Organizzazzjoni tal-ġustizzja - sistemi ġudizzjarji
Eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja
Is-setgħa ġudizzjarja fis-Slovakkja hija eżerċitata mill-qrati ordinarji u mill-Qorti Kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka (Ústavný súd Slovenskej republiky).
Is-setgħa ġudizzjarja fis-Slovakkja hija eżerċitata minn qrati indipendenti u imparzjali. Is-setgħa ġudizzjarja fil-livelli kollha hija eżerċitata separatament minn korpi oħra tal-Istat.
Il-president ta’ qorti huwa responsabbli għall-eżerċizzju tas-setgħa ġudizzjarja.
Amministrazzjoni tal-qrati
L-amministrazzjoni tal-qrati fis-Slovakkja hija mmexxija, sa fejn stabbilit mil-liġi, mill-Ministeru tal-Ġustizzja Slovakk u l-president tal-qorti, li huwa wkoll il-korp statutorju tal-qorti. Sa fejn stabbilit mil-liġi, l-amministrazzjoni tal-qorti tiġi mmexxija wkoll mid-direttur amministrattiv tal-qorti u mill-Kunsill Ġudizzjarju tar-Repubblika Slovakka.
Tipi ta’ qrati - deskrizzjoni qasira
Sistema ta’ qrati ordinarji
- il-qrati distrettwali (okresné súdy) (54)
- il-qrati reġjonali (krajské súdy) (8)
- il-Qorti Suprema tar-Repubblika Slovakka (Najvyšší súd Slovenskej republiky)
- il-Qorti Kriminali Speċjalizzata (Špecializovaný trestný súd)
Ġerarkija tal-qrati
Skont l-Att Nru 757/2004 dwar il-qrati u li jemenda ċerti atti oħra, kif emendat:
- Il-qrati distrettwali jaġixxu bħala qrati tal-prim’ istanza f’kawżi ċivili u kriminali, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mir-regoli dwar il-proċeduri fil-qorti.
- Il-qrati distrettwali jisimgħu wkoll kawżi elettorali, meta dan ikun stipulat minn dispożizzjonijiet legali speċifiċi.
- Il-qrati reġjonali jaġixxu bħala qrati tat-tieni istanza f’każijiet ċivili u kriminali li jkunu nstemgħu fil-qrati distrettwali fl-ewwel istanza.
- Ir-regoli li jirregolaw il-proċedimenti tal-qorti jispeċifikaw it-tipi ta’ kawżi ċivili u kriminali li fihom il-qrati reġjonali jaġixxu bħala qrati tal-prim’istanza.
- Il-qrati reġjonali jaġixxu bħala qrati tal-prim’ istanza f’kawżi amministrattivi, ħlief fejn ikun stipulat minn dispożizzjonijiet legali speċifiċi.
- Il-qrati reġjonali jisimgħu wkoll kawżi oħra, fejn stipulat minn dispożizzjonijiet legali speċifiċi (pereż. l-Att Nru 166/2003 dwar il-protezzjoni tal-privatezza kontra l-użu mhux awtorizzat tat-teknoloġija tal-informazzjoni u li jemenda ċerti atti oħra, u l-Att dwar il-protezzjoni kontra l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet).
- Il-Qorti Suprema għandha ġuriżdizzjoni f:
- f’appelli ordinarji kontra deċiżjonijiet tal-qrati reġjonali u l-Qorti Kriminali Speċjalizzata;
- f’appelli straordinarji kontra deċiżjonijiet minn qrati distrettwali, qrati reġjonali, il-Qorti Kriminali Speċjalizzata u l-Qorti Suprema;
- fl-assenjazzjoni mill-ġdid tal-kawżi lil qorti li ma tkunx il-qorti kompetenti, fejn previst mir-regoli li jirregolaw il-proċedimenti tal-qorti;
- f’każijiet oħra, fejn previst mil-liġi jew minn trattat internazzjonali.
Il-Qorti Suprema tirrevedi d-deċiżjonijiet meħuda mill-qrati f’każijiet fejn tkun ingħatat sentenza finali.
Il-Qorti Suprema tissorvelja l-interpretazzjoni uniformi u l-applikazzjoni konsistenti tal-liġijiet u atti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali:
- permezz tat-teħid tad-deċiżjonijiet tagħha stess;
- billi toħroġ opinjonijiet bl-għan li junifikaw l-interpretazzjoni tal-liġijiet u atti oħra ta’ applikazzjoni ġenerali;
- bil-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet finali tal-qorti ta’ sinifikat ewlieni fir-Rapporti tal-Opinjonijiet tal-Qorti Suprema u d-Deċiżjonijiet tal-Qrati tar-Repubblika Slovakka.
Bażijiet ta’ data ġuridiċi
Aktar informazzjoni tista’ tinstab fuq is-sit web tal-Ministeru tal-Ġustizzja tar-Repubblika Slovakka.
Links relatati
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.