Sib informazzjoni għal kull reġjun
Organizzazzjoni tal-ġustizzja – sistemi ġudizzjarji
Il-Kostituzzjoni Estonjana tirrikjedi li l-ġustizzja tiġi amministrata mill-qrati biss. Il-qrati jridu jamministraw il-ġustizzja skont il-Kostituzzjoni u liġijiet oħrajn. Skont il-Kostituzzjoni, is-sistema tal-qrati Estonjana għandha kompetenza esklużiva biex tamministra l-ġustizzja. Fit-twettiq tad-dmirijiet tagħha, qorti hija separata kemm mill-isfera eżekuttiva kif ukoll minn dik leġiżlattiva.
Amministrazzjoni tal-qrati
Il-Qrati tal-ewwel istanza u tat-tieni istanza huma amministrati mill-Ministeru tal-Ġustizzja flimkien mal-Kunsill għall-amministrazzjoni tal-Qrati. Il-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Qrati huwa bord konsultattiv imwaqqaf sabiex imexxi s-sistema tal-qrati u x-xogħol tiegħu huwa dirett mill-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema. Il-qrati tal-ewwel istanza u tat-tieni istanza huma ffinanzjati mill-baġit tal-Istat, permezz tal-baġit tal-Ministeru tal-Ġustizzja. Il-Qorti Suprema hi indipendentement responsabbli għall-amministrazzjoni tagħha stess u għandha l-baġit tagħha stess.
Il-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Qrati huwa magħmul minn:
- il-Prim Imħallef tal-Qorti Suprema (li huwa anki l-president tal-Kunsill);
- ħames imħallfin maħtura għal tliet snin mill-imħallfin kollha li jservu flimkien (en banc);
- żewġ Membri tal-Parlament Estonjan;
- avukat maħtur mill-bord tal-Kamra tal-Avukati;
- il-Kap Prosekutur Pubbliku jew prosekutur pubbliku maħtur minnu;
- il-Kanċillier tal-Ġustizzja jew rappreżentant maħtur minnu;
- il-Ministru għall-Ġustizzja, jew rappreżentant maħtur minnu, li jipparteċipa fis-sessjonijiet tal-Kunsill u għandu d-dritt li jitkellem.
Tista’ ssib aktar informazzjoni dwar il-Kunsill għall-Amministrazzjoni tal-Qrati hawnhekk.
Ġerarkija tal-qrati
Is-sistema tal-qrati tal-Estonja tikkonsisti fi tliet livelli:
- Il-qrati tal-kontej u l-qrati amministrattivi huma qrati tal-ewwel istanza.
- Il-qrati distrettwali (qrati tal-appell) huma qrati tat-tieni istanza.
- Il-Qorti Suprema hija l-qorti tal-appell finali (kassazzjoni).
Bħala qrati ġenerali, il-qrati tal-kontej jisimgħu kawżi ċivili, kriminali u dwar reati minuri. Bħala qrati tal-ewwel istanza, il-qrati amministrattivi jisimgħu dawk il-każijiet amministrattivi li huma mqiegħda taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom bil-liġi. Il-qrati distrettwali huma qrati tat-tieni istanza li jwettqu skrutinju tas-sentenzi mogħtija mill-qrati tal-pajjiż u amministrattivi f'każ ta' appell. Il-Qorti Suprema hi l-ogħla qorti u tisma’ l-appelli fil-kassazzjoni ppreżentati kontra sentenzi tal-qrati distrettwali. Il-Qorti Suprema hija anki l-qorti tar-reviżjoni kostituzzjonali.
Bażijiet tad-dejta ġuridiċi
Tista’ ssib informazzjoni ġenerali dwar is-sistema ġuridika Estonjana fis-sit tal-Ministeru għall-Ġustizzja.
Tista’ ssib ukoll ħarsa ġenerali tas-sistema tal-qrati fl-Estonja fis-sit tal-qrati.
L-aċċess għal din il-bażi tad-dejta huwa mingħajr ħlas?
L-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sistema ġuridika u tal-qrati Estonjana huwa mingħajr ħlas.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.