- 1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
- 2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
- 3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
- 4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
- 5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
- 6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
- 7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
- 8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
- 9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
- 10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)
1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
Id-dritt tas-suċċessjoni u r-regoli li l-qrati, l-awtoritajiet l-oħrajn u l-persuni awtorizzati jimxu magħhom fi kwistjonijiet tas-suċċessjoni huma rregolati mill-Att dwar is-Suċċessjoni (Narodne Novine (NN; il-Gazzetta Uffiċjali tar-Repubblika tal-Kroazja) Nri 48/03, 163/03, 35/05 u 127/13).
Dispożizzjoni tal-proprjetà fil-każ ta' mewt tista' ssir fil-forma ta' testment. Testment jista' jsir minn kwalunkwe persuna bil-fakultajiet mentali sani li tkun għalqet l-età ta' 16-il sena.
Huma biss testmenti li jkunu saru fil-forma preskritta mil-liġi u li jkunu suġġetti għall-prerekwiżiti stipulati mil-liġi li huma validi. F'ċirkostanzi ordinarji, testment jista' jitfassal fil-forma ta' testment privat jew testment pubbliku, filwaqt li testment orali jista' jsir f'ċirkostanzi straordinarji.
Testment privat huwa testment olografiku u testment li jsir quddiem xhieda. Testment olografiku huwa wieħed li jkun miktub bl-idejn u ffirmat mit-testatur. Testment quddiem ix-xhieda jista' jsir minn testatur li jaf jikteb u jaqra, billi jiddikjara quddiem żewġ xhieda preżenti simultanjament li d-dokument, irrispettivament minn min ikun fasslu, huwa t-testment tat-testatur u billi jiffirmah fil-preżenza tagħhom. Ix-xhieda jridu jħallu l-firma tagħhom fuq it-testment.
Testment pubbliku huwa wieħed li jsir bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi. Kull persuna tista' tagħmel testment validu fil-forma ta' testment pubbliku. Persuna li ma tafx taqra jew tiffirma isimha tista' f'ċirkostanzi ordinarji tagħmel testment biss fil-forma ta' testment pubbliku. Testment pubbliku, fuq talba tat-testatur, jista' jsir minn waħda mill-persuni legalment awtorizzati: imħallef ta' qorti muniċipali, konsulent ta' qorti muniċipali u nutar pubbliku, u rappreżentant konsulari jew diplomatiku tar-Repubblika tal-Kroazja fl-esteru. Il-proċedura u l-azzjonijiet li jridu jsiru minn persuna awtorizzata fit-tfassil ta' testment pubbliku huma stipulati mil-liġi.
Testatur li jkun jixtieq li jagħmel testment fil-forma ta' testment internazzjonali jrid jibgħat applikazzjoni lil persuna awtorizzata biex tfassal testmenti pubbliċi. L-għan li jsir testment internazzjonali huwa li jiġi żgurat li jkun rikonoxxut fir-rigward tal-forma fl-istati li huma partijiet fil-Konvenzjoni tal-1973 li Tipprovdi Liġi Uniformi dwar il-Forma ta' Testment Internazzjonali u l-istati li inkorporaw id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw testment internazzjonali fil-liġi tagħhom.
Huwa biss f'ċirkostanzi straordinarji, li jipprekludu li jsir testment fi kwalunkwe forma valida oħra, li testatur jista' jagħmel it-testment tiegħu oralment quddiem żewġ xhieda preżenti simultanjament. Testment bħal dan ma jibqax validu ladarba jgħaddu 30 jum minn tmiem iċ-ċirkostanzi straordinarji li sar fih.
Ftehimiet dwar is-suċċessjoni (ftehim li permezz tiegħu persuna tħalli l-patrimonju tagħha jew parti minnu lil parti oħra fil-ftehim jew lil parti terza), ftehimiet dwar wirt futur jew legat (ftehim li bih persuna tirrifjuta wirt li tkun qed tistenna; ftehim dwar il-wirt ta' parti terza li hija ħajja; ftehim dwar il-legat jew benefiċċju ieħor li parti kontraenti tistenna mis-suċċessjoni li tkun għadha ma nfetħitx) u ftehimiet dwar il-kontenuti tat-testment (ftehim fejn persuna tintrabat li tinkludi jew li ma tinkludix ċerta dispożizzjoni fit-testment tagħha, li tirrevoka jew ma tirrevokax dispożizzjoni mit-testment tagħha) mhumiex ammissibbli skont il-liġi Kroata u għalhekk huma nulli u bla effett.
Il-liġi Kroata tippermetti l-konklużjoni ta' ftehim ta' trasferiment jew distribuzzjoni ta' proprjetà tul il-ħajja. Huwa ftehim li axxendent (trasferitur) jikkonkludi mad-dixxendenti tiegħu, fejn it-trasferitur jiddistribwixxi u jittrasferixxi lid-dixxendenti tiegħu l-proprjetà kollha li jkollu fil-mumenti li jkun qed jikkonkludi l-kuntratt jew parti minnha. Il-kunsens tat-tfal kollha u d-dixxendenti l-oħra li t-trasferitur isemmihom għall-wirt huwa meħtieġ sabiex il-ftehim ikun validu. Dan irid jitfassal bil-miktub u jkun attestat minn imħallef tal-qorti kompetenti jew magħmul fil-forma ta' att notarili jew attestat minn nutar pubbliku b'tali mod li jsir legalment vinkolanti. Il-kuntratt jista' jinkludi lill-konjuġi tat-trasferitur, li l-kunsens tiegħu jkun meħtieġ ukoll f'dak il-każ. Il-proprjetà koperta minn dan il-ftehim mhix inkluża fil-patrimonju u lanqas ma tqis id-determinazzjoni tal-valur tal-patrimonju.
Il-liġi Kroata ma tippermettix il-konklużjoni ta' ftehim ta' rinunzja ta' wirt li ma jkunx għadu nfetaħ. Eċċezzjonalment, dixxendent li jkun jista' jiddisponi awtonomament mid-drittijiet tiegħu jista' jikkonkludi ftehim mal-axxendent biex jirrinunzja minn qabel għall-wirt li d-dixxendent ikun intitolat għalih malli jmut l-axxendent. Ftehim ta' dan it-tip jista' jkun konkluż ukoll minn konjuġi fir-rigward tal-wirt li jmur għandu malli jmut il-konjuġi tiegħu. Dan irid jitfassal bil-miktub u jkun attestat minn imħallef tal-qorti kompetenti jew magħmul fil-forma ta' att notarili jew attestat minn nutar pubbliku b'tali mod li jsir legalment vinkolanti.
2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
Il-fatt li testment ikun tfassal, ġie ddepożitat u tħabbar jiġi rreġistrat fir-Reġistru tat-Testmenti Kroat li huwa amministrat mill-Kamra Kroata tan-Nutara Pubbliċi. Wara talba mit-testatur, l-informazzjoni li tikkonċerna dawn il-fatti tintbagħat għar-reġistrazzjoni mill-qrati kompetenti, in-nutara pubbliċi, l-avukati u l-persuni li jkunu għamlu t-testment. Ir-reġistrazzjoni tat-testmenti fir-Reġistru Kroat tat-Testmenti mhix obbligatorja u l-fatt li testment ma jkunx irreġistrat fir-Reġistru, jew iddepożitat xi mkien partikolari, ma jippreġudikax il-validità tiegħu.
Qabel mewt it-testatur, informazzjoni tar-Reġistru ma tista' ssir disponibbli għal ħadd ħlief it-testatur jew persuna espliċitament awtorizzata mit-testatur għal dik ir-raġuni.
Fi proċedimenti dwar wirt, il-qorti jew in-nutar pubbliku li jmexxu l-proċedimenti jridu jitolbu kull informazzjoni dwar testmenti possibbli tal-persuna deċeduta mir-Reġistru tat-Testmenti Kroat.
3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
Il-libertà tat-testatur li jiddisponi mill-proprjetà hija ristretta mid-dritt tal-werrieta obbligatorji għal sehem riżervat.
Il-werrieta obbligatorji huma:
- id-dixxendenti tat-testatur, it-tfal adottati, it-tfal fil-kura tat-testatur bħala sieħeb u d-dixxendenti tagħhom, il-konjuġi tat-testatur jew sieħeb ekstramatrimonjali, is-sieħeb permanenti tat-testatur jew sieħeb permanenti informali – dawn huma intitolati għal sehem riżervat li jammonta għal nofs il-porzjon li kienu jirċievu skont l-ordni ġuridiku tas-suċċessjoni li kieku ma kienx hemm testment;
- il-ġenituri tat-testatur, il-ġenituri adottivi u axxendenti oħrajn – dawn ikunu intitolati għal sehem riżervat biss jekk ikunu b'mod permanenti inkapaċitati milli jaħdmu jew fil-bżonn, u s-sehem riżervat tagħhom jammonta għal terz tal-porzjon li kienu jirċievu skont l-ordni ġuridiku tas-suċċessjoni li kieku ma kienx hemm testment.
Werrieta obbligatorji huma intitolati jitolbu sehem riżervat biss jekk, f'każ speċifiku, jissejħu għall-wirt bħala werrieta legali.
Ir-raġunijiet biex testatur jeskludi mit-testment, kompletament jew parzjalment, werriet intitolat għal sehem riżervat huma ddefiniti mil-liġi. It-testatur jista' jagħmel dan jekk il-werriet ikun wettaq vjolazzjoni serja kontra t-testatur billi kiser obbligu ġuridiku jew morali li jiġi mir-relazzjoni familjari tal-werriet mat-testatur; jekk il-werriet ikun ikkommetta intenzjonalment delitt serju kontra t-testatur, il-konjuġi tiegħu, wieħed mit-tfal tiegħu jew wieħed mill-ġenituri tiegħu; jekk il-werriet ikun ikkommetta delitt kontra r-Repubblika tal-Kroazja jew il-valuri mħarsa mid-dritt internazzjonali; jekk il-werriet għex ħajja ta' għażż jew ħajja diżonesta. It-testatur li jkun jixtieq jeskludi werriet irid jiddikjara espliċitament li se jagħmel dan fit-testment, flimkien mar-raġunijiet għall-esklużjoni. Ir-raġuni għall-esklużjoni trid tkun teżisti fil-mument li jsir it-testment. Bl-esklużjoni, il-werriet jitlef id-dritt tas-suċċessjoni sal-punt tal-esklużjoni nnifisha, u d-drittijiet ta' persuni oħrajn li jistgħu jirtu lit-testatur ikunu ddeterminati daqslikieku l-werriet eskluż ikun miet qabel it-testatur.
Barra mill-possibilità ta' esklużjoni tal-werrieta obbligatorji, it-testatur jista' espliċitament jeskludi dixxendent li jkun intitolat għal sehem riżervat minn dak is-sehem kollu jew minn parti minnu jekk id-dixxendent ikollu djun kbar jew ikun ħali. Dak is-sehem, minflok imur għand id-dixxendent eskluż, imur għand id-dixxendenti tiegħu. Din l-esklużjoni tibqa' valida biss jekk, fil-mument ta' mewt it-testatur, il-persuna eskluża jkollha tifel taħt l-età jew neputi taħt l-età minn tifel li miet preċedentement, jew ikollha tifel tal-età jew neputi tal-età minn tifel li miet preċedentement li jkun inkapaċitat milli jaħdem u fil-bżonn. Il-werriet eskluż jiret lit-testatur fir-rigard tas-sehem li ma jkunx kopert mill-esklużjoni kif ukoll meta l-prerekwiżiti għall-esklużjoni ma jkunux baqgħu jeżistu fil-mument ta' mewt it-testatur.
4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
Jekk it-testatur ma jkun ħalla l-ebda testment, skont il-liġi jirtuh il-werrieta legali skont l-ordni tas-suċċessjoni, bil-prinċipju li l-werrieta li jkunu eqreb fis-suċċessjoni jeskludu mis-suċċessjoni lill-werrieta iktar imbiegħda fis-suċċessjoni.
Il-werrieta legali tat-testatur huma:
- id-dixxendenti, it-tfal adottati tat-testatur u t-tfal li jkunu fil-kura tiegħu bħala sieħeb u d-dixxendenti tagħhom,
- il-konjuġi,
- is-sieħeb ekstramatrimonjali,
- is-sieħeb permanenti,
- is-sieħeb permanenti informali,
- il-ġenituri,
- il-ġenituri adottivi,
- l-aħwa u d-dixxendenti tagħhom,
- it-tfal tat-tfal u d-dixxendenti tagħhom,
- axxendenti oħrajn.
Fir-rigward tad-dritt tas-suċċessjoni, sieħeb ekstramatrimonjali huwa fl-istess livell ta' konjuġi, filwaqt li tfal imwielda barra ż-żwieġ u d-dixxendenti tagħhom huma fl-istess livell ta' tfal imwielda fiż-żwieġu d-dixxendenti tagħhom. Unjoni ekstramatrimonjali li tagħti d-dritt għas-suċċessjoni legali hija unjoni permanenti li ilha għal ftit żmien bejn mara u raġel li ma jkunux miżżewġin (tal-inqas tliet snin jew inqas f'każ li jkollhom tifel imwieled mill-unjoni tagħhom) u tkun intemmet b'mewt it-testatur, bil-kundizzjoni li l-prerekwiżiti għall-validità ta' żwieġ ikunu issodisfati.
Fir-rigward tad-dritt tas-suċċessjoni, sieħeb permanenti huwa fl-istess livell ta' konjuġi, u t-tfal fil-kura tiegħu bħala sieħeb huma fl-istess livell tat-tfal tiegħu. Sħubija permanenti hija unjoni ta' ħajja familjari bejn żewġ persuni tal-istess sess li tkun saret quddiem awtorità kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet ta' liġi speċjali (l-Att dwar is-Sħubija ta' Koppji tal-Istess Sess).
Fir-rigward tad-dritt tas-suċċessjoni, sieħeb permanenti informali huwa fl-istess livell ta' sieħeb ekstramatrimonjali. Sħubija permanenti informali hija unjoni ta' ħajja familjari bejn żewġ persuni tal-istess sess li ma jkunux daħlu fi sħubija permanenti quddiem awtorità kompetenti, bil-kundizzjoni li l-unjoni tkun ilha tal-anqas tliet snin u tkun issodisfat il-prerekwiżiti għall-validità ta' sħubija permanenti mill-bidu.
Id-dixxendenti u l-konjuġi tat-testatur jinsabu fl-ewwel ordni tas-suċċessjoni. Il-werrieta fl-ewwel ordni tas-suċċessjoni jirtu sehem indaqs. Id-distribuzzjoni per stirpes tapplika f'dan l-ordni tas-suċċessjoni, jiġifieri s-sehem tal-patrimonju li kien imur għand wild li miet preċedentement li kieku baqa' ħaj aktar mit-testatur jintiret f'sehem indaqs minn uliedu, jiġifieri n-neputijiet tat-testatur; jekk wieħed mit-tfal tat-tfal ikun miet qabel it-testatur, is-sehem li kien imissu li kieku baqa' ħaj sa meta miet it-testatur jintiret f'sehem indaqs minn uliedu, il-proneputijiet tat-testatur, u tibqa' sejra hekk sakemm ikun għad baqa' dixxendenti tat-testatur.
Testatur li ma jkollux tfal jintiret mill-werrieta tat-tieni ordni tas-suċċessjoni – il-ġenituri u l-konjuġi tat-testatur. Il-ġenituri tat-testatur jirtu nofs il-patrimonju u l-konjuġi tat-testatur jiret in-nofs l-ieħor. Jekk iż-żewġ ġenituri jmutu qabel it-testatur, il-konjuġi jiret il-patrimonju kollu. Jekk il-konjuġi tat-testatur imut qabel it-testatur, il-ġenituri tat-testatur jirtu l-patrimonju kollu f'sehem indaqs; jekk wieħed mill-ġenituri tat-testatur imut qabel it-testatur, is-sehem mill-patrimonju li kien imur għand dak il-ġenitur li kieku baqa' ħaj jintiret mill-ġenitur l-ieħor. Ħut it-testatur u d-dixxendenti tagħhom jirtu lit-testatur fit-tieni ordni tas-suċċessjoni jekk il-konjuġi tat-testatur ikun miet qablu u jekk wieħed mill-ġenituri jew it-tnejn li huma jkunu wkoll mietu qabel it-testatu. F'dak il-każ (jekk wieħed mill-ġenituri tat-testatur jew it-tnejn li huma jkunu mietu qabel it-testatur li lanqas ma jkollu konjuġi ħaj), is-sehem mill-patrimonju li kien imiss lil kull ġenitur li kieku baqa' ħaj wara t-testatur jintiret mit-tfal tagħhom (ħut it-testatur), it-tfal tat-tfal tagħhom, il-proneputijiet u dixxendenti oħrajn, skont ir-regoli li japplikaw fil-każijiet fejn it-testatur jintiret mit-tfal tiegħu u dixxendenti oħrajn. Jekk wieħed mill-ġenituri tat-testatur imut qabel it-testatur li ma jħallix warajh konjuġi jew dixxendenti, is-sehem mill-patrimonju li kien imur għand dak il-ġenitur li kieku baqa' ħaj jintiret mill-ġenitur l-ieħor; jekk il-ġenitur l-ieħor ikun miet ukoll qabel it-testatur li ma jħallix warajh konjuġi, id-dixxendenti ta' dak il-ġenitur jirtu dak li kien ikun imiss liż-żewġ ġenituri.
Testatur li ma jħalli warajh la dixxendenti, la konjuġi u lanqas ġenituri, jew li l-ġenituri tiegħu ma jkunu ħallew l-ebda dixxendent jintiret mill-werrieta fit-tielet ordni tas-suċċessjoni. Fit-tielet ordni tas-suċċessjoni, it-testatur jintiret min-nanniet tat-testatur, b'nofs il-patrimonju jintiret min-nanniet min-naħa tal-missier u n-nofs l-ieħor min-nanniet min-naħa tal-omm. In-nanniet mill-istess naħa jirtu sehem indaqs. Jekk wieħed minn dawk l-axxendenti minn naħa waħda ikun miet qabel it-testatur, is-sehem mill-patrimonju li kien imiss lil dak l-axxendent li kieku baqa' ħaj jintiret mid-dixxendenti tiegħu (tfal, it-tfal tat-tfal u dixxendenti oħrajn), skont ir-regoli li japplikaw fil-każijiet fejn it-testatur jintiret mit-tfal tiegħu u dixxendenti oħrajn. Jekk in-nanniet minn naħa waħda jkunu mietu qabel it-testatur mingħajr ma jkunu ħallew warajhom dixxendenti, is-sehem mill-patrimonju li kien imiss lilhom li kieku baqgħu ħajjin jintiret min-nanniet min-naħa l-oħra jew id-dixxendenti tagħhom.
Testatur li ma jħalli warajh la dixxendenti u lanqas ġenituri, jew jekk dawn ma jkunu ħallew la dixxendenti, la konjuġi u lanqas nanniet li lanqas huma ma jkunu ħallew l-ebda dixxendent, jintiret mill-werrieta fir-raba' ordni tas-suċċessjoni. Il-bużnanniet tat-testatur jinsabu fir-raba' ordni tas-suċċessjoni. Nofs jintiret mill-bużnanniet min-naħa tal-missier (dan in-nofs jintiret f'partijiet indaqs mill-ġenituri tan-nannu patern tat-testatur u l-ġenituri tan-nanna paterna tat-testatur) u nofs jintiret mill-bużnanniet min-naħa tal-omm (dan in-nofs jintiret f'partijiet indaqs mill-ġenituri tan-nannu matern tat-testatur u l-ġenituri tan-nanna materna tat-testatur). Jekk wieħed minn dawn l-axxendenti ma għadux ħaj, is-sehem li kien imissu li kieku baqa' ħaj jintiret mill-axxendent li kien il-konjuġi tiegħu. Jekk koppja minn dawn l-axxendenti ma għadhiex ħajja, is-sehem li kien imisshom li kieku baqgħu ħajjin jintiret mill-koppja l-oħra tal-istess naħa. Jekk il-bużnanniet minn naħa waħda ma għadhomx ħajjin, is-sehem mill-patrimonju li kien imisshom li kieku baqgħu ħajjin jintiret mill-bużnanniet tan-naħa l-oħra.
Jekk ma jkun hemm l-ebda werriet mir-raba' linja tas-suċċessjoni, it-testatur jintiret minn axxendenti iktar imbiegħda, b'konformità mar-regoli tas-suċċessjoni li japplikaw għall-bużnanniet tiegħu.
5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?
Il-proċedimenti tas-suċċessjoni fl-ewwel istanza jinstemgħu quddiem qorti muniċipali jew quddiem nutar pubbliku, bħala fiduċjarju tal-qorti.
Il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti muniċipali għas-smigħ ta' proċedimenti tas-suċċessjoni hija ddeterminata skont id-domiċilju tat-testatur fil-mument tal-mewt u, subordinatament, skont il-post tar-residenza, il-post fir-Repubblika tal-Kroazja fejn tinsab il-parti predominanti tal-patrimonju tiegħu jew skont il-post fejn it-testatur huwa rreġistrat fir-Reġistru taċ-Ċittadini. Il-qorti tħalli t-tmexxija tal-proċedimenti tas-suċċessjoni lin-nutara pubbliċi, u meta bosta nutara pubbliċi jkollhom l-uffiċċji rreġistrati tagħhom fit-territorju tal-qorti, il-kawżi jiġu assenjati lilhom b'mod indaqs f'ordni alfabetika skont kunjom in-nutar pubbliku.
5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?
Dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew rinunzja għas-suċċessjoni (dikjarazzjoni ta' suċċessjoni) tista' ssir oralment quddiem qorti muniċipali, quddiem il-qorti tas-suċċessjoni jew in-nutar pubbliku li jmexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni, inkella dokument attestat li jkun fih dikjarazzjoni ta' suċċessjoni jista' jiġi ppreżentat lill-qorti tas-suċċessjoni jew lin-nutar pubbliku li jkun qed imexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni.
Dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew rinunzja għas-suċċessjoni ma tistax tiġi revokata.
Mhux obbligatorju li ssir dikjarazzjoni ta' suċċessjoni. Persuna li ma tkunx għamlet dikjarazzjoni ta' rinunzja għas-suċċessjoni titqies li tixtieq tkun werriet. Persuna li tkun għamlet dikjarazzjoni valida ta' aċċettazzjoni tas-suċċessjoni ma tistax imbagħad tirrinunzja għaliha.
5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?
Dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew rinunzja ta' legat tista' ssir oralment quddiem qorti tas-suċċessjoni jew quddiem in-nutar pubbliku li jmexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni, inkella dokument attestat li jkun fih dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew rinunzja ta' legat jista' jiġi ppreżentat lill-qorti tas-suċċessjoni jew lin-nutar pubbliku li jkun qed imexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni.
5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?
Id-dritt għal sehem riżervat huwa dritt ereditarju li jinkiseb ma' mewt it-testatur. Werriet obbligatorju jista' jagħmel dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew rinunzja għas-sehem riżervat oralment quddiem kwalunkwe qorti muniċipali, quddiem il-qorti tas-suċċessjoni jew in-nutar pubbliku li jmexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni, inkella jista' jippreżenta dokument attestat li jkun fih dikjarazzjoni ta' suċċessjoni lill-qorti tas-suċċessjoni jew lin-nutar pubbliku li jkun qed imexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni.
Id-dritt għal sehem riżervat jiġi eżerċitat fil-proċedimenti tas-suċċessjoni wara talba mill-werriet obbligatorju – jekk, fil-proċedimenti tas-suċċessjoni, werriet obbligatorju ma jitlobx sehem riżervat, il-qorti jew in-nutar pubbliku ma jkunx meħtieġ jistabbilixxi d-dritt tiegħu għal sehem riżervat.
6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
Proċedimenti tas-suċċessjoni huma proċedimenti ta' ġuriżdizzjoni volontarja biex jistabbilixxu min huma l-werrieta tat-testatur, x'jikkostitwixxi l-patrimonju tat-testatur u xi drittijiet oħra fir-rigward tal-patrimonju jappartjenu lill-werrieta, lil-legatarji u lil persuni oħrajn.
Il-proċedimenti tas-suċċessjoni jinstemgħu quddiem qorti muniċipali jew quddiem nutar pubbliku, bħala fiduċjarju tal-qorti. Qorti muniċipali b'ġuriżdizzjoni territorjali biex tisma' proċedimenti tas-suċċessjoni tissejjaħ ukoll qorti tas-suċċessjoni. Il-ġuriżdizzjoni territorjali tal-qorti muniċipali għas-smigħ ta' proċedimenti tas-suċċessjoni hija ddeterminata skont id-domiċilju tat-testatur fil-mument tal-mewt u, subordinatament, skont il-post tar-residenza, il-post fir-Repubblika tal-Kroazja fejn tinsab il-parti predominanti tal-patrimonju tiegħu jew skont il-post fejn it-testatur huwa rreġistrat fir-Reġistru taċ-Ċittadini.
Il-proċedimenti tas-suċċessjoni jinfetħu ex officio wara li l-qorti tirċievi ċertifikat tal-mewt, silta mir-reġistru tal-imwiet, jew dokument ekwivalenti. Il-qorti tħalli t-tmexxija tal-proċedimenti tas-suċċessjoni lil nutar pubbliku li jkollu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fit-territorju tagħha, tgħaddilu ċ-ċertifikat tal-mewt u tiffissa żmien biex isiru l-proċedimenti. Nutar pubbliku jmexxi l-proċedimenti bħala fiduċjarju tal-qorti wara deċiżjoni tal-qorti li tħallilu t-tmexxija tal-proċedimenti u skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Suċċessjoni. Bħala regola, il-proċedimenti tas-suċċessjoni jitmexxew minn nutar pubbliku bħala fiduċjarju tal-qorti u eċċezzjonalment biss mill-qorti.
Meta nutar pubbliku jmexxi kawżi fi proċedimenti tas-suċċessjoni bħala fiduċjarju tal-qorti, huwa jkun awtorizzat, bħalma jkun imħallef jew konsulent tal-qorti muniċipal, jieħu l-azzjonijiet neċessarji kollha fil-proċedimenti u jieħu kull deċiżjoni ħlief dawk fejn l-Att dwar is-Suċċessjoni jippreskrivi mod ieħor. Jekk, fil-proċedimenti quddiem nutar, il-partijiet jikkontestaw il-fatti li wieħed mid-drittijiet tagħhom jiddependi minnhom (eż. id-dritt tas-suċċessjoni, id-daqs tas-sehem mill-wirt, eċċ.), jew li l-kompożizzjoni tal-patrimonju jew is-suġġett tal-legat jiddependi minnhom, in-nutar pubbliku jrid jirrinvija l-atti lill-qorti sabiex il-qorti tiddeċiedi dwar waqfa mill-proċedimenti u tidderieġi lill-partijiet biex jiftħu kawża ċivili jew amministrattiva. Jekk, waqt proċedimenti quddiem nutar pubbliku, il-partijiet jikkontestaw il-fatti li d-dritt għal legat testamentarju jew dritt ieħor jiddependi minnhom, in-nutar pubbliku jrid jirrinvija l-atti lill-qorti, li mbagħad tidderieġi lill-partijiet fil-kawża biex jiftħu kawża ċivili jew amministrattiva imma ma twaqqafx il-proċedimenti tas-suċċessjoni. F'każijiet speċifiċi stipulati mill-Att (deċiżjoni dwar is-separazzjoni tal-patrimonju mill-proprjetà ta' werriet, dwar id-dritt ta' kowerriet li kien għex jew gwadanja f'unjoni mat-testatur u dwar il-qsim ta' affarijiet tad-dar), in-nutar pubbliku jista' jieħu deċiżjonijiet biss bil-kunsens tal-partijiet kollha fil-proċedimenti, inkella n-nutar pubbliku jrid ukoll jirrinvija l-atti lill-qorti. Qorti li tkun ħalliet it-tmexxija ta' proċedimenti tas-suċċessjoni f'idejn nutar pubbliku tissorvelja xogħlu sakemm idumu l-proċedimenti.
Seduta tas-suċċessjoni hija l-parti ewlenija ta' proċedimenti tas-suċċessjoni, u tista' ssir seduta jew iktar ta' dan it-tip.
Seduta tas-suċċessjoni ma ssirx jekk il-persuna deċeduta ma tkun ħalliet l-ebda patrimonju jew jekk it-testatur ikun ħalla biss proprjetà mobbli u drittijiet ekwivalenti, u l-ebda waħda mill-persuni msejħa biex tiret ma titlob li jkun hemm proċedimenti tas-suċċessjoni.
Il-partijiet (il-werrieta, il-legatarji, persuni oħrajn li jeżerċitaw dritt fir-rigward tal-patrimonju), persuni li jista' legalment ikollhom pretensjoni għall-wirt (meta jkun testment), l-eżekutur testamentarju (jekk ikun innominat) u persuni interessati oħrajn jitħarrku għal seduta tas-suċċessjoni. Fit-taħrika għal seduta, il-qorti jew nutar pubbliku jinnotifikaw lill-persuni interessati bil-ftuħ tal-proċedimenti u dwar jekk ġewx ippreżentati b'testment, u jħarrek lill-persuni interessati biex minnufih jippreżentaw testment miktub jew dokument li jattesta testment orali, jekk ikun fil-pussess tagħhom, jew biex jinnominaw lix-xhieda għal testment orali. Dawn il-persuni interessati jkunu avżati fit-taħrika li, sakemm tittieħed deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-suċċessjoni, ikunu jistgħu jagħmlu dikjarazzjoni ta' rinunzja tas-suċċessjoni oralment fis-seduta jew pubblikament b'dokument attestat u li, jekk ma jattendux is-seduta jew ma jagħmlux din id-dikjarazzjoni, huma jitqiesu li jixtiequ jkunu werrieta.
Kull kwistjoni rilevanti għat-teħid ta' deċiżjoni fi proċedimenti tas-suċċessjoni, b'mod partikolari d-dritt għall-wirt, id-daqs tas-sehem mill-wirt u d-dritt għal-legati, ikunu diskussi fis-seduta tas-suċċessjoni. Il-qorti jew in-nutar pubbliku jieħdu deċiżjoni bbażata fuq ir-riżultati tas-seduti kollha. Il-qorti jew in-nutar pubbliku huwa awtorizzat jistabbilixxi l-fatti li l-partijiet fil-proċedimenti ma jkunux ippreżentaw kif ukoll biex jippreżentaw evidenza li ma jkunux ipproponew, jekk il-qorti jew in-nutar pubbliku jsib li dawn il-fatti u l-evidenza jkunu rilevanti għat-teħid tad-deċiżjonijiet. Il-qorti jew in-nutar pubbliku jiddeċiedi dwar id-drittijiet, bħala regola, wara li l-persuni interessati jkunu setgħu għamlu d-dikjarazzjonijiet neċessarji. Id-drittijiet ta' kull persuna li, minkejja li tkun tħarrket kif xieraq, ma tattendix is-seduta jiġu ddeliberati mill-qorti jew min-nutar pubbliku abbażi tal-informazzjoni disponibbli lill-qorti jew lin-nutar pubbliku, filwaqt li jqisu d-dikjarazzjonijiet bil-miktub ta' dawn il-persuni li jaslu sakemm tittieħed id-deċiżjoni.
Dikjarazzjonijiet tas-suċċessjoni huma dikjarazzjonijiet li bihom werriet jaċċetta jew jirrinunzja għas-suċċessjoni. Kulħadd huwa awtorizzat, imma ħadd mhu obbligat, jagħmel dikjarazzjoni tas-suċċessjoni. Persuna li ma tkunx għamlet dikjarazzjoni ta' rinunzja għas-suċċessjoni titqies li tixtieq tkun werriet. Persuna li tkun għamlet dikjarazzjoni valida ta' aċċettazzjoni tas-suċċessjoni ma tistax imbagħad tirrinunzja għaliha. Il-qorti jew in-nutar pubbliku ma jeħtieġu lil ħadd jagħmel dikjarazzjoni tas-suċċessjoni imma werriet li jkun jixtieq jagħmel din id-dikjarazzjoni jista' jagħmilha oralment quddiem il-qorti tas-suċċessjoni jew in-nutar pubbliku li jmexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni jew quddiem kwalunkwe qorti muniċipali, jew billi jippreżenta dokument attestat li jkun fih dikjarazzjoni ta' suċċessjoni lill-qorti tas-suċċessjoni jew lin-nutar pubbliku li jkun qed imexxi l-proċedimenti tas-suċċessjoni. Qabel ma ssir dikjarazzjoni ta' rinunzja tas-suċċessjoni, il-qorti jew in-nutar pubbliku jrid javża lill-werriet bil-konsegwenzi ta' din id-dikjarazzjoni u jrid javża lill-werriet li rinunzja tas-suċċessjoni tista' ssir f'ismu biss jew f'ismu u f'isem id-dixxendenti tiegħu.
Il-qorti twaqqaf il-proċedimenti tas-suċċessjoni u tidderieġi lill-partijiet jiftħu kawża ċivili jew amministrattiva jekk jikkontestaw il-fatti li wieħed mid-drittijiet tagħhom, il-kompożizzjoni tal-patrimonju jew is-suġġett tal-legat jiddependi minnhom. Il-parti li d-dritt tagħha jiġi kkunsidrat mill-qorti bħala inqas plawżibbli tingħata parir tiftaħ kawża ċivili jew amministrattiva. Jekk il-partijiet jikkontestaw il-fatti li d-dritt għal legat testamentarju jew dritt ieħor jiddependi minnhom, il-qorti tidderieġi lill-partijiet jiftħu kawża ċivili jew amministrattiva imma ma twaqqafx il-proċedimenti tas-suċċessjoni.
Fi tmiem il-proċedimenti tas-suċċessjoni, il-qorti jew in-nutar pubbliku jieħdu deċiżjoni dwar is-suċċessjoni. Billi, skont il-liġi Kroata, is-suċċessjoni sseħħ ipso iure mill-mument ta' mewt it-testatur, deċiżjoni dwar is-suċċessjoni tkun ta' natura dikjaratorja. Id-deċiżjoni tiddefinixxi min isir werriet wara mewt it-testatur u xi drittijiet ikunu nkisbu minn persuni oħrajn. Il-kontenuti tad-deċiżjoni huma stipulati mill-Att dwar is-Suċċessjoni, u d-deċiżjoni fiha intormazzjoni dwar: it-testatur (kunjomu u ismu, in-numru tal-identifikazzjoni personali, isem wieħed mill-ġenituri, id-data tat-twelid, in-nazzjonalità, u għal persuni li jkunu mietu fiż-żwieġ il-kunjom ta' qabel iż-żwieġ); il-kompożizzjoni tal-patrimonju (id-deżinjazzjoni tal-proprjetà immobbli bid-dettalji mir-reġistru tal-artijiet meħtieġa għar-reġistrazzjoni; id-deżinjazzjoni ta' proprjetà mobbli u drittijiet oħrajn li l-qort tqis li jkunu parti mill-patrimonju); il-werrieta (kunjomhom u isimhom, in-numru tal-identifikazzjoni personali, id-domiċilju, ir-relazzjoni tal-werriet mat-testatur, hux se jirtu bħala werrieta leġittimi jew testamentarji; jekk ikun hemm bosta werrieta, is-sehem mill-wirt ta' kull werriet espressi skont il-frazzjoni); limitazzjoni jew gravami fuq id-drittjiet tal-werriet (jekk il-werriet hux suġġett għal kundizzjoni, limitu taż-żmien jew istruzzjoni u jekk ikun hekk, jekk hux u kif inhu limitat jew gravat u għall-benefiċċju ta' min); persuni intitolati għal legat jew xi dritt ieħor li jiġu mill-patrimonju, b'deżinjazzjoni eżatta ta' dan id-dritt (kunjom u isem il-persuna, in-numru tal-identifikazzjoni personali, id-domiċilju). Deċiżjoni dwar is-suċċessjoni tiġi nnotifikata lill-werrieta u l-legatarji kollha, kif ukoll lill-persuni li jkunu applikaw għas-suċċessjoni waqt il-proċedimenti; ladarba ssir finali, tiġi nnotifikata wkoll lill-awtorità kompetenti tat-taxxa. F'deċiżjoni dwar is-suċċessjoni, il-qorti jew in-nutar pubbliku jordna li, ladarba d-deċiżjoni dwar is-suċċessjoni ssir finali, jiddaħħlu l-entrati meħtieġa fir-reġistru tal-artijiet skont ir-regoli tal-liġi dwar ir-reġistru tal-artijiet u li l-proprjetà mobbli li tkun qed tinżamm il-qorti, għand in-nutar pubbliku jew, jekk ikunu ordnaw hekk, għand terzi tingħadda lill-persuni awtorizzati.
Qabel tieħu deċiżjoni dwar is-suċċessjoni, il-qorti jew in-nutar pubbliku jista', wara talba minn legatarju, jieħu deċiżjoni separata dwar il-legat, sakemm dak il-legat ma jkunx ikkontestat mill-werrieta. Meta l-kompożizzjoni tal-patrimonju tkun biss parzjalment inkontestata, tista' tittieħed deċiżjoni parzjali dwar is-suċċessjoni biex tistabbilixxi l-werrieta u l-legatarji u dak li mhux ikkontestat bħala li jifforma parti mill-patrimonju.
Deċiżjoni meħuda minn nutar pubbliku, bħala fiduċjarju tal-qorti fi proċedimenti tas-suċċessjoni, tista' tkun suġġetta għal oġġezzjoni. Oġġezzjoni trid tiġi ppreżentata lin-nutar pubbliku fi żmien tmint ijiem min-notifika tad-deċiżjoni lill-partijiet, u n-nutar pubbliku huwa meħtieġ jibgħatha mingħajr dewmien lill-qorti muniċipali kompetenti, flimkien mal-atti. L-oġġezzjonijiet jiġu ddeliberati minn imħallef wieħed. Kull oġġezzjoni li ma tkunx f'waqtha, kompluta jew ammissibbli tkun miċħuda mill-qorti. Fid-deċiżjoni dwar oġġezzjoni kontra deċiżjoni meħuda minn nutar pubbliku, il-qorti tista' tikkonferma d-deċiżjoni tan-nutar bis-sħiħ, parzjalment jew tħassarha. Meta d-deċiżjoni titħassar (bis-sħiħ jew parzjalment), il-qorti stess tiddelibera l-parti mħassra tad-deċiżjoni. Deċiżjoni tal-qorti li tħassar deċiżjoni notarili bis-sħiħ jew parzjalment mhix soġġetta għal appell individwali. Deċiżjoni dwar oġġezzjoni tiġi nnotifikata lill-partijiet u lin-nutar pubbliku.
Deċiżjonijiet meħuda minn qorti tal-ewwel istanza fi proċedimenti tas-suċċessjoni jistgħu jkunu suġġetti għal appell jekk ma jkunx stipulat mod ieħor fl-Att dwar is-Suċċessjoni. Jista' jiġi ppreżentat appell fi żmien ħmistax-il jum min-notifika tad-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza. Appell jista' jiġi ppreżentat fil-qorti tal-ewwel istanza li, ladarba tiddeċiedi dwar l-appell li jkun sar fil-ħin, tista' tieħu deċiżjoni ġdida li taltera d-deċiżjoni kkontestata, sakemm ma tiksirx id-drittijiet tal-persuni l-oħra li jkunu bbażati fuq dik id-deċiżjoni. Jekk il-qorti tal-ewwel istanza ma talterax id-deċiżjoni tagħha, tibgħat l-appell lill-qorti tat-tieni istanza, irrispettivament minn jekk l-appell ġiex ippreżentat fil-ħin stipulat mil-liġi. Bħala regola, il-qorti tat-tieni istanza tiddeċiedi biss appelli ppreżentati fil-ħin, imma tista' tikkunsidra wkoll appell li ma jkunx ġie ppreżentat fil-ħin, sakemm dan ma jkunx jikser id-drittijiet tal-persuni l-oħra bbażati fuq id-deċiżjoni kkontestata.
Rimedji ġuridiċi straordinarji mhumiex permessi fi proċedimenti tas-suċċessjoni.
7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
Persuna ssir werrieta, leġittima jew testamentarja, ipso iure (bis-saħħa tal-liġi) mill-mument tal-mewt tat-testatur. Min dak il-mument, il-werriet jikseb dritt ereditarju u l-patrimonju tal-persuna deċeduta jgħaddi għandu bis-saħħa tal-liġi u jsir il-wirt tiegħu. Mhix meħtieġa dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni tas-suċċessjoni biex jinkiseb dritt ereditarju. Werriet li ma jixtieqx ikun werriet huwa intitolat jirrinunzja għas-suċċessjoni sakemm tittieħed deċiżjoni fl-ewwel istanza dwar is-suċċessjoni.
Legatarju jikseb dritt għal legat mill-mument tal-mewt tat-testatur.
Proċedimenti tas-suċċessjoni li jistabbilixxu min huma l-werrieta tat-testatur, x'jikkostitwixxi l-patrimonju tat-testatur u xi drittijiet oħra fir-rigward tal-patrimonju jappertjenu lill-werrieta, lil-legatarji u lil persuni oħrajn huma deskritti fit-tweġiba għall-mistoqsija 6 relatata mal-proċedimenti tas-suċċessjoni.
8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
Werrieta li ma jkunux irrinunzjaw għall-wirt huma responsabbli in solidum għad-dejn tat-testatur, kull wieħed minnhom sal-valur tas-sehem tiegħu mill-wirt.
9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet, id-dokumenti li ġejjin iridu jiġu ppreżentati lid-Dipartiment tar-Reġistru tal-Artijiet tal-Qorti Muniċipali li l-proprjetà tkun fit-territorju tagħha:
- proposta għal reġistrazzjoni;
- dokumenti li abbażi tiegħu jinkiseb titolu (il-bażi ġuridika għall-ksib ta' titolu – ftehim dwar bejgħ, kuntratt ta' għotja, ftehim ta' manteniment, deċiżjoni dwar is-suċċessjoni, eċċ.) f'kopja oriġinali jew attestata;
- prova tan-nazzjonalità tar-riċevitur tat-titolu (ċertifikat taċ-ċittadinanza, kopja attestata tal-passaport, eċċ.) jew prova tal-istatus tal-persuna ġuridika (estratt mir-reġistru tal-kumpaniji) jekk ir-riċevitur ikun persuna ġuridika barranija;
- meta applikant ikun rappreżentat minn prokuratur, trid tiġi pprovduta prokura f'kopja oriġinali jew attestata;
- jekk applikant ma jkunx qabbad prokuratur jirrappreżentah u jkun imsiefer, l-applikant ikun obbligat jinnomina prokuratur residenti fil-Kroazja biex jirċievi d-dokumenti;
- prova tal-ħlas tat-tarriffi tal-qorti li jammontaw għal HRK 200.00, intestatura Nru 16, u taxxa tal-boll ta' HRK 50.00, intestatura Nru 15, b'konformità mal-Att dwar it-Tariffi tal-Qorti (NN Nri 74/95, 57/96, 137/02, 26/03, 125/11, 112/12 u 157/13).
9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?
In-nomina obbligatorja ta' amministratur tal-patrimonju mhix prevista mil-liġi Kroata. Ir-raġuni hija li l-patrimonju jgħaddi f'idejn il-werrieta bis-saħħa tal-liġi mill-mument li fih tinfetaħ is-suċċessjoni (malli jmut it-testatur jew jiġi ddikjarat mejjet).
Madankollu, il-liġi Kroata tistipula li, f'każijiet speċifiċi l-qorti tas-suċċessjoni taħtar kuratur temporanju tal-patrimonju. Dan tagħmlu meta l-werrieta ma jkunux magħrufa jew ma jkunux jistgħu jinstabu jew ma jkunux jistgħu jiġu kkuntattjati, u f'każijiet oħra skont il-bżonn. Il-kuratur temporanju tal-patrimonju jkun awtorizzat ifittex jew jiġi mfittex bil-qorti, jiġbor il-pretensjonijiet jew iħallas id-dejn f'isem il-werrieta u r-rappreżentanti tal-werrieta. Fejn ikun hemm bżonn, il-qorti tista' tiddefinixxi d-drittijiet u d-dmirijiet speċjali tal-kuratur tal-patrimonju. Il-qorti tista' taħtar ukoll kuratur tal-patrimonju li jkun separat mill-proprjetà tal-werrieta wara talba mill-kredituri tat-testatur.
9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?
Il-patrimonju huwa amministrat mill-werrieta, bl-eċċezzjoni ta' dak li jkun fdat f'idejn l-eżekutur testamentarju jew il-kuratur tal-patrimonju.
It-testatur jista' jinnomina eżekutur testamentarju wieħed jew iktar fit-testment. Persuna nnominata bħala eżekutur testamentarju mhux obbligat li jaċċetta dawn id-dmirijiet. Id-dmirijiet tal-eżekutur testamentarju huma speċifikati mit-testatur fit-testment. Jekk it-testatur ma jkunx tah struzzjoni speċifika, id-dmirijiet tal-eżekutur huma b'mod partikolari li:
- jieħu ħsieb u jagħmel dak li jkun hemm bżonn għall-kustodja tal-patrimonju f'isem il-werrieta;
- jamministra l-patrimonju;
- jagħmel dak li jkun hemm bżonn għall-ħlas tad-dejn u l-legati f'isem il-werrieta.
Waqt li jagħmel dawn, l-eżekutur irid jieħu ħsieb f'kull rigward li t-testment jiġi eżegwit kif mixtieq mit-testatur.
9.3 X'setgħat għandu amministratur?
Skont il-liġi Kroata, bħala regola ma jinħatarx amministratur. Ir-raġuni hija li l-patrimonju jgħaddi f'idejn il-werrieta bis-saħħa tal-liġi mill-mument li fih tinfetaħ is-suċċessjoni (malli jmut it-testatur jew jiġi ddikjarat mejjet). Il-werriet jamministra u jiddisponi minn kulma jikkostitwixxi l-wirt. Jekk hemm bosta werrieta, sakemm ma jkunx iddeterminat liema ishma mid-dritt tal-wirt jappartjenu lil kull werriet, il-kowerrieta jamministraw u jiddisponu minn kulma jikkostitwixxi l-wirt bħala koproprjetarji, bl-eċċezzjoni ta' dak li jkun fdat f'idejn l-eżekutur testamentarju jew il-gwardjan tal-patrimonju.
Wara li deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni tiddetermina liema ishma mid-dritt tal-wirt jappertjenu lil kull werriet, dak kollu li sa dak il-punt kien proprjetà komuni jkun amministrat u dispost mill-kowerrieta, sal-mument tax-xoljiment tal-patrimonju, skont ir-regoli li l-kowerrieta jamministraw u jiddisponu mill-proprjetà, bl-eċċezzjoni ta' dak li jkun fdat f'idejn l-eżekutur testamentarju jew il-gwardjan tal-patrimonju.
10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
Waqt il-proċedimenti, jekk ikun innominat eżekutur testamentarju, il-qorti toħroġlu, wara talba mingħandu u mingħajr dewmien, ċertifikat li jattesta l-kapaċità u s-setgħat tal-eżekutur, b'istruzzjoni li kulħadd li d-dikjarazzjonijiet tal-eżekutur għandhom jitqiesu bħal li saru mit-testatur innifsu. Kull min jaġixxi b'bona fide, skont id-dikjarazzjoni tal-persuna li jkun identifika ruħu b'ċertifikat tal-qorti bħala l-eżekutur testamentarju, ma jkun responsabbli għal ebda dannu li jista' jirriżulta lill-werrieta. Jekk il-qorti teżonera lill-eżekutur testamentarju, huwa jkun obbligat jirritorna lill-qorti, mingħajr dewmien, iċ-ċertifikat li jattesta l-kapaċità u s-setgħat tiegħu, jew ikun responsabbli għal kull dannu li jkun jista' jirriżulta minnu.
Wara tmiem il-proċedimenti tas-suċċessjoni, tittieħed deċiżjoni dwar is-suċċessjoni. Dik id-deċiżjoni tiddetermina min isir il-werriet tat-testatur wara mewtu u xi drittijiet ikunu nkisbu minn persuni oħrajn ukoll. Peress li, skont il-liġi Kroata, persuna ssir werrieta ipso iure, il-fini li jiġi stabbilit min ikun il-werriet mhux biex jinkiseb id-dritt għall-wirt jew biex jinkiseb il-wirt stess (it-tnejn li huma jkunu diġà ġraw malli miet it-testatur), imma biss biex ikun permess u ffaċilitat l-eżerċizzju tad-drittijiet u d-dmirijiet miksuba permezz tal-wirt.
L-effett tad-deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni hija li d-deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni titqies li tkun iddeterminat il-kompożizzjoni tal-patrimonju, min wiret lit-testatur, id-daqs tas-sehem mill-wirt li jappartjenu lilu, jekk id-dritt tiegħu għall-wirt hux limitat jew gravat u jekk ikun hekk, kif, kif ukoll jekk hemmx drittijiet għal legati u jekk hemm, liem.
Dak li jkun iddeterminat mid-deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni jista' jkun ikkontestat minn persuna li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar is-Suċċessjoni, ma jkunx marbut mill-finalità tad-deċiżjoni dwar is-suċċessjoni, b'azzjoni ċivili mal-persuni li jkunu qed jibbenefikaw mir-riżultanza li jkun qed jikkontesta l-veraċità tagħha.
Id-deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni mhix vinkolanti fuq persuni li jippretendu intitolament għal dritt għal dak li jkun ġie ddeterminat bħala parti mill-patrimonju, bil-kundizzjoni li ma jkunux ipparteċipaw fis-seduta tas-suċċessjoni bħala partijiet u lanqas ma kienu tħarrku personalment għaliha. Ukoll, din id-deċiżjoni ma tkunx vinkolanti fuq persuni li jsostnu li minħabba mewt it-testatur huma intitolati għal dritt għall-wirt abbażi tat-testment jew tal-liġi, jew li huma intitolati għal legat, bil-kundizzjoni li ma jkunux pparteċipaw fis-seduta tas-suċċessjoni bħala partijiet u lanqas ma kienu tħarrku personalment għaliha.
B'mod eċċezzjonali, persuni li jkunu pparteċipaw fis-seduta tas-suċċessjoni bħala partijiet jew li jkunu dovutament imħarrka għaliha mhumiex marbuta mid-deċiżjoni finali dwar is-suċċessjoni fir-rigward ta' kull dritt ta' benefiċċju għalihom li joħroġ minn testment li jinstab aktar tard; fir-rigward tad-drittijiet iddeterminati fi proċedimenti ċivili jew amministrattivi (li jkunu ġew diretti biex jiftħuhom) wara li d-deċiżjoni dwar is-suċċessjoni ssir finali; bil-kundizzjoni li l-prerekwiżiti, li permezz tagħhom ikunu jistgħu jitolbu b'kawża ċivili li l-proċedimenti jirrepetu ruħhom, ikunu ssodisfati.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.