- 1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
- 2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
- 3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
- 4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
- 5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
- 6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
- 7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
- 8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
- 9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
- 10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)
1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
Id-dritt Belġjan jagħraf essenzjalment it-tliet forom ta' testmenti segwenti: It-testment awtentikujew it-testment notarili, it-testment olografiku(li għandu jiġi miktub, iddatat u ffirmat mit-testatur waħdu) u t-testment internazzjonali.
It-testatur għandu jkun kapaċi jesprimi validament u liberament il-volontajiet tiegħu (art. 901 sa 904 tal-Kodiċi Ċivili).
Bħala prinċipju u bla ħsara għall-eċċezzjonijiet, il-ftehimiet ta' suċċessjoni futura huma pprojbiti.
F'sitwazzjoni transfruntiera, testment huwa bħala prinċipju validu fil-Belġju jekk ikun konformi mal-leġiżlazzjoni tal-post fejn sar (locus regit actum) jew ma' waħda mil-legiżlazzjonijiet l-oħra msemmija mill-Konvenzjoni tal-Aja tal-5 ta' Ottubru 1961.
2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
In-nutar li jirċievi testment awtentiku, internazzjonali jew testment olografiku, għandu l-obbligu li jirreġistra dan tal-aħħar fir-reġistru ċentrali tat-testmenti, immexxi mill-Fédération Royale du Notariat belge (Federazzjoni Rjali tan-Notarjat Belġjan). Għat-testmenti olografiċi mressqa quddiem in-nutar, it-testatur jista' jirrifjuta l-iskrizzjoni tat-testment tiegħu f'dan ir-reġistru.
3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
Id-dritt Belġjan jagħraf il-prinċipju tar-riżerva, li skontu sehem minimu (sehem riżervat) tas-suċċessjoni jiġi ttrasferit b'mod obbligatorju, jekk ikun il-każ, lill-konjuġi superstiti, lit-tfal u lil missier u omm il-mejjet.
F'dak li jirrigwarda t-tfal (jew id-dixxendenti), dan is-sehem riżervat jammonta għal nofs is-suċċessjoni f'każ ta' tifel wieħed, għal 2/3 f'każ ta' żewġt itfal u għal 3/4 f'każ ta' tlett itfal jew iktar.
F'dak li jirrigwarda l-missier u l-omm, huma għandhom dritt għal kwart is-suċċessjoni fin-nuqqas ta' dixxendenti. Madankollu, f'dan il-każ, is-suċċessjoni kollha tista' titħalla lill-konjuġi superstiti.
Min-naħa tiegħu, il-konjuġi superstiti jirċievi dejjem mill-inqas l-użufrutt tan-nofs tal-beni li jifformaw il-patrimonju jew l-użufrutt tal-proprjetà immobbli li sservi bħala r-residenza prinċipali, anki jekk dan jaqbeż nofs is-suċċessjoni.
Jekk it-testatur ikun għażel li ma jiħux kont tas-sehem riżervat fit-testment tiegħu u li l-werrieta jaqblu sabiex jirrispettaw ix-xewqat tiegħu, allura t-testment ikun jista' jiġi applikat. Iżda dawk li għalihom is-sehem riżervat ma jkunx ġie rrispettat u li beħsiebhom jitolbuh, igawdu minn action en réduction (azzjoni għal tnaqqis).
4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
Jekk il-mejjet ma kienx miżżewweġ u ma kellux tfal, l-axxendenti u l-qraba kollaterali (l-aħwa) jirtu l-ewwel. Il-missier u l-omm jirċievu kull wieħed kwart u l-aħwa, jew, jekk ikun il-każ, id-dixxendenti tagħhom, il-kumplament. Jekk wieħed jew iż-żewġ ġenituri jkunu mejtin, is-sehem tagħhom jgħaddi għand l-aħwa. Fl-assenza ta' axxendenti u ta' aħwa jew id-dixxendenti tagħhom, is-suċċessjoni ta' nofs tgħaddi għand il-ġenituri min-naħa tal-omm u n-nofs l-ieħor tgħaddi għand il-ġenituri min-naħa tal-missier (ziju, zija, kuġin, kuġina ...).
Jekk il-mejjet, mhux miżżewweġ, iħalli t-tfal, dawn tal-aħħar jeskludu l-membri l-oħra kollha tal-familja. Huma jaqsmu s-sjieda sħiħa tas-suċċessjoni f'sehem indaqs bejniethom. Madankollu, jekk il-wild ikun miet qabel (jew jirrinunzja għas-suċċessjoni jew ikun skwalifikat mis-suċċessjoni) u jħalli dixxendenti, dawn tal-aħħar jirtu minflok il-wild li jkun miet qabel, il-wild li jirrinunzja għas-suċċessjoni jew li jkun skwalifikat mis-suċċessjoni.
Jekk il-mejjet iħalli konjuġi u tfal, il-konjuġi superstiti jiret l-użufrutt (dritt għall-użu ta' beni u għar-riċeviment tal-frott) fuq it-totalità tal-beni li jifformaw il-wirt. It-tfal jirtu s-sjieda legali f'partijiet indaqs.
Jekk il-konjuġi jħalli konjuġi u ma għandux tfal, il-konjuġi superstiti jsir l-uniku werriet, fin-nuqqas ta' axxendenti u ta' ġenituri kollaterali sar-raba' grad tal-mejjet. Fil-preżenza ta' dawn tal-aħħar, il-konjuġi superstiti jirċievi, bħala prinċipju, l-użufrutt u il-werrieta l-oħra s-sjieda legali. Madankollu, is-sehem li jirċievi l-konjuġi superstiti f'din l-ipoteżi jiddependi wkoll mir-reġim tal-proprjetà matrimonjali li taħtu kienu żżewġu l-konjuġi: fl-ipoteżi fejn il-miżżewġin huma miżżewġin taħt reġim tal-komunjoni tal-akkwisti, il-konjuġi superstiti jiret is-sehem tal-mejjet f'din il-komunità tal-akkwisti bi sjieda sħiħa.
Jekk il-mejjet iħalli persuna li magħha jkun ikkonkluda sħubija rreġistrata, il-forma ta' sħubija rreġistrata li hija rrikonoxxuta mill-Belġju hija l-cohabitation légale (koabitazzjoni legali). Il-koabitant legali superstiti għandu bħala dritt fuq is-suċċessjoni l-użufrutt tal-proprjetà immobbli użata matul il-ħajja komuni bħala r-residenza komuni tal-familja, kif ukoll l-għamara. Madankollu, il-koabitant superstiti legali jista' jiġi mċaħħad minn dan l-użufrutt permezz ta' testment jew donazzjonijiet inter vivos lill-persuni oħra.
Jekk il-mejjet huwa sopravissut minn sieħeb li miegħu ma kienx ikkonkluda sħubija rreġistrata - koabitazzjoni libera (unjoni ta' fatt, mhux irreġistrata) -is-sieħeb ma jistax isir werriet ħlief jekk il-mejjet ma jkunx għamel provvediment għal dan fit-testment. Id-dritt Belġjan ma jagħtih ebda dritt awtomatiku ta' suċċessjoni.
5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?
Ebda awtorità speċifika mhija responsabbli mill-proċedura ta' suċċessjoni.
Madankollu, il-liġi tipprevedi l-intervent ta' nutar f'każ ta' testment olografiku jew internazzjonali. Barra minn hekk, f'ċerti ipoteżijiet, l'intervent tal-qorti tal-prim'istanza (tribunal de première instance) jew tal-kummissarju tal-ġustizzja (juge de paix) jista' jiġi permess, b'mod partikolari: f'każ ta' suċċessjoni li tgħaddi għand persuni li huma skwalifikati (minuri, eċċ), f'każ ta' suċċessjoni aċċettata bil-benefiċċju tal-inventarju, f'każ ta' suċċessjoni vakanti, meta jkun meħtieġ envoi en possession (ordni ta' pussess) jew ħlas ta' legat, f'każ ta' likwidazzjoni/diviżjoni kkontestata li tagħti lok għall-intervent ta' nutar maħtur mill-qorti.
5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?
Permezz tal-fatt waħdu tal-mewt ta' persuna, is-sjieda tal-beni li jifformaw is-suċċessjoni tagħha tiġi trażmessa lill-werrieta prospettivi.
Madankollu, dawn tal-aħħar għandhom għażla: suċċessjoni tista' effettivament tiġi aċċettata inkondizzjonalment jew bil-benefiċċju tal-inventarju, jew tiġi rrifjutata.
L-aċċettazzjoni tista' tkun espressa jew taċita: hija espressa meta wieħed jassumi t-titolu jew il-kwalità ta' werriet fi strument awtentiku jew privat; hija taċita meta l-werriet jieħu azzjoni li neċessarjament timplika l-intenzjoni tiegħu sabiex jaċċetta, u li huwa intitolat jieħu biss fil-kwalità tiegħu ta' werriet.
Huwa possibbli li suċċessjoni tiġi aċċettata sous bénéfice d'inventaire (bil-benefiċċju tal-inventarju) fir-rispett tal-proċedura prevista fl-Artikoli 793 et seq. tal-Kodiċi Ċivili.
Il-werriet li jixtieq jaċċetta suċċessjoni bil-benefiċċju tal-inventarju jrid jagħmel dikjarazzjoni speċifika fir-reġistru tal-qorti tal-prim'istanza tad-distrett li fih infetħet is-suċċessjoni, jew quddiem nutar.
Huwa wkoll possibbli li wieħed jirrifjuta wirt billi jieħu kopja tal-att tal-mewt lir-reġistru tal-qorti tal-prim'istanza fil-post tar-residenza tal-mejjet u billi jiffirma att ta' rinunzja (art. 784 et seq tal-Kodiċi Ċivili) jew quddiem nutar.
Id-dikjarazzjonijiet għandhom jiġu rreġistrati f'reġistru miżmum fir-reġistru tal-post tal-ftuħ tas-suċċessjoni.
5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?
Ara l-punt 7 iktar 'l isfel.
5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?
Ma hemmx proċedura partikolari (ara l-punt 3 iktar 'il fuq).
6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
Skont il-Kodiċi Ċivili Belġjan, ir-regola hija li s-suċċessjoni tgħaddi b'mod awtomatiku, mingħajr proċedura.
Bil-fatt waħdu tal-mewt ta' persuna, il-werrieta tagħha jgawdu mis-sjieda sħiħa tal-beni, id-drittijiet u l-ishma tagħha, suġġett għall-obbligu li jħallsu l-ispejjeż tas-suċċessjoni (art. 718 u 724 tal-Kodiċi Ċivili). [Madankollu, hemm xi eċċezzjonijiet: ara l-punt 7 iktar 'l isfel].
F'każ ta' likwidazzjoni/diviżjoni mill-qorti, il-proċedura ta' suċċessjoni ssir minn nutar maħtur mill-qorti u tingħalaq permezz ta' skema ta' stralċ. F'każ ta' likwidazzjoni/diviżjoni bonarja, biss id-diviżjoni tal-proprjetà immobbli teħtieġ li titwettaq permezz ta' att notarili.
7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
Id-dritt Belġjan huwa rregolat permezz tal-prinċipju li skontu, bil-fatt waħdu tal-mewt, il-werrieta jirtu l-assi kollha (attivi u passivi) tas-suċċessjoni. Madanakollu:
- il-benefiċjarji ta' legati universali stabbiliti permezz ta' testment olografiku jew internazzjonali għandhom jiksbu envoi en possession (ordni ta' pussess) mingħand il-president tal-qorti tal-familja (art. 1008 tal-Kodiċi Ċivili).
- il-benefiċjarji ta' legati partikolari (art. 1014 tal-Kodiċi Ċivili), il-benefiċjarji ta' legati abbażi ta' titolu ġenerali (art. 1011 tal-Kodiċi Ċivili) u, fil-preżenza ta' werrieta intitolati għal sehem riżervat, il-benefiċjarji ta' legati universali stabbiliti permezz ta' testment awtentiku (art. 1004 tal-Kodiċi Ċivili) għandhom jitolbu l-ħlas tal-legat (délivrance du legs).
- ċerti kategoriji ta' legatarji għandhom ukoll jiġu awtorizzati minn awtorità pubblika sabiex jaċċettaw il-legati mogħtija lilhom (pereżempju, legati għal muniċipalità, entità ta' utilità pubblika u, f'ċerti każijiet, għal fondazzjoni jew organizzazzjoni mingħajr skop ta' qligħ.
8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
Iva, jekk jaċċettaw is-suċċessjoni inkondizzjonalment. F'dan il-każ, huma għandhom ibatu l-ispejjeż u d-dejn kollu tas-suċċessjoni (art. 724 tal-Kodiċi Ċivili).
Jekk il-werrieta jaċċettaw is-suċċessjoni bil-benefiċċju tal-inventarju, huma responsabbli għad-dejn tas-suċċessjoni sal-ammont biss tal-valur tal-assi li jkunu rċevew (art. 802 tal-Kodiċi Ċivili). Il-werriet li jixtieq jaċċetta suċċessjoni bil-benefiċċju tal-inventarju jrid jagħmel dikjarazzjoni speċifika fir-reġistru tal-qorti tal-prim'istanza tad-distrett li fih infetħet is-suċċessjoni, jew quddiem nutar.
Le, jekk jirrinunzjaw għas-suċċessjoni b'dikjarazzjoni magħmula fir-reġistru tal-istess qorti tal-prim'istanza jew quddiem nutar (art. 785 tal-Kodiċi Ċivili).
Barra minn hekk, il-legatarju partikolari mhuwiex, bħala regola, responsabbli mid-djun tas-suċċessjoni (art. 1024 tal-Kodiċi Ċivili), għad-differenza tal-legatarju universali u tal-legatarju abbażi ta' titolu ġenerali.
9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
L-Att dwar l-Ipoteki tas-16 ta' Diċembru 1851 jirregola l-publikazzjoni tat-tranżazzjonijiet dwar proprjetà immobbli billi jistipula, fl-ewwel Artikolu tiegħu, li "l-atti inter vivos kollha sew jekk bi ħlas u sew jekk bla ħlas, id-drittijiet ta' trasferiment jew ta' dikjarazzjoni in rem fuq proprjetà immobbli, bl-eċċezzjoni tal-privileġġi u tal-ipoteki, ikunu rreġistrati f'reġistru għal dan il-għan, fl-uffiċċju tad-depożitu tal-ipoteki fid-distrett fejn jinsabu l-beni".
L-Artikolu 2 tal-istess Att jispeċifika, f'dan ir-rigward, li "s-sentenzi, l-istrumenti awtentiċi u l-atti privati, rikonoxxuti legalment jew quddiem nutar, huma ammessi għar-reġistrazzjoni. Il-prokuri fir-rigward ta' dawn l-atti għandhom jingħataw fl-istess forma".
Madankollu, l-Att tas-16 ta' Diċembru 1851 ma jirregolax il-publikazzjoni fil-każijiet ta' trasferiment tas-sjieda causa mortis.
Il-liġi tirrikjedi madankollu r-reġistrazzjoni tal-actes de partage (atti ta' diviżjoni). F'dan il-każ, il-werrieta kollha, sew jekk jirtu proprjetà immobbli sew jekk le, jissemmew għalhekk fl-istrument li jiġi rreġistrat fir-reġistri tad-depożitu tal-ipoteki. L-istess japplika f'każ ta' bejgħ pubbliku jew privat ta' proprjetà immobbli indiviża bejn il-werrieta.
9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?
Bħala regola, il-Belġju ma għandux sistema ta' amministrazzjoni tas-suċċessjoni.
Madankollu, l-Artikolu 803bis tal-Kodiċi Ċivili jistipula li l-werriet, li aċċetta bil-benefiċċju tal-inventarju, jista' ma jerfax ir-responsabbiltà għall-amministrazzjoni u l-likwidazzjoni tas-suċċessjoni. Jenħtieġ li qabel huwa jitlob b'rikors għall-ħatra, permezz ta' digriet tal-qorti tal-familja, ta' amministratur li jingħatawlu l-beni tas-suċċessjoni, sabiex dan tal-aħħar ikun responsabbli mil-likwidazzjoni tagħha skont ċerti regoli.
Barra minn hekk, l-Artikolu 804 jistipula li, f'każ li l-interessi tal-kredituri tas-suċċessjoni jew tal-legatarji jkunu jistgħu jiġu ppreġudikati permezz ta' negliġenza jew permezz tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-werriet benefiċjarju, kull parti kkonċernata tista' tissostitwih b'amministratur inkarigat sabiex jillikwida s-suċċessjoni. Dan l-amministratur jinħatar b'digriet mogħti fi proċedimenti sommarji, wara li l-werriet ikun instema' jew ikun ġie preliminarjament imsejjaħ.
Barra minn hekk, it-testatur jista' jaħtar eżekutur testamentari, inkarigat sabiex jiżgura l-eżekuzzjoni korretta tat-testment.
9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?
Ara l-mistoqsija preċedenti.
9.3 X'setgħat għandu amministratur?
L-amministratur maħtur skont l-Artikoli 803bis u 804 għandu setgħat identiċi għal dawk li għandu l-werriet benefiċjarju stess. Huwa għandu l-istess obbligi bħall-werriet; Mhuwiex rikjest li jagħti garanzija.
10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
Il-prova tal-kwalità ta' werriet hija pprovduta permezz ta' att notarili jew ċertifikat / strument ereditarju (= il-każ l-iktar komuni). Dan tal-aħħar jingħata min-nutar jew, f'ċerti kundizzjonijiet, mir-riċevitur tal-uffiċċju tat-taxxi tas-suċċessjoni kompetenti għad-depożitu tad-dikjarazzjoni tas-suċċessjoni tal-mejjet (art. 1240bis tal-Kodiċi Ċivili).
Att notarili huwa strument li jirrifletti l-verità. Dan għandu valur probatorju: dak li huwa ddikjarat mill-persuna li tistabbilih għandu jitqies bħala l-verità. In-nutar jattesta ċerti fatti, billi jiddikjara l-identità tal-persuni li huma preżenti quddiemu, u billi jikkonstata dak li huma jitolbuh jirreġistra fl-atti tiegħu. L-att notarili huwa awtentiku fir-rigward tal-kontenut tiegħu. Barra minn hekk, l-istrument awtentiku jkollu data inkontestabbli. Strument awtentiku jista' biss jiġi ppruvat bħala falz permezz ta' proċedimenti biex tiġi kkontestata l-awtentikazzjoni tiegħu.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.