Sib informazzjoni għal kull reġjun
Organizzazzjoni tal-ġustizzja – sistemi ġudizzjarji
Bażikament, is-sistema ġudizzjarja Maltija hija sistema fuq żewġ livelli li tinkludi qorti tal-ewwel istanza ppreseduta minn imħallef jew minn maġistrat, u qorti tal-appell. Il-Qorti tal-Appell fil-Ġurisdizzjoni Superjuri tagħha tkun magħmula minn tlett imħallfin u tisma’ appelli minn qorti tal-ewwel istanza ppreseduta minn imħallef. Il-Qorti tal-Appell fil-Ġurisdizzjoni Inferjuri tagħha hi ppreseduta minn imħallef wieħed u tisma’ appelli minn qorti tal-ewwel istanza ppreseduta minn maġistrat. Hemm ukoll diversi tribunali li jittrattaw oqsma speċifiċi tal-liġi u għandhom gradi differenti ta’ kompetenza. L-appelli minn deċiżjonijiet mogħtija minn kwalunkwe wieħed minn dawn it-Tribunali kważi kollha jiġu ttrattati mill-Qorti tal-Appell fil-Ġurisdizzjoni Inferjuri tagħha filwaqt li oħrajn jiġu ttrattati mill-Qorti ta’ l-Appell fil-Ġurisdizzjoni Superjuri tagħha.
Id-Direttur Ġenerali (Qrati), li jinħatar mill-Prim Ministru, huwa responsabbli mill-amministrazzjoni tal-qrati. Huwa jkun assistit mir-Reġistratur (Qrati u Tribunali Ċivili), mir-Reġistratur (Qrati u Tribunali Kriminali), mir-Reġistratur (Qrati u Tribunali Għawdxin), u mid-Direttur (Servizzi ta’ Appoġġ).
Id-Direttur Ġenerali (Qrati) huwa responabbli mill-ġestjoni u mill-amministrazzjoni tad-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja, inklużi r-reġistri, l-arkivji u servizzi oħrajn, u jmexxi wkoll id-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja. L-uffiċjali eżekuttivi tal-qrati kollha li jwettqu xogħolhom fid-Dipartiment tal-Qrati tal-Ġustizzja jieħdu l-istruzzjonijiet tagħhom mingħand, u jwieġbu ta’ għemilhom lid-Direttur Ġenerali (Qrati).
Tipi ta' qrati – deskrizzjoni fil-qosor
Tista’ ssib deskrizzjoni fil-qosor ta’ kull qorti fit-tabella ta’ hawn taħt.
Ġerarkija tal-qrati
Il-Qorti tal-Appell |
It-tieni istanza Appell |
Il-Qorti tal-Appell tisma’ l-appelli mill-qrati ċivili kemm fil-ġurisdizzjoni superjuri kif ukoll f’dik inferjuri. (i) Din il-qorti tisma’ l-appelli mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u mill-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja). (ii) L-appelli mill-Qorti tal-Maġistrati fil-ġurisidizzjoni ċivili tagħha, mit-Tribunal għal Talbiet Żgħar u mit-tribunali amministrattivi wkoll jinstemgħu minn din il-qorti. |
(i) Magħmula minn tlett imħallfin. (ii) Magħmula minn imħallef wieħed. |
Il-Qorti tal-Appell Kriminali
|
It-tieni istanza Appell |
Din il-Qorti fil-Ġurisdizzjoni Superjuri tagħha tisma’ l-appelli ta’ persuni misjuba ħatja mill-Qorti Kriminali. Din il-Qorti fil-Gurisdizzjoni Inferjuri tagħha tisma’ l-appelli rigward kawżi li ġew deċiżi mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali. |
Magħmula minn tlett imħallfin Magħmula minn imħallef wieħed |
Il-Qorti Kriminali |
L-ewwel istanza |
Din il-qorti sservi bħala qorti kriminali u tisma’ kawżi kriminali li jmorru lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati. |
Ippreseduta minn imħallef li jista’ jkollu miegħu ġurija ta’ disa’ persuni |
Il-Qorti Ċivili: Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Ġurisdizzjoni Volontarja) Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) |
L-ewwel istanza |
Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili tisma’ l-kawżi ċivili u/jew kummerċjali kollha li jmorru lil hinn mill-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati. Fil-ġurisdizzjoni kostituzzjonali tagħha, tisma’ wkoll il-kawżi marbuta mal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali li huma protetti mill-Kostituzzjoni u mill-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertaijiet Fundamentali. Il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Ġurisdizzjoni Volontarja) hija qorti b’ġurisdizzjoni volontarja u hija responsabbli mill-interdizzjoni jew mill-inabilitazzjoni tal-persuni mentalment instabbli, min-nomina ta’ tuturi għall-istess persuni, mill-ftuħ tas-suċċessjonijiet u mill-konferma tal-eżekuturi testamentarji. Tieħu ħsieb iżżomm ukoll it-testmenti sigrieti. Din il-qorti tisma’ l-kawżi kollha marbuta ma’ kwistjonijiet familjari bħal annullamenti taż-żwiġijiet, separazzjoni personali, divorzju, manteniment u kustodja tat-tfal. |
Ippreseduta minn imħallef Ippreseduta minn imħallef Ippreseduta minn imħallef |
Il-Qorti tal-Maġistrati |
L-ewwel istanza |
Fil-qasam ċivili, il-Qorti tal-Maġistrati għandha biss ġurisdizzjoni inferjuri tal-ewwel istanza, b’mod ġenerali limitata għat-talbiet li ma jaqbżux il-€15,000. Fil-qasam kriminali, il-Qorti għandha ġurisdizzjoni doppja: bħala qorti ta’ ġudikatura kriminali rigward il-kawżi li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, u bħala qorti istruttorja rigward reati li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Kriminali. (i) Qorti ta’ Gudikatura Kriminali – din il-Qorti għandha l-kompetenza li tisma’ l-kawżi kollha relatati ma’ reati li jġorru piena sa 6 xhur priġunerija. (ii) Qorti Istruttorja – il-Qorti tmexxi l-inkjesta preliminari rigward id-delitti u tirrinvija l-atti rilevanti lill-Avukat Ġenerali. Jekk ma jkun hemm l-ebda oġġezzjoni min-naħa tal-akkużat, l-Avukat Ġenerali jista’ jirrinvija l-każijiet li jġorru piena sa 10 snin ħabs lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati biex tisma’ u tiddeċiedi l-każ. |
Ippreseduta minn maġistrat |
Il-Qorti tal-Maġistrati għal Għawdex |
L-ewwel istanza |
Fil-qasam ċivili, il-Qorti tal-Maġistrati għal Għawdex għandha ġurisdizzjoni doppja: ġurisdizzjoni inferjuri paragunabbli għal dik eżerċitata mill-kontroparti tagħha f’Malta, u ġurisdizzjoni superjuri, bl-istess kompetenza tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, iżda eskluża l-ġurisdizzjoni kostituzzjonali, u tal-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Ġurisdizzjoni Volontarja). Fil-qasam kriminali, il-Qorti tal-Maġistrati għal Għawdex għandha l-istess kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali u bħala Qorti Istruttorja. |
Ippreseduta minn maġistrat |
Il-Qorti tal-Minorenni |
L-ewwel istanza |
Il-Qorti tal-Minorenni tisma’ l-akkużi fil-konfront ta’, u tieħu ħsieb proċedimenti oħrajn marbuta ma’ minorenni li għandhom inqas minn 16-il sena u tista’ anki tagħmel ordnijiet ta’ kura. |
Ippreseduta minn maġistrat u żewġ membri |
Tribunal għal Talbiet iż-Żgħar |
L-ewwel istanza |
It-Tribunal jiddeċiedi b’mod sommarju, skont il-prinċipji tal-ekwità u tal-liġi, fuq talbiet ta’ inqas minn €5000. |
Ippresedut minn Ġudikatur |
Bażijiet tad-dejta legali
Is-sit elettroniku uffiċjali tal-Gvern tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali jipprovdi diversi servizzi on line. Is-sit, bil-Malti u bl-Ingliż, jinkludi informazzjoni dwar il-Ministeru tal-Ġustizzja u tal-Intern, kif ukoll dwar il-qrati tal-ġustizzja, is-sistema ġudizzjarja u l-ġudikatura, l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, is-servizzi tal-qorti u s-servizzi legali.
Dawn li ġejjin huma links għad-diversi possibiltajiet offruti taħt is-servizzi tal-qorti u s-servizzi legali:
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali
Servizzi tal-Qorti - Sentenzi Online
Servizzi tal-Qorti - Proċeduri tal-Qorti
Servizzi tal-Qorti - Użu tal-Awli
Servizzi tal-Qorti - Statistika
Servizzi tal-Qorti - Bejgħ b’subbasti
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.