Sistemi ġudizzjarji nazzjonali

Lussemburgu

Din it-taqsima tippreżenta ħarsa ġenerali lejn l-organizzazzjoni tal-qrati fil-Lussemburgu.

Il-kontenut ipprovdut minn
Lussemburgu

L-organizzazzjoni tal-ġustizzja – is-sistemi ġudizzjarji

Is-sistema ġudizzjarja tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu hija maqsuma f’fergħa ġudizzjarja u f’fergħa amministrattiva. Minbarra dawn iż-żewġ fergħat, hemm ukoll il-Qorti Kostituzzjonali (Cour constitutionnelle).

Il-qrati ordinarji

Il-Kostituzzjoni tirrikjedi li l-qrati jeżerċitaw setgħa ġudizzjarja u li japplikaw regolamenti u ordnijiet ġenerali u lokali biss sa fejn dawn ikunu konformi mal-liġi.

1. Il-qrati ordinarji

  • Il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja

Fil-quċċata tal-ġerarkija tal-qrati fis-sistema ġudizzjarja tinsab il-Qorti Superjuri tal-Ġustizzja (Cour supérieure de Justice), li tinkludi Qorti tal-Kassazzjoni (Cour de Cassation) u Qorti tal-Appell (Cour d'Appel), kif ukoll Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali (Parquet Général). Din tinsab fil-Lussemburgu.

  • Il-qrati distrettwali

Il-Gran Dukat tal-Lussemburgu huwa maqsum f'żewġ distretti ġudizzjarji (arrondissements judiciaires), u kull wieħed għandu Qorti Distrettwali (Tribunal d’Arrondissement): waħda fil-Lussemburgu u l-oħra f'Diekirch.

  • Il-Kummissarji tal-Ġustizzja

Hemm tliet qrati tal-kummissarji tal-ġustizzja (justices de paix), waħda fil-Lussemburgu, waħda f’Esch-sur-Alzette (li tinsab fid-distrett ġudizzjarju tal-Lussemburgu), u waħda f’Diekirch (id-distrett ġudizzjarju ta’ Diekirch).

2. Qrati speċjalizzati

  • Il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali

Il-Kunsill Superjuri tas-Sigurtà Soċjali (Conseil supérieur de la sécurité sociale) huwa magħmul minn president, żewġ imħallfin assoċjati, assessur li jirrappreżenta lill-impjegaturi u assessur li jirrappreżenta lill-impjegati.

  • Il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali

Il-Kunsill Arbitrali tas-Sigurtà Soċjali (Conseil arbitral de la sécurité sociale) huwa magħmul minn president, assessur li jirrappreżenta lill-impjegaturi u assessur li jirrappreżenta lill-impjegati.

Il-qrati fi ħdan il-fergħa amministrattiva

  • Il-Qorti Amministrattiva

Il-Qorti Amministrattiva (Cour administrative) hija magħmula minn diviżjoni waħda ta’ tliet imħallfin.

  • It-Tribunal Amministrattiv tal-Prim’Istanza

It-Tribunal Amministrattiv tal-Prim’Istanza(Tribunal administratif) huwa magħmul minn erba’ diviżjonijiet ta’ tliet imħallfin.

Bażijiet tad-data legali

Informazzjoni dwar il-Ministeru tal-Ġustizzja, il-professjonijiet legali, il-leġiżlazzjoni, il-qrati, il-ħabsijiet, is-servizzi taċ-ċittadini, il-formoli u l-aħbarijiet hija disponibbli fis-sit web tal-Ministeru għall-Ġustizzja.

L-aċċess għall-bażi tad-data huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess għall-bażijiet tad-data huwa mingħajr ħlas.

Ħoloq relatati

Legilux

Il-Portal tal-Ġustizzja

Il-qrati fi ħdan il-fergħa amministrattiva

Il-Ministeru għall-Ġustizzja

Il-Gvern tal-Lussemburgu

L-aħħar aġġornament: 24/11/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.