-kap tal-amministrazzjoni ġudizzjarja; il-Ministeru Federali għall-Ġustizzja huwa wieħed mill-entitajiet amministrattivi supremi tal-Istat federali. Il-Ministru Federali huwa membru tal-gvern federali, u huwa inkarigat mill-ġestjoni politika u l-koordinazzjoni u s-sorveljanza ġenerali tal-entitajiet assoċjati u d-dipartimenti kollha.
Minbarra l-qrati ordinarji, l-Awstrija għandha wkoll Qorti Kostituzzjonali (Verfassungsgerichtshof), Qorti Superjuri tal-Amministrazzjoni (Verwaltungsgerichtshof), u mill-1 ta’ Jannar 2014, qrati amministrattivi (Verwaltungsgerichte). Fil-livell federali, hemm Qorti Amministrattiva Federali (Bundesverwaltungsgericht) u Qorti Federali tad-Dħul (Bundesfinanzgericht), it-tnejn li huma bbażati fi Vjenna, għalkemm jagħmlu seduti wkoll fi bliet oħra. F'kull provinċja, hemm qorti amministrattiva reġjonali (Landesverwaltungsgericht). Il-qrati amministrattivi huma barra mill-isfera ta’ responsabbiltà tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
Il-qrati ordinarji jistgħu jinqasmu f'diversi livelli:
- Qrati distrettwali (Bezirksgerichte)
- Qrati reġjonali (Landesgerichte), magħrufin bħala “qrati tal-prim’istanza” (Gerichtshöfe erster Instanz)
- Qrati reġjonali superjuri (Oberlandsgerichte), magħrufa wkoll bħala “qrati tat-tieni istanza” (Gerichtshöfe zweiter Instanz)
- Il-Qorti Suprema (Oberster Gerichtshof)
Bażijiet tad-data legali
Il-Portal tal-Ġustizzja Awstrijak jipprovdi informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġudizzjarja Awstrijaka.
L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?
Iva, l-aċċess għall-Portal tal-Ġustizzja Awstrijak huwa mingħajr ħlas.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.