Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-organizzazzjoni tas-sistemi tal-ġustizzja/ġudizzjarji
Is-sistema ġudizzjarja fir-Repubblika Ċeka tikkonsisti mill-Qorti Konstituzzjonali tar-Repubblika Ċeka u s-sistema tal-qorti 'ordinarja'.
Is-sistema tal-qorti ordinarja tikkonsisti mill-Qorti Suprema (nejvyšší soud), il-Qorti Amministrattiva Suprema (nejvyšší správní soud), qrati superjuri (vrchní soudy), qrati reġjonali (krajské soudy) u qrati distrettwali (okresní soudy).
L-amministrazzjoni fil-qrati
Il-korp amministrattiv statali ċentrali għall-qrati huwa l-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubbilka Ċeka.
Il-Ministeru tal-Ġustizzja jmexxi l-qrati superjuri, il-qrati reġjonali u l-qrati distrettwali fl-ambitu tal-Att Nru 6/2002 dwar il-qrati u l-imħallfin, kemm b'mod dirett kif ukoll permezz tal-Presidenti tal-qrati; il-qrati distrettwali jistgħu jiġu mmexxija wkoll mill-Ministeru tal-Ġustizzja permezz tal-Presidenti tal-qrati reġjonali.
Ċerti kompiti tal-gvern ċentrali jitwettqu mill-President tal-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka (jew il-Viċi President fejn xieraq) u l-President tal-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Ċeka (jew il-Viċi President fejn xieraq).
L-amministrazzjoni mill-istat tal-qrati titwettaq bil-kunsiderazzjoni tal-osservazzjonijiet tal-Kunsilli relevanti għall-Ġudikatura stabbilita fi ħdan il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka, il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Ċeka, il-qrati superjuri, il-qrati reġjonali u l-qrati distrettwali kollha.
Ċerti attivitajiet amministrattivi jitwettqu mid-direttur amministrattiv tal-qorti, li jirrapporta lill-President tal-qorti.
Tipi ta' qrati - deskrizzjoni qasira
Is-sistema tal-qorti ordinarja tikkonsisti minn erba' fergħat organizzattivi:
- il-qrati distrettwali; il-qrati taż-żona (obvodní soudy) fil-kapitali Praga u l-Qorti Muniċipali f'Brno għandhom l-istess status bħall-qrati distrettwali
- il-qrati reġjonali f'Brno, České Budějovice, Hradec Králové, Ostrava, Plzeň, Praga, Ústí nad Labem u l-Qorti Muniċipali fi Praga
- il-qrati superjuri fi Praga u Olomouc
- il-Qorti Suprema u l-Qorti Amministrattiva Suprema f'Brno.
Is-sistema tal-qorti speċjali tikkonsisti biss mill-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Ċeka.
Il-ġerarkija tal-qrati
Ir-Repubblika Ċeka għandha sistema b'żewġ istanzi, li hu fattur determinanti fl-organizzazzjoni ġerarkika tas-sistema ta' rimedji. Minn dan il-lat, ir-relazzjoni ġerarkika bejn il-qrati, ibbażata fuq il-livell ta' dik il-fergħa fis-sistema ġudizzjarja, għandha tliet livelli.
Aktar informazzjoni tinsab fit-taqsima dwar is-sistema tal-qorti ordinarja fir-Repubblika Ċeka.
Skont l-Att Nru 6/2002 dwar il-qrati u l-imħallfin:
Il-qrati distrettwali
(a) jiddeċiedu bħala qrati tal-prim'istanza ħlief fejn jiġi stabbilit mod ieħor minn atti li jikkonċernaw il-proċedimenti tal-qorti
(b) jiddeċiedu dwar kawżi oħra stabbiliti mill-Att.
Il-qrati reġjonali
(a) jiddeċiedu dwar kawżi stabbiliti mill-Att li jikkonċerna l-proċedimenti tal-qorti bħala qrati tat-tieni istanza f'kawżi deċiżi fl-ewwel istanza mill-qrati distrettwali li jagħmlu parti miż-żoni tagħhom;
(b) jiddeċiedu dwar kawżi stabbiliti mill-Att li jikkonċerna l-proċedimenti tal-qorti bħala qrati tal-prim'istanza;
(c) jiddeċiedu dwar kwistjonijiet ta' ġustizzja amministrattiva f'kawżi stabbiliti mill-Att;
(d) jiddeċiedu dwar kawżi oħra stabbiliti mill-Att.
Il-qrati superjuri
(a) jiddeċiedu dwar kawżi stabbiliti mill-Att li jikkonċerna l-proċedimenti tal-qorti bħala qrati tat-tieni istanza f'kawżi deċiżi fl-ewwel istanza mill-qrati reġjonali li jagħmlu parti miż-żoni tagħhom;
(b) jiddeċiedu dwar kawżi oħra stabbiliti mill-Att.
Il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka
Bħala l-awtorità ġudizzjarja suprema fi kwistjonijiet relatati mal-ġurisdizzjoni tal-qrati fi proċedimenti ċivili u kriminali, il-Qorti Suprema tar-Repubblika Ċeka tiżgura l-konsistenza u l-legalità tad-deċiżjonijiet billi
(a) tiddeċiedi fuq appelli straordinarji f'kawżi stabbiliti mill-Atti dwar il-proċedimenti tal-qorti;
(b) tiddeċiedi dwar kawżi oħra stabbiliti minn leġiżlazzjoni speċifika jew minn trattat internazzjonali ratifikat mill-Parlament li jorbot fuq ir-Repubblika Ċeka u ġie ppromulgat.
Il-Qorti Suprema tiddeċiedi wkoll dwar:
(b) ir-rikonoxximent u l-infurzar ta' sentenzi minn qrati barranin, fejn meħtieġ minn leġiżlazzjoni speċifika jew minn trattat internazzjonali ratifikat mill-Parlament li jorbot fuq ir-Repubblika Ċeka u ġie ppromulgat;
(b) kawżi oħra stabbiliti minn leġiżlazzjoni speċifika jew minn trattat internazzjonali ratifikat mill-Parlament li jorbot fuq ir-Repubblika Ċeka u ġie ppromulgat.
Il-Qorti Suprema tissorvelja u tevalwa s-sentenzi finali tal-qrati fi proċedimenti ċivili u kriminali, u fuq il-bażi tagħhom, biex it-teħid tad-deċiżjonijiet mill-qrati jkun konsistenti, tagħti opinjonijiet dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet mill-qrati f'tipi partikolari ta' kawżi.
Skont l-Att Nru 150/2002, il-Kodiċi ta' Proċedura Amministrattiva:
Il-Qorti Amministrattiva Suprema tar-Repubblika Ċeka
Bħala l-awtorità ġudizzjarja suprema fi kwistjonijiet relatati mal-ġurisdizzjoni tal-qrati fil-ġudikatura amministrattiva, il-Qorti Amministrattiva Suprema tiżgura l-konsistenza u l-legalità tad-deċiżjonijiet billi tiddeċiedi dwar applikazzjonijiet għar-reviżjoni f'kawżi stabbiliti fl-Att u billi tiddeċiedi fuq kawżi oħra stabbiliti b'dan l-Att jew Att ieħor speċifiku.
Il-Qorti Amministrattiva Suprema tissorvelja u tevalwa d-deċiżjonijiet finali meħuda mill-qrati fil-ġudikatura amministrattiva, u fuq il-bażi tagħhom, biex it-teħid tad-deċiżjonijiet mill-qrati jkun konsistenti, tagħti opinjonijiet dwar it-teħid tad-deċiżjonijiet mill-qrati f'tipi partikolari ta' kawżi.
Biex it-teħid tad-deċiżjonijiet mill-awtoritajiet amministrattivi jkun legali u konsistenti, il-Qorti Amministrattiva Suprema tista', f'kawżi stabbiliti f'dan l-Att u bl-użu ta' proċedura stabbilita fih, tiddeċiedi dwar riżoluzzjoni fundamentali bħala parti mill-attività tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha.
Bażijiet tad-dejta ġuridiċi
Il-Portal tal-Amministrazzjoni Pubblika
L-aċċess għall-bażi tad-dejta huwa bla ħlas?
Iż-żewġ portali tal-internet jistgħu jiġu aċċessati mingħajr ħlas.
Deskrizzjoni qasira tal-kontenut
Il-Portal tal-Ġustizzja fih informazzjoni dwar il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-qrati individwali, il-Prosekutur Pubbliku u d-dettalji ta' kuntatt tagħhom.
Il-portal uffiċjali tal-gvern jipprovdi l-leġiżlazzjoni tar-Repubblika Ċeka ppubblikata fil-Kollezzjoni tal- Atti.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.