Suċċessjonijiet

Finlandja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Kwistjonijiet ta’ wirt jiġu rregolati permezz tal-Kodiċi ta’ Wirt (40/1965). L-uniku mod kif jista’ jiġi pprovdut għal x’jiġri mill-patrimonju wara l-mewt huwa billi wieħed jagħmel testment. Testment irid isir bil-miktub u fil-preżenza simultanja ta’ żewġ xhieda. It-testatur irid jiffirma t-testment meta jagħmlu jew jirrikonoxxi l-firma preċedenti tiegħu fuq it-testment. Ix-xhieda jridu jattestaw it-testment billi jiffirmawh ladarba t-testatur ikun iffirmah jew ikun irrikonoxxa l-firma tiegħu fuqu. Testment verbali jista’ jkun vinkolanti wkoll f’ċerti każijiet eċċezzjonali.

Huwa possibbli wkoll li jsir testment reċiproku, li fil-parti l-kbira tal-każijiet jiġi redatt mill-konjuġi biex jittrasferixxu d-dritt ta’ sjieda lil xulxin. Testmenti reċiproċi huma suġġetti għall-istess rekwiżiti formali bħal testmenti oħra. Ir-regoli li japplikaw għal testmenti reċiproċi bejn il-konjuġi japplikaw ukoll għal testmenti reċiproċi magħmula bejn is-sħab fi sħubija reġistrata.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

L-awtoritajiet fil-Finlandja ma jżommux reġistru tat-testmenti.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Il-libertà li wieħed jiddisponi mis-suċċessjoni tiegħu hija limitata għall-benefiċċju tad-dixxendenti diretti u tal-konjuġi. Id-dixxendenti diretti u l-ulied adottati, kif ukoll id-dixxendenti tagħhom, huma intitolati għal porzjon legali tal-patrimonju tad-decujus. Il-porzjon legali jammonta għal nofs il-valur tal-porzjon li jiddevolvi lil dak il-werriet skont l-ordni statutorja tas-suċċessjoni.

Il-konjuġi jgawd wkoll minn protezzjoni minn testment magħmul mill-konjuġi li miet l-ewwel. Il-konjuġi superstiti jista’ jżomm il-patrimonju indiviż tal-konjuġi mejjet, ħlief f’każ ta’ talba għal diviżjoni minn dixxendent dirett jew provvediment kuntrarju fit-testment tad-decujus. Il-konjuġi superstiti jista’ dejjem, madankollu, iżomm il-pussess indiviż tal-post ta’ residenza użata mill-konjuġi bħala d-dar komuni tagħhom, kif ukoll l-għamara domestika abitwali, sakemm il-konjuġi superstiti ma għandhux proprjetà residenzjali li tista’ tintuża bħala dar.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Il-benefiċjarji ewlenin huma d-dixxendenti diretti, li kull wieħed minnhom jirċievi porzjon ugwali mill-patrimonju. F’każ ta’ mewt ta’ wild, kull dixxendent ta’ dak il-wild jieħu posthu, u kull fergħa tal-familja tirċievi porzjon indaqs.

Jekk id-decujus kien miżżewweġ u mhuwiex sopravissut minn kwalunkwe dixxendent dirett, il-konjuġi superstiti jiret l-ewwel il-patrimonju tal-konjuġi mejjet. L-imsieħba reġistrati huma intitolati li jirtu skont l-istess kundizzjonijiet bħall-konjuġi.

Jekk id-decujus mhuwiex sopravissut minn xi dixxendenti diretti u ma kienx miżżewweġ fil-perjodu tal-mewt, missier u omm id-decujus jirċievu nofs il-patrimonju. Jekk missier jew omm id-decujus ikunu mietu, dak is-sehem jinqasam bejn l-aħwa tad-decujus. Jekk wieħed mill-aħwa jkun miet, id-dixxendenti tiegħu jieħdu posthu, u kull fergħa tal-familja tirċievi porzjon indaqs. Jekk ma hemmx aħwa jew dixxendenti tagħhom, iżda wieħed mill-ġenituri tad-decujus huwa ħaj, dak il-ġenitur jirċievi l-patrimonju kollu.

Jekk id-decujus ma jkunx sopravissut minn ebda mill-werrieta msemmija iktar ‘il fuq, il-ġenituri ta’ missier u omm id-decujus jirċievu l-patrimonju kollu. Jekk imutu n-nannu patern, in-nanna paterna, in-nannu materna jew in-nanna materna, il-porzjon tal-patrimonju li kieku kien imur lil wieħed min-nanniet imur lit-tfal tiegħu. Il-kuġini ma għandhomx id-dritt li jirtu.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Diversi awtoritajiet għandhom ġurisdizzjoni fuq kwistjonijiet relatati mal-amministrazzjoni tal-wirt. L-inventarju tal-patrimonju (perukirja), li hija lista li trid tiġi mfassla bl-assi u bl-obbligazzjonijiet tal-persuna deċeduta, irid jintbagħat lill-uffiċċju tat-taxxa tal-post fejn tkun għexet il-persuna deċeduta fi żmien xahar mid-data tat-tfassil tal-inventarju tal-patrimonju. Il-konferma tal-lista ta’ benefiċjarji tista’ tintalab ukoll mill-Aġenzija tad-Data tas-Servizzi Diġitali u tal-Popolazzjoni jew, fil-Provinċja ta’ Åland, mid-Dipartiment tal-Istat ta’ Åland. It-Teżor tal-Istat hija l-awtorità ċentrali għal kwistjonijiet dwar l-akkwist ta’ proprjetà mill-Istat. Il-qorti distrettwali (käräjäoikeus) li fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħha tkun għexet il-persuna deċeduta hija l-qorti kompetenti għal kull każ dwar il-patrimonju.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Jista’ isir ir-riċeviment ta’ wirt billi tiġi attwalment irċevuta l-proprjetà inkwistjoni. Il-werriet jista’ wkoll jagħmel dikjarazzjoni separata ta’ riċeviment. Jekk il-patrimonju jkun ġie maqsum, id-dikjarazzjoni ta’ riċeviment ta’ wirt għandha ssir għall-benefiċjarju/i. Jekk il-patrimonju ma jkunx ġie maqsum, id-dikjarazzjoni għandha ssir għall-persuna li tamministra l-patrimonju. Tali dikjarazzjoni tista’ wkoll tiġi ppreżentata lill-qorti.

Mhuwiex obbligatorju li tiġi ddikjarata rinunzja ta’ wirt, iżda kull dikjarazzjoni bħal din trid issir bil-miktub. Dikjarazzjoni ta’ rinunzja tista’ ssir minn persuna/i li għandha/hom porzjon mill-patrimonju tad-decujus, l-amministratur tal-wirt, id-distributur tal-patrimonju, l-eżekutur tat-testment jew kull dixxendent li jieħu post il-werrieta deċeduti. Sabiex ir-rinunzja jkollha effett legali kontra sekwestru minn kredituri, jenħtieġ li l-werriet jinnotifika l-proprjetà tal-persuna deċeduta bl-eżenzjoni tiegħu jew tagħha, jew jiddepożita d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja mal-Aġenzija tad-Data tas-Servizzi Diġitali u tal-Popolazzjoni jew, fil-Provinċja ta’ Åland, mad-Dipartiment tal-Istat ta’ Åland, sabiex tkun tista’ tiddaħħal kif suppost fir-reġistri (Artikolu 81 tal-Kapitolu 4 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni).

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Ma hemm ebda format preskritt għall-irrapurtar tal-intenzjonijiet proprji fir-rigward tal-benefiċjarji ta’ testment. Dikjarazzjoni ta’ benefiċjarju li saret lill-amministratur jew distributur attwali tal-patrimonju titqies bħala dikjarazzjoni ta’ benefiċjarju tat-testment, bl-istess mod bħall-bidu ta’ miżuri proprji dwar il-proprjetà inkwistjoni. Għal skopijiet ta’ notifikazzjoni lill-werrieta, hija biżżejjed indikazzjoni li benefiċjarju jixtieq jasserixxi d-drittijiet tiegħu abbażi tat-testment.

Kull dikjarazzjoni ta’ rinunzja għal legat trid issir bil-miktub. Sabiex din ir-rinunzja jkollha effett legali kontra sekwestru minn kredituri, il-benefiċjarju jrid jinnotifika r-rinunzja bil-miktub lill-patrimonju jew jiddepożita d-dikjarazzjoni ta’ rinunzja mal-Aġenzija tad-Data tas-Servizzi Diġitali u tal-Popolazzjoni jew, fil-Provinċja ta’ Åland, mad-Dipartiment tal-Istat ta’ Åland, sabiex tkun tista’ tiddaħħal kif suppost fir-reġistri (Artikolu 81 tal-Kapitolu 4 tal-Kodiċi ta’ Eżekuzzjoni).

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Il-werriet irid jiddikjara t-talba tiegħu għall-porzjoni tiegħu lill-benefiċjarju permezz ta’ marixxall jew mezz verifikabbli ieħor fis-sitt xhur minn meta ġie nnotifikat bit-testment. It-talba għal porzjoni riżervata tista’ ssir bil-pubblikazzjoni tagħha f’ġurnal uffiċjali matul il-perjodu stabbilit hawn fuq, jekk tali talba ma kinitx innotifikata lill-benefiċjarju minħabba l-assunzjoni li dan tal-aħħar ipprova jevita n-notifikazzjoni tat-talba jew li l-indirizz tiegħu mhuwiex magħruf.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)



Fil-Finlandja, l-awtoritajiet ma jibdews proċedimenti relatati ma’ kawżi dwar wirt fuq l-inizjattiva tagħhom stess. Wara l-mewt ta’ individwu, l-inventarju tal-patrimonju jiġi redatt l-ewwel. L-inventarju tal-patrimonju huwa dokument li jiċċara l-istatus tal-patrimonju tal-persuna deċeduta; fi kliem ieħor dan jelenka l-assi u d-djun tal-persuna deċeduta. Il-persuni li għandhom sehem mill-patrimonju tal-persuna deċeduta jiġu msemmija fl-inventarju tal-patrimonju, flimkien mal-assi u d-djun tal-konjuġi superstiti u l-assi u d-djun konġunti taż-żewġ konjuġi. L-inventarju tal-patrimonju jrid jitfassal fi żmien tliet xhur mill-mewt, iżda l-uffiċċju tat-taxxa jista’ jestendi l-iskadenza jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan.

L-obbligu li jiġi stabbilit l-inventarju tal-patrimonju jaqa’ fuq l-eredi li ħa pussess tal-patrimonju u li huwa responsabbli mill-immaniġġjar tal-proprjetà, jew fuq l-amministratur tal-patrimonju jew fuq l-eżekutur tat-testment, jekk ikun il-każ. Dik il-persuna trid tagħżel żewġ fiduċjarji biex jistabbilixxu l-inventarju tal-patrimonju. Mal-inventarju tal-patrimonju jrid jiġi mehmuż rapport dwar il-familja tal-persuna deċeduta. Fil-Finlandja, l-atti tal-insinwa tal-popolazzjoni jinżammu kemm fir-reġistri tal-knisja kif ukoll fir-reġistri pubbliċi tal-popolazzjoni u jistgħu jiġu ordnati estratti uffiċjali mill-Aġenzija tad-Data tas-Servizzi Diġitali u tal-Popolazzjoni jew, fil-Provinċja ta’ Åland, mad-Dipartiment tal-Istat ta’ Åland, jew mill-parroċċi fejn il-persuna deċeduta kienet reġistrata. L-inventarju tal-patrimonju jrid jintbagħat lill-Awtorità Fiskali Finlandiża (Verohallinto) fi żmien xahar minn meta jkun ġie stabbilit.

Wara l-mewt tat-testatur, il-benefiċjarju irid jgħaddi t-testment lill-werrieta, permezz ta’ marixxall jew b’mod verifikabbli ieħor, u jrid jipprovdihom b’kopja vera tat-testment. Jekk werriet jixtieq jikkontesta t-testment, irid jagħmel ilment fi żmien sitt xhur minn meta jkun ġie informat bit-testment.

Il-patrimonju jista’ jiġi ddistribwit biss ladarba tkun saret il-likwidazzjoni tiegħu. Il-likwidazzjoni ta’ patrimonju tinvolvi d-determinazzjoni tal-firxa ta’ proprjetà fil-patrimonju, is-sodisfazzjoni tal-obbligazzjonijiet tal-persuna deċeduta u l-patrimonju tagħha fir-rigward ta’ kwalunkwe dejn, u l-istabbiliment tad-drittijiet ta’ kwalunkwe legatarju. Għal skopijiet ta’ likwidazzjoni tal-patrimonju, il-benefiċjarji jimmaniġġjaw il-patrimonju konġuntament sakemm ma sarx provvediment speċjali għall-immaniġġjar. Minflok din l-amministrazzjoni konġunta, il-benefiċjarji jistgħu jitolbu lill-qorti għall-ħatra ta’ amministratur tal-patrimonju. Ladarba l-patrimonju jiġi fdat f’idejn l-amministratur, il-benefiċjarji mhux se jibqgħu intitolati li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-patrimonju. Id-dmir tal-amministratur tal-wirt huwa li jieħu l-miżuri neċessarji kollha għal-likwidazzjoni tal-patrimonju. Ladarba tkun saret il-likwidazzjoni tal-patrimonju, jenħtieġ li l-amministratur jinnotifika lill-benefiċjarji u jħejji rapport.

Ladarba l-likwidazzjoni tal-patrimonju, kull benefiċjarju jista’ jitlob id-distribuzzjoni. Jekk il-persuna deċeduta kienet miżżewġa jew fi sħubija ċivili, il-proprjetà trid tinqasam qabel ma tiġi ddistribwita lill-werrieta. Il-benefiċjarji jistgħu jaqblu bejniethom kif jiddistribwixxu l-patrimonju. Irid jiġi stabbilit rapport ta’ distribuzzjoni, u dan irid jiġi ffirmat mill-benefiċjarji u awtentikat li huwa veru u korrett minn żewġ xhieda imparzjali.

Il-benefiċjarji jistgħu wkoll jitolbu lil qorti għal ordni li taħtar distribur tal-patrimonju. Dan isir ta’ spiss meta l-benefiċjarji ma jilħqux ftehim dwar id-distribuzzjoni. L-amministratur jew l-eżekutur tal-patrimonju jkun id-distributur sakemm hu/hi ma j/tkunx benefiċjarju u jekk il-benefiċjarji jitolbuh sabiex jiddistribwixxi l-patrimonju u ebda distributur ieħor tal-patrimonju ma jkun ġie speċifikat.

Id-distributur tal-patrimonju jrid jistipula l-ħin u l-post fejn issir id-distribuzzjoni tal-patrimonju, u jrid jistieden lill-benefiċjarji, b’mod li jista’ jiġi vverifikat. Id-distributur tal-patrimonju jrid jipprova jiżgura li l-benefiċjarji jaqblu fuq id-distribuzzjoni. Jekk tali ftehim jintlaħaq, il-patrimonju jrid jiġi ddistribwit b’dan il-mod. Jekk ma jintlaħaqx ftehim, id-distributur tal-patrimonju jrid jiddistribwixxi l-patrimonju sabiex kull benefiċjarju jingħata sehem mid-diversi tipi ta’ assi li jifformaw il-patrimonju. Jekk il-patrimonju ma jistax jiġi ddistribwit b’xi mod ieħor, il-qorti tista’ tordna, abbażi tal- proposta tad-distributur tal-patrimonju, li d-distributur ibiegħ uħud mill-oġġetti jew, fejn meħtieġ, il-proprjetà kollha li tikkostitwixxi l-patrimonju. Id-distributur tal-patrimonju jħejji u jiffirma rapport ta’ distribuzzjoni (perinnönjakokirja). Kull benefiċjarju jista’ jikkontesta d-distribuzzjoni billi jibda proċedimenti kontra l-benefiċjarji l-oħra sa sitt xhur mid-distribuzzjoni.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Eredi (perillinen) huwa persuna li kellu relazzjoni ta’ parantela, ta’ żwieġ jew ta’ adozzjoni mad-deċedut, kif stipulat mil-liġi. Legatarju (testamentinsaaja) jista’ jkun persuna fiżika jew ġuridika.

Sabiex tikkwalifika bħala werrieta jew benefiċjarja, il-persuna inkwistjoni trid tkun ħajja fil-mument tal-mewt tal-persuna deċeduta. Dan jista’ jkun wild konċepit qabel il-mewt tal-persuna deċeduta u li sussegwentement jitwieled ħaj.

Jenħtieġ li l-werriet jew il-benefiċjarju, li jixtieq jeżerċita d-drittijiet tiegħu, jirċievi l-wirt jew jinnotifika t-talba tiegħu lill-persuna/i li rċieviet/rċevew il-wirt. Jekk il-patrimonju ma jkunx inqasam, it-talba għandha ssir lill-persuna li tamministra l-patrimonju. Tali talba tista’ wkoll tiġi ppreżentata lill-qorti. Hemm lok li jiġi kkunsidrat li werriet jew legatarju aċċetta l-wirt jew il-legat, jekk ikun amministra s-suċċessjoni waħdu jew ma’ oħrajn, ipparteċipa fil-preparazzjoni tad-dokumentazzjoni tal-patrimonju jew id-distribuzzjoni tas-suċċessjoni jew ħa miżuri oħra fir-rigward tal-proprjetà inkwistjoni.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Il-benefiċjarji mhumiex individwalment responsabbli għad-djun tal-persuna deċeduta. Benefiċjarju responsabbli mir-redazzjoni tal-inventarju tal-patrimonju jkun responsabbli personalment għad-dejn tal-persuna deċeduta biss jekk huwa jonqos milli jissottometti l-inventarju mad-data tal-iskadenza.

Id-dejn tal-persuna deċeduta u tal-patrimonju jitħallsu mill-assi tal-patrimonju. Madankollu, l-benefiċjarji jkunu responsabbli personalment għal kwalunkwe dejn ikkuntrattat minnhom f’isem il-patrimonju.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Id-dokumenti mitluba għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli jvarjaw, skont jekk il-proprjetà immobbli inkwistjoni kinitx miksuba permezz ta’ wirt jew ta’ testment. Sabiex tintalab l-iskrizzjoni fir-reġistru tal-artijiet abbażi ta’ wirt, iridu jiġu mehmuża mat-talba l-inventarju tal-patrimonju, ir-rapport ta’ distribuzzjoni, ir-rekords tal-arblu tar-razza tal-persuna deċeduta, kull att ta’ diviżjoni kif ukoll kull dokument relatat maċ-ċessjoni tal-proprjetà li intirtet. L-applikant irid jipprova wkoll li d-distribuzzjoni għandha effett legali billi jehmeż mat-talba dokument ta’ aċċettazzjoni ffirmat mill-benefiċjarji jew ċertifikat ta’ forza legali maħruġ mill-qorti kompetenti tal-post fejn għexet il-persuna deċeduta.

L-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ sjieda abbażi ta’ testment iridu jinkludu l-inventarju tal-patrimonju, ir-rekords tal-arblu tar-razza tal-persuna deċeduta, it-testment oriġinali, ċertifikat li jipprova li t-testment għandu forza legali u prova tan-notifikazzjoni tat-testment lill-werrieta kollha. Jekk il-lista ta’ benefiċjarji teħtieġ li tiġi attestata bħala vera u korretta mill-Aġenzija tad-Data tas-Servizzi Diġitali u tal-Popolazzjoni jew mid-Dipartiment tal-Istat ta’ Åland, minn maġistrat, ma jeħtieġx li jiġi mehmuż ebda rekord tal-arblu tar-razza mal-applikazzjoni.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Mhuwiex obbligatorju li jintalab amministratur. Jekk qorti tirċievi rikors għall-ħatra ta’ amministratur, il-qorti trid taħtar amministratur biex jimmaniġġja l-patrimonju. Ir-rikors irid jiġi ppreżentat minn kwalunkwe eredi jew legatarju jew mill-eżekutur. L-assi tal-patrimonju jistgħu jiġu ttrasferiti lill-amministratur tal-patrimonju fuq talba minn kreditur tal-patrimonju jew tal-persuna deċeduta, jew minn persuna responsabbli mid-dejn tal-persuna deċeduta.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Il-benefiċjarji jimmaniġġjaw konġuntament l-assi tal-patrimonju sakemm ma sarx provvediment speċjali għall-amministrazzjoni tal-patrimonju. Il-benefiċjarji jistgħu wkoll jaqblu li jamministraw il-patrimonju b’mod konġunt u li jħalluh indiviż sakemm ma jgħidux mod ieħor jew għal perjodu speċifiku ta’ żmien.

Il-patrimonju ta’ persuna deċeduta jista’ jingħata għall-ġestjoni minn amministratur tal-wirt permezz ta’ deċiżjoni mill-qorti. F’dan il-każ, l-amministrazzjoni konġunta mill-benefiċjarji tieqaf u huma ma jkollhomx aktar il-jedd li jieħdu deċiżjonijiet dwar il-patrimonju anki b’mod unanimu.

Il-persuna deċeduta tista’ taħtar individwu partikolari sabiex jamministra l-patrimonju bħala eżekutur fit-testment tiegħu. Il-funzjoni tal-eżekutur hija li jiġi żgurat li l-patrimonju jiġi likwidat u li jeżegwixxi t-testment. L-eżekutur jamministra negozju li altrimenti kien ikun ir-responsabbiltà tal-benefiċjarji jew tal-amministratur tal-proprjetà. Il-ħatra ta’ eżekutur ma teskludix il-ħatra ta’ amministratur tal-wirt. Jekk jissemma eżekutur fit-testment, huwa jinħatar amministratur tal-wirt sakemm ma jkunx hemm raġuni tajba biex dan ma jsirx.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

L-amministrazzjoni konġunta tal-patrimonju jirrikjedi l-unanimatà ħlief f’ċerti każijiet partikolari. F’amministrazzjoni konġunta, il-benefiċjarji jirrappreżentaw il-patrimonju f’negozjati ma’ partijiet terzi u f’kawżi fil-qorti relatati mal-proprjetà. Madankollu, tista’ tittieħed miżura urġenti anki jekk ma jistax jinkiseb il-kunsens tal-persuni kollha li għandhom porzjon mill-patrimonju. Il-benefiċjarji jistgħu wkoll jaħtru maniġer tal-patrimonju.

Meta taħtar amministratur tal-wirt, il-qorti tagħtih dokument ta’ ħatra li jispeċifika l-patrimonju inkwistjoni. Is-setgħat tal-amministratur tal-wirt ikopru biss il-patrimonju li inħatar għalih. Wara li l-patrimonju jkun ġie ttrasferit lill-amministratur, huwa għandu jirrapreżenta l-patrimonju f’negozjati ma’ partijiet terzi u f’kawżi fil-qorti dwar il-patrimonju. L-amministratur irid jieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa għal-likwidazzjoni tal-patrimonju. Il-funzjoni tal-amministratur tal-wirt huwa li jieħu l-miżuri kollha għal-likwidazzjoni tal-patrimonju. Anki f’dawn il-każijiet, madankollu, l-amministratur jista’ jaġixxi mingħajr ma jkun kiseb il-kunsens tal-benefiċjarji.

L-ambitu tas-setgħat tal-eżekutur matul il-proċess ta’ likwidazzjoni jiddependi fuq it-testment. Sakemm speċifikat mod ieħor fit-testment, l-eżekutur ikollu l-istess setgħat bħal amministratur tal-patrimonju.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Id-dokumenti maħruġa fl-aħħar tal-proċedimenti ta’ suċċessjoni u li jipprovaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji huma l-inventarju tal-patrimonju u r-rapport ta’ distribuzzjoni.

L-inventarju tal-patrimonju jrid jispeċifika l-benefiċjarji, l-assi u d-djun tal-persuna deċeduta, il-benefiċjarji u l-konjuġi superstiti (anki jekk ma j/tkunx benefiċjarju/a).

L-att ta’ distribuzzjoni tal-patrimonju jifforma l-bażi għad-distribuzzjoni tal-patrimonju. Madankollu, dan mhuwiex dokument b’forza legali fis-sens li jista’ jintuża bħala bażi għal sekwestru jew bħala strument għat-trasferiment tal-amministrazzjoni. Kull miżura ta’ eżekuzzjoni tirrikjedi deċiżjoni tal-qorti separata b’forza legali.

Il-kunċett tal-valur probatorju formali ta’ dokument mhuwiex rikonoxxut fil-Finlandja.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 23/08/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.