Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Ispanjol ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Sistemi ġudizzjarji nazzjonali

Spanja

Din it-taqsima tippreżenta ħarsa ġenerali lejn is-sistema tal-qrati u t-tribunali fi Spanja.

Il-kontenut ipprovdut minn
Spanja

L-Organizzazzjoni tal-Ġustizzja. Is-Sistemi Ġudizzjarji

L-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Fl-ambitu tas-sistemi ġuridiċi kontemporanji, is-sistema Spanjola għandha l-karatteristiki tal-hekk imsejjaħ mudell kontinentali.

Dan il-mudell għandu bħala karatteristiki fundamentali:

  • is-separazzjoni fl-ordni ġuridiku tas-settur pubbliku u tas-settur privat, waqt li huma wkoll maqsuma f'taqsimiet li jkopru materji kostituzzjonali, kriminali, amministrattivi, fiskali, ċivili, kummerċjali, industrijali u proċedurali.
  • is-supremazija tal-liġi u tad-dritt miktub, fis-sistema tas-sorsi definiti fil-Kodiċi Ċivili jiġifieri l-liġi miktuba, il-konswetudni u l-prinċipji ġenerali tad-Dritt.
  • l-organizzazzjoni ġerarkika tat-tribunali b'sistema ta' rikorsi ġuriżdizzjonali.

Tipi ta' tribunali. Deskrizzjoni fil-qosor

Il-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978 tistabbilixxi li Spanja hija Stat Soċjali u Demokratiku bbażat fuq l-Istat tad-Dritt li bħala valuri superjuri tal-ordni ġuridiku tiegħu għandu l-libertà, il-ġustizzja, l-ugwaljanza u l-pluraliżmu politiku.

Il-Kostituzzjoni hija bbażata fuq l-għaqda indissolvibbli tal-Istat Spanjol, il-patrija komuni u indiviżibbli tal-Ispanjoli kollha, u tirrikonoxxi u tiggarantixxi d-dritt għall-awtonomija tan-nazzjonalitajiet u r-reġjuni integrati fih u s-solidarjetà bejniethom kollha.

It-Titolu VI tal-Kostituzzjoni huwa ddedikat lill-Ġudikatura u l-Artikolu 117 tiegħu jiddikjara li l-prinċipju tal-għaqda ġuriżdizzjonali huwa l-bażi għall-organizzazzjoni u l-funzjonament tat-Tribunali.

Dawn il-prinċipji kollha jinfurmaw l-Organizzazzjoni tal-Qrati u t-Tribunali fi Spanja u huma mfissra fl-eżistenza ta’ ġuriżdizzjoni unika, magħmula minn korp uniku ta’ mħallfin u maġistrati li jiffurmaw il-Ġuriżdizzjoni Ordinarja.

Jeżistu diversi qrati u tribunali li jqassmu xogħolhom skont il-kriterji għat-tqassim skont il-kompetenza: is-suġġett, l-ammont, il-persuna, il-funzjoni jew it-territorju, billi l-Għaqda Ġuriżdizzjonali ma teskludix l-eżistenza ta’ organi differenti b’kompetenzi differenti.

Sabiex organu ġudizzjarju jiġi kkunsidrat bħala ordinarju, irid ikun irregolat mil-Liġi Organika dwar il-Ġudikatura, skont il-mandat fl-Artikolu 122 tal-Kostituzzjoni Spanjola tal-1978.

Trid issir distinzjoni bejn tliet aspetti fundamentali:

  1. l-aspett territorjali.
  2. in-natura individwali jew kolleġjali tal-organi.
  3. l-aspett kompetenzjali.

L-aspett territorjali

Skont il-memorandum ta' spjegazzjoni fil-Liġi Organika 6/1985 tal-1 ta’ Lulju dwar il-Ġudikatura, l-Istat huwa organizzat territorjalment, għal skopijiet ġudizzjarji, f’muniċipalitajiet, distretti, provinċji u komunitajiet awtonomi, bl-awtorità ġuriżdizzjonali fuqhom tkun eżerċitata mill-Qrati tal-Kummissarju tal-Ġustizzja, il-Qrati tal-Ewwel Istanza u l-Kumpilazzjoni, il-Qorti Amministrattiva, il-Qorti Industrijali, il-Qorti tal-Viġilanza Penitenzjarja u tal-Minuri, il-Qrati Provinċjali u t-Tribunali Superjuri tal-Ġustizzja. Il-Qorti Kriminali u Amministrattiva Nazzjonali u l-Qorti Suprema u l-Qrati Ċentrali tal-Kumpilazzjoni u l-Qrati Amministrattivi għandhom awtorità ġuriżdizzjonali fit-territorju nazzjonali kollu.

In-natura individwali jew kolleġjali tal-organi

Rigward in-natura individwali jew kolleġjali tal-organi, kollha huma individwali bl-eċċezzjoni tal-Qorti Suprema, il-Qorti Kriminali u Amministrattiva Nazzjonali, il-Qrati Superjuri tal-Ġustizzja u l-Qrati Provinċjali.

Il-Qorti Suprema hija ffurmata mill-president tagħha, il-presidenti tal-awla u l-maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull waħda mill-awli u t-taqsimiet tagħhom. Hemm ħames awli: dik Ċivili, dik Kriminali, dik Amministrattiva, dik Industrijali u dik Militari.

Il-Qorti Kriminali u Amministrattiva Nazzjonali hija ffurmata mill-president tagħha, il-presidenti tal-awla u l-maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull waħda mill-Awli u t-Taqsimiet tagħhom (tal-Appelli, Kriminali, Amministrattiva u Industrijali).

It-Tribunali Superjuri jinkludu erba’ awli (ċivili, kriminali, amministrattivi u industrijali). Huma ffurmati minn president, li huwa wkoll il-president tal-awla ċivili u ta' dik kriminali; il-presidenti tal-awla u l-maġistrati li jiddeterminaw il-liġi għal kull waħda mill-awli tagħhom.

Il-Qrati Provinċjali huma ffurmati minn president wieħed u żewġ maġistrati jew aktar. Huma jisimgħu kawżi ċivili u kriminali u jista’ jkun hemm taqsimiet bl-istess kompożizzjoni.

L-Uffiċċju Ġudizzjarju

Il-Liġi Organika tal-Ġudikatura tiddefinixxi l-Uffiċċju Ġudizzjarju bħala "l-organizzazzjoni ta' natura strumentali li toffri sostenn u appoġġ għall-attività ġuriżdizzjonali tal-qrati u t-tribunali."

Dan kien imfassal biex itejjeb l-effikaċja, l-effiċenza u t-trasparenza tal-ħidma ġudizzjarja, iħaffef il-qtugħ tal-kawżi, u jrawwem il-kooperazzjoni u l-koordinament bejn id-diversi amministrazzjonijiet. Għaldaqstant, it-tnedija tiegħu hija reazzjoni għall-impenn lejn servizz pubbliku eqreb taċ-ċittadin u ta' kwalità, b'konformità mal-valuri kostituzzjonali u li jimxi mal-bżonnijiet reali taċ-ċittadini.

Dan huwa mudell organizzattiv ġdid li jintroduċi tekniki moderni ta' ġestjoni, ibbażati fuq il-kumbinazzjoni ta' unitajiet amministrattivi differenti; Unitajiet Proċedurali ta' Appoġġ dirett, li huma ekwivalenti għall-qrati l-antiki, li jappoġġaw lill-Imħallef jew Maġistrat fil-funzjoni ġuriżdizzjonali tiegħu u Servizzi proċedurali komuni, immexxija minn Segretarji Ġudizzjarji li jwettqu u jiddeċiedu l-funzjonijiet kollha li ma jkunux strettament ġuriżdizzjonali, fosthom: jirċievu dokumenti, jieħdu ħsieb in-notifiki, jeżegwixxu d-deċiżjonijiet, jittrattaw proċedimenti mhux ġudizzjarji, jilqgħu rikorsi għall-ftuħ ta' kawża, jinnotifikaw il-partijiet, jirrimedjaw nuqqasijiet proċedurali…

Hemm tliet tipi ta' Servizzi Komuni Proċedurali:

  • Is-Servizz Komuni Ġenerali
  • Is-Servizz Komuni tal-Ġestjoni tal-Kawża
  • Is-Servizz Komuni tal-Eżekuzzjoni

Il-mudell organizzattiv il-ġdid tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja daħal fis-seħħ f'Burgos u f'Murcia f'Novembru 2010. Fi Frar tas-sena ta' wara, l-Uffiċċju Ġudizzjarju ġie stabbilit f'Cáceres u fi Ciudad Real u fix-xahar ta' Ġunju 2011 fis-sedi ta' León, Cuenca u Mérida. Huwa previst li fl-2013 ikun stabbilit ukoll f'Ceuta u f'Melilla. Dan il-mudell organizzattiv jikkoeżisti mal-mudell l-antik ta' qrati u tribunali li għad hemm fil-bqija tat-territorju.

L-aspett kompetenzjali

Flimkien mal-element territorjali, is-suġġetti u l-kwistjonijiet li jistgħu jisimgħu l-qrati u t-tribunali jinqasmu f'erba’ oqsma ġuriżdizzjonali:

Ġuriżdizzjoni Ċivili: teżamina t-tilwim li ma jkunx attribwit espressament lil qasam ġuriżdizzjonali ieħor. Għalhekk jista’ jiġi kklassifikat bħala ordinarju jew komuni.

Ġuriżdizzjoni Kriminali: Il-ġuriżdizzjoni kriminali tisma' kważi u proċedimenti kriminali. Hija karatteristika tal-liġi Spanjola li l-kawża ċivili li tirriżulta minn reat kriminali tista’ titressaq fl-istess ħin bħall-azzjoni kriminali. F’każ bħal dan, il-qorti kriminali tiddeċiedi d-danni xierqa sabiex tagħmel tajjeb għat-telf ikkawżat mid-delitt jew nuqqas.

Ġuriżdizzjoni Amministrattiva: il-ġuriżdizzjoni amministrattiva tittratta l-verifika tal-legalità ta’ azzjoni tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-pretensjonijiet ta’ responsabilità finanzjarja li jsiru kontra tagħhom.

Ġuriżdizzjoni Industrijali: tisma’ pretensjonijiet fil-qasam tad-dritt industrijali, kemm f’kunflitti individwali bejn il-ħaddiem u min iħaddmu li jirriżultaw mill-kuntratt tax-xogħol, u fi kwistjonijiet ta’ negozjati għal ftehim kollettiv, kif ukoll talbiet fil-materja tas-Sigurtà Soċjali jew kontra l-Istat meta jkollu responsabbiltà attribwita mil-leġiżlazzjoni industrijali.

Minbarra l-erba’ oqsma ġuriżdizzjonali, fi Spanja hemm ukoll il-Ġuriżdizzjoni Militari.

Il-Ġuriżdizzjoni Militari tirrappreżenta eċċezzjoni għall-prinċipju tal-unità ġuriżdizzjonali.

Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna dwar il-ġuriżdizzjoni ordinarja fi Spanja.

Ma jeżisti l-ebda qasam ġuriżdizzjonali straordinarju fi Spanja, madankollu nistgħu nirrimarkaw li fl-oqsma ġuriżdizzjonali li diġà ssemmew, ġew stabbiliti Qrati speċjalizzati bbażati fuq is-suġġett. Bħal, pereżempju, il-qrati li jittrattaw il-Vjolenza kontra n-Nisa, il-qrati ta' viġilanza penitenzjarja u qrati tal-minuri. Dawn il-qrati għandhom ġuriżdizzjoni ordinarja bi speċjalizzazzjoni minħabba s-suġġett li jittrattaw. Għal aktar informazzjoni, ara “qrati u tribunali speċjalizzati fi Spanja.”

Il-ġerarkija tal-qrati u t-tribunali

Spanja ssegwi sistema ta’ żewġ istanzi, li tistabbilixxi l-ġerarkija tat-tribunali f’sistema tal-appelli.

Huwa neċessarju li wieħed jara dak li jispeċifika l-ordni ġuridiku Spanjol dwar il-kompetenzi ta’ kull organu ġudizzjarju sabiex jara liema appelli huma applikabbli u quddiem liema qorti jridu jsiru. Għal aktar informazzjoni, ara l-paġna dwar il-ġuriżdizzjoni ordinarja fi Spanja.

Bażijiet ta' dejta legali

L-aċċess għall-bażijiet ta' dejta huwa mingħajr ħlas?

Iva, l-aċċess huwa b’xejn.

Ġabra fil-qosor tal-kontenut

Ħoloq relatati

IL-KUNSILL ĠENERALI TAL-ĠUDIKATURA FI SPANJA

L-aħħar aġġornament: 17/01/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.