Sistemi ġudizzjarji nazzjonali

Rumanija

Din it-taqsima tal-Portal tagħtik deskrizzjoni ġenerali tal-qrati fir-Rumanija.

Il-kontenut ipprovdut minn
Rumanija

L-organizzazzjoni tal-ġustizzja - is-sistema ġudizzjarja

Il-prinċipji, l-istruttura u l-organizzazzjoni tas-sistema ġudizzjarja Rumena huma stipulati fil-Kostituzzjoni Rumena u fil-Liġi Nru 304/2004 dwar l-organizzazzjoni ġudizzjarja.

Il-qrati li ġejjin jifformaw is-sistema ġudizzjarja:

  • il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja;
  • il-qrati tal-appell;
  • it-tribunali;
  • it-tribunali speċjalizzati;
  • il-qrati distrettwali u
  • il-qrati militari.

Ġerarkija tal-qrati

Il-Qorti Għolja tal-Kassazzjoni u l-Ġustizzja tiffunzjona bħala l-Qorti Suprema fir-Rumanija. Tiżgura li l-liġi tiġi interpretata u applikata b'mod uniformi mill-qrati l-oħra tal-liġi.

  • Il-15-il qorti tal-appell għandhom tribunali u tribunali speċjalizzati taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.
  • It-42 tribunal.huma organizzati fuq livell ta' kontea u f'Bukarest, u bħala regola jinsabu fil-belt prinċipali ta' kull kontea.
  • L-4 tribunali speċjalizzati jiffunzjonaw bħala qrati separati għal kawżi li jinvolvu minuri u liġi tal-familja (1) u għal kawżi kummerċjali (3).
  • It-tribunali għandhom 176 qorti distrettwali taħt il-ġuriżdizzjoni tagħhom.

Tipi ta' qrati - deskrizzjoni qasira

Xi qrati jwettqu l-attività ġudizzjarja tagħhom taħt il-ġuriżdizzjoni ta' kull wieħed mit-42 tribunal.

Kull wieħed mill-176 qorti funzjonanti hu organizzat fuq livell ta' kontea u fid-distretti ta' Bukarest.

Kull qorti hi mmexxija minn president b'kapaċità maniġerjali. It-taqsimiet speċjalizzati tal-qorti huma mmexxija minn president tat-taqsima. F'kull qorti, kumitat mexxej jiddeċiedi fuq kwistjonijiet ta' governanza tal-qorti ġenerali.

Il-qrati militari huma organizzati f'4 tribunali militari, it-Tribunal Militari Territorjali f'Bukarest u l-Qorti tal-Appell Militari f'Bukarest. Kull wieħed mit-tribunali militari għandu l-istatus ta' unità militari.

  • Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura huwa l-korp li, taħt il-Kostituzzjoni, jiżgura l-indipendenza tal-ġudikatura. Barra minn hekk, jiżgura l-osservanza tal-liġi u tal-kriterji ta' kompetenza u etiċi professjonali fil-prattika tal-professjonijiet ta' imħallfin u prosekuturi.
  • Il-Ministeru tal-Ġustizzja jikkontribwixxi għall-iffunzjonar xieraq tas-sistema ġudizzjarja, jiżgura li l-ġustizzja timxi kif suppost taħt kundizzjonijiet xierqa bħala servizz pubbliku u jiddefendi l-ordni ġuridika u d-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadini.

Bażijiet tad-dejta ġuridiċi

Dawn li ġejjin huma bażijiet tad-dejta disponibbli onlajn:

L-aċċess għall-bażi tad-dejta ġuridika hu b'xejn?

Iva, l-aċċess għall-bażi tad-dejta ġuridika hu b'xejn.

Links rilevanti

L-organizzazzjoni tal-ġustizzja - ir-Rumanija

It-tfittxija ta' qrati kompetenti

L-aħħar aġġornament: 10/02/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.