Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Ġermaniż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Suċċessjonijiet

Awstrija
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Meta jsir testment hemm rekwiżiti formali speċifiċi li jridu jiġu osservati. It-tipi ta' testment li huma rikonoxxuti skont il-liġi Awstrijaka jinkludu:

  • testment pubbliku mfassal minn nutar jew qorti,
  • testment olografiku, li t-testatur irid jikteb kompletament b'idejh u jiffirmah,
  • testment miktub (miktub bl-idejn jew ittajpjat minn xi ħadd li mhux it-testatur), li jrid jitfassal fil-preżenza ta' tliet xhieda.

Kuntratt ta' wirt (l-Artikoli 1249 et seq. tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak (Allgemeines bürgerliches Gesetzbuch – ABGB)) jista' jiġi konkluż biss minn koppji miżżewġin jew għarajjes li eventwalment jiżżewġu u sħab irreġistrati (futuri), u jrid jieħu l-forma ta' att notarili (skont l-Artikolu 1, l-ewwel paragrafu, il-punt (a) tal-Att dwar l-Atti Notarili (Notariatsaktsgesetz)); hija meħtieġa l-preżenza ta' żewġ xhieda jew ta' nutar ieħor. Kuntratt ta' wirt, li jrid jissodisfa r-rekwiżiti ta' validità għad-dispożizzjonijiet testamentarji, ma jistax jiddisponi minn iktar minn tliet kwarti tal-patrimonju. F'dan il-kuntest, sħab irreġistrati għandhom l-istess drittijiet bħall-miżżewġin u l-għarajjes (l-Artikolu 1217 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Testment unica charta jista' jsir biss minn miżżewġin jew sħab irreġistrati (l-Artikolu 586 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Donationes mortis causa [għotjiet ta' proprjetà personali mingħand xi ħadd li jistenna li jmut fil-futur qrib, li jieħdu effett biss wara l-mewt tad-donatur] huma rregolati mill-Artikolu 603 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak u jingħataw b’kuntratt, li jieħu l-forma ta’ att notarili.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Testmenti, kuntratti tal-wirt u kwalunkwe kuntratt li jirrinunzja għad-dritt għall-wirt jew għal sehem riżervat jista' jiġi rreġistrat fir-Reġistru Ċentrali tat-Testmenti Awstrijak (l-Artikolu 140b tal-Kodiċi Notarili Awstrijak (Notariatsordnung)), sakemm ikun ġie ddepożitat ma' nutar, ma’ qorti jew ma’ avukat. Dan ir-reġistru elettroniku huwa ġestit mill-Kamra tan-Nutara tad-Dritt Ċivili Awstrijaka (Österreichische Notariatskammer) u huwa l-uniku reġistru tat-testmenti li huwa rregolat bil-liġi. Il-qrati u n-nutara huma meħtieġa jirrapportaw l-eżistenza ta' kwalunkwe dokument tali lir-reġistru (l-Artikolu 140c(2) tal-Kodiċi Notarili Awstrijak). Il-fini tar-reġistrazzjoni hija li jkun iktar faċli biex jinstabu dawn id-dokumenti waqt proċedimenti ta' suċċessjoni. L-avukati u d-ditti legali jistgħu jirreġistraw testmenti u dispożizzjonijiet testamentarji oħra fir-Reġistru tat-Testmenti tal-Avukati Awstrijaċi.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Is-sehem riżervat (li jirrestrinġi l-grad ta’ libertà testamentarja) jammonta għal nofs is-sehem ab intestato fil-massa ereditarja. Ulied il-persuna deċeduta u l-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat tagħha huma intitolati għal sehem riżervat. Jekk persuna intitolata għas-sehem riżervat qatt ma kellha relazzjoni familjari mill-qrib mal-persuna deċeduta jew tali relazzjoni ma kinitx teżisti għal perjodu twil ta’ żmien (madwar 20 sena), is-sehem riżervat jista’ jitnaqqas.

Is-sehem riżervat huwa s-sehem fil-valur tal-assi tal-persuna deċeduta li jrid jitqassam lill-persuni intitolati għas-sehem riżervat. Is-sehem riżervat għandu jitħallas fi flus kontanti. Madankollu, huwa jista’ wkoll jiġi kopert b’għotja ma’ mewt il-persuna deċeduta (l-Artikolu 780 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak) jew minn donazzjoni inter vivos (l-Artikolu 781 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Id-dritt għal sehem riżervat irid jiġi asserit fil-qorti fi żmien tliet snin mill-iskoperta tal-pretensjoni u mhux aktar tard minn 30 sena wara l-mewt (l-Artikolu 1487 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak). Il-perjodu ta' preskrizzjoni jibda meta jiġu skoperti l-fatti li jiddeterminaw l-eżistenza tal-pretensjoni, iżda mhux qabel sena minn mewt il-persuna deċeduta (l-Artikoli 765 u 1487a tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Is-sehem riżervat jista' jkun irrinunzjat waqt li t-testatur ikun għadu ħaj. Din ir-rinunzja trid tieħu l-forma ta' att notarili jew reġistrazzjoni uffiċjali tal-qorti (l-Artikolu 551 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk il-persuna deċeduta ma tħallix warajha konjuġi, sieħeb irreġistrat jew tfal, jirtu l-ġenituri tal-persuna deċeduta u d-dixxendenti tagħhom (ħut il-persuna deċeduta) (l-Artikolu 735 u 736 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Jekk il-persuna deċeduta ma tħallix warajha konjuġi jew sieħeb irreġistrat iżda tħalli warajha l-ulied, allura l-ulied jirtu ishma ndaqs (l-Artikolu 732 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Jekk il-persuna deċeduta tħalli warajha konjuġi jew sieħeb irreġistrat iżda l-ebda ulied, allura l-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat superstiti jibqgħu l-uniku werriet.

Jekk il-persuna deċeduta tħalli warajha konjuġi jew sieħeb irreġistrat u wlied, il-konjuġi jew is-sieħeb irreġistrat jiret terz mill-patrimonju flimkien mal-legat preferenzjali konċess mil-liġi [li jintitolah għall-oġġetti tad-dar]. Żewġ terzi tal-patrimonju jitqassmu b'mod ugwali bejn ulied il-persuna deċeduta (l-Artikolu 744 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Is-sieħeb mhux irreġistrat (koabitant barra ż-żwieġ) jiret jekk ma jkun hemm l-ebda werriet statutorju ieħor; inkella f’każ biss li jkun hemm dispożizzjoni testamentarja li titlob hekk. Madankollu, il-koabitant barra ż-żwieġ superstiti huwa mħares mill-Att Awstrijak dwar il-Kera (Mietrechtsgesetz) u mill-Att Awstrijak dwar il-Koproprjetà tal-Appartamenti (Wohnungseigentumsgesetz). Jekk il-persuna deċeduta u l-koabitant barra ż-żwieġ ikunu koproprjetarji ta' appartament (sjieda kooperattiva ta' appartament), sehem il-persuna deċeduta jgħaddi għand il-koproprjetarju superstiti. Barra minn hekk, il-koabitant barra ż-żwieġ għandu legat ta’ preferenza konċess mil-liġi u għalhekk id-dritt, limitat għal sena, li jkompli jgħix fid-dar komuni u juża l-oġġetti tad-dar ta’ proprjetà komuni, sa fejn ikun meħtieġ sabiex ikompli jgħix skont il-kundizzjonijiet tal-għajxien preċedenti.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Il-Qorti Distrettwali (Bezirksgericht); il-kummissarju tal-qorti (nutar) bħala organu tal-qorti.

L-awtorità li għandha ġuriżdizzjoni fis-suġġett u ż-żona ġeografika hija l-qorti distrettwali fejn kienet l-aħħar residenza legali tal-persuna deċeduta (l-aħħar abitazzjoni, post tar-residenza abitwali) (l-Artikolu 105 tal-Liġi Awstrijaka dwar il-Ġuriżdizzjoni tal-Qrati (Jurisdiktionsnorm – JN) flimkien mal-Artikoli 65 u 66 tal-Liġi Awstrijaka dwar il-Ġuriżdizzjoni tal-Qrati). Għall-finijiet tat-twettiq tal-proċess, il-qorti distrettwali tuża s-servizzi ta' nutar li jaġixxi fil-kapaċità ta' kummissarju tal-qrati (l-Artikolu 1 tal-Att dwar il-Kummissarju tal-Qrati (Gerichtskommissärsgesetz, GKG)).

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Il-Qorti Distrettwali; il-kummissarju tal-qorti (nutar) bħala organu tal-qorti.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Il-Qorti Distrettwali; il-kummissarju tal-qorti (nutar) bħala organu tal-qorti.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Il-Qorti Distrettwali; il-kummissarju tal-qorti (nutar) bħala organu tal-qorti.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Il-proċess tal-wirt (jew "il-proċedimenti tas-suċċessjoni" (Verlassenschaftsverfahren)) jibda mill-qorti distrettwali ladarba jitħabbar li l-wirt ikun sar dovut. Il-qorti distrettwali kompetenti hija dik tad-distrett fejn il-persuna deċeduta kellha l-aħħar post ta' abitazzjoni jew il-post tar-residenza abitwali tagħha. Il-proċedimenti jiġu ttrattati minn nutar fil-kapaċità tiegħu ta' kummissarju tal-qorti u jintemmu b'ordni tal-qorti.

Il-proċedimenti tas-suċċessjoni jridu jinfetħu uffiċjalment malli l-qorti ssir taf b'mewta (l-Artikolu 143(1) tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi (Außerstreitgesetz, AußStrG)).

Il-kummissarju tal-qorti jidentifika l-werrieta bħala parti mill-proċedimenti ġudizzjarji tas-suċċessjoni (l-Artikolu 797 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

Il-kummissarju tal-qorti (l-Artikolu 1(2), subparagrafu 2(b) u l-Artikolu 2(2) tal-Liġi dwar il-Kummissarji tal-Qorti) ifassal inventarju tal-patrimonju jekk tiġi ppreżentata aċċettazzjoni tal-wirt bil-kundizzjoni tal-benefiċċju tal-inventarju [li tillimita r-responsabilità tal-werriet għall-valur tal-assi li jirċievu mill-patrimonju]; jekk il-persuni li jkunu intitolati għal sehem riżervat ikunu taħt l-età jew ikunu jeħtieġu rappreżentanza legali għal raġunijiet oħra; jekk tkun ingħatat l-awtorizzazzjoni biex il-wirt ikun segregat mill-assi tal-werriet; jekk ikun irid jiġi kkunsidrat il-wirt minn werriet sussegwenti jew jekk jiġi stabbilit fond testamentarju privat; jekk ikun hemm il-possibilità li l-wirt imur għand l-Istat minħabba n-nuqqas ta' werrieta; jew jekk issir talba għalih minn persuna awtorizzata jew mill-fiduċjarju tal-patrimonju (l-Artikolu 165 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi).

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Ħadd ma jista’ jieħu l-pussess tal-wirt minn jeddu. Minflok, trid tingħata uffiċjalment biex tkun legalment fil-pussess tal-werriet, proċess magħruf bħala "d-devoluzzjoni tal-proprjetà" ("Einantwortung") b'ordni tal-qorti tas-suċċessjoni (Abhandlungsgericht) (l-Artikolu 797 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak u l-Artikolu 177 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi). Il-proprjetà tista’ tiġi devoluta biss ladarba d-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni tal-wirt tkun ġiet ippreżentata mill-persuni kkonċernati bħala prova tad-dritt tagħhom li jirtu, u ladarba l-proċeduri ġudizzjarji tas-suċċessjoni jkunu ntemmu. Anke fil-każ ta' proprjetà immobbli, is-sjieda tiġi ttrasferita fil-mument tad-devoluzzjoni, jiġifieri indipendentement mid-dħul tas-sid il-ġdid fir-reġistru tal-artijiet. Madankollu, jekk il-werrieta jonqsu milli jibagħtu applikazzjoni għad-dħul fir-reġistru tal-artijiet fi żmien raġonevoli, il-kummissarju tal-qorti jkollu jibgħat l-applikazzjoni minflokhom.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Il-werrieta huma responsabbli mid-djun tal-persuna deċeduta mill-assi totali tagħhom. Madankollu, jekk isir l-inventarju, ikunu responsabbli biss sal-valur tal-patrimonju.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Id-dokument li juri t-titolu legali tal-akkwiżizzjoni jrid jiġi ppreżentat lill-qorti tar-reġistru tal-artijiet (Grundbuchsgericht). Il-werrieta jridu jippreżentaw l-ordni tad-devoluzzjoni u l-legatarji jridu jippreżentaw konferma uffiċjali. Barra minn hekk, jista' jkun hemm bżonn li jiġi ppreżentat ċertifikat li juri li l-ebda taxxa mhija dovuta u, skont il-liġi tal-provinċja kkonċernata, permess speċjali maħruġ skont il-leġiżlazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet tal-proprjetà immobbli kif ukoll – meta applikabbli – prova taċ-ċittadinanza tar-riċevitur.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Ma hemmx għalfejn jinħatar amministratur.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Werriet li jkun kapaċi biżżejjed li juri d-dritt tiegħu li jiret mal-aċċettazzjoni tal-wirt, huwa intitolat juża u jamministra l-assi li jkun wiret u jirrappreżenta l-wirt, sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor mill-qorti tas-suċċessjoni (Verlassenschaftsgericht); meta dan japplika għal iktar minn parti waħda, il-partijiet kollha jeżerċitaw dan id-dritt konġuntement, sakemm huma ma jaqblux mod ieħor (l-Artikolu 810(1) tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak).

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-eżekutur għandu biss rwol sekondarju tul il-proċedimenti tas-suċċessjoni Awstrijaċi. Dan għaliex il-proċedimenti tas-suċċessjoni jiġu ttrattati mill-qorti u huwa l-kummissarju tal-qorti, bħala organu tal-qorti, li jiżgura li jiġu implimentati x-xewqat tal-persuna deċeduta. Skont l-Artikolu 816 tal-Kodiċi Ċivili Ġenerali Awstrijak, il-persuna deċeduta tista' tuża dispożizzjoni testamentarja biex tagħti lil xi ħadd ir-responsabbiltà li jwettaq ix-xewqat finali tagħha. L-ambitu tad-dmirijiet tal-persuna huma ddefiniti mid-dispożizzjoni testamentarja u jistgħu jvarjaw mill-monitoraġġ ta' jekk il-werriet/legatarju jissodisfax ċerti kundizzjonijiet għad-distribuzzjoni korretta tal-patrimonju permezz tal-amministrazzjoni tal-patrimonju.

Jekk ikun hemm proċedimenti orali bħala parti mill-proċess ta' sejħa għall-kredituri tal-patrimonju (l-Artikoli 813 sa 815 tal-Kodiċi Ċivil Ġenerali Awstrijak), il-kummissarju tal-qorti jkollu jħabbar id-data ta' dawn il-proċedimenti kif ukoll isejjaħ lill-eżekutur (l-Artikolu 174 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi).

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Il-kummissarju tal-qorti, fuq talba, irid joħroġ konferma uffiċjali lill-benefiċjarji bħala prova tas-setgħa ta' rappreżentanza tagħhom (l-Artikolu 172 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi) (ara l-punt 9.2 iktar ’il fuq).

Ladarba l-werrieta u sehemhom ikunu ddeterminati b'mod definittiv u jkunu tressqu l-provi li r-rekwiżiti l-oħra jkunu ġew issodisfati, il-qorti trid tqassam il-wirt lill-werrieta (l-Artikolu 177 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi: l-ordni ta' devoluzzjoni). Kopja uffiċjali tal-ordni ta' devoluzzjoni b'ċertifikat tas-setgħa hija biżżejjed biex tiżblokka l-fondi miżmuma mill-istituzzjonijiet ta' kreditu (l-Artikolu 179 tal-Att dwar il-Proċedimenti mhux Kontenzjużi).

Iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni skont l-Artikoli 62 et seq. tar-Regolament Ewropew dwar is-Suċċessjoni Nru 650/2012 jinħareġ mill-kummissarju tal-qorti. Jekk l-applikant ma jaqbilx ma’ dan iċ-Ċertifikat tas-Suċċessjoni, il-qorti trid teżaminah. Iċ-Ċertifikat maħruġ mill-kummissarju tal-qorti ma jibqax validu u jiġi sostitwit miċ-Ċertifikat maħruġ mill-qorti.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 29/10/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.