Suċċessjonijiet

Italja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Id-dispożizzjonijiet causa mortis jistgħu jsiru biss permezz ta' testment. Testmenti unica charta u kuntratti dwar is-suċċessjoni mhumiex permessi.
Id-dispożizzjonijiet testamentarji jinqasmu fi:

  • in-nomina ta' werriet, li t-testatur iħallilu l-patrimonju kollu jew parti minnu mingħajr ma jispeċifika l-beni li jħallilu;
  • legat, li bih it-testatur jiddisponi minn oġġett wieħed jew iktar li jkunu identifikati b'mod speċifiku.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

Id-dispożizzjoni testamentarja ma tridx tkun irreġistrata, irrispettivament mill-forma użata.
Jekk ikun testment pubbliku, jiġifieri testment li jsir permezz ta' att notarili, in-nutar - wara mewt it-testatur - irid jittrasferixxi it-testment mir-reġistru tal-atti tal-aħħar xewqat għar-reġistru tal-atti inter vivos u jirreġistra ċ-ċertifikat tat-trasferiment.
Jekk ikun testment olografiku, jiġifieri testment magħmul f'forma privata, dan ikun irid jiġi ppreżentat għand nutar - wara mewt it-testatur - biex dan jagħtih is-setgħa legali permezz ta' ċertifikat tal-pubblikazzjoni li jkun irreġistrat.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

It-testatur jista' jiddisponi legalment mill-patrimonju kollu. Il-konjuġi, it-tfal u d-dixxendenti tagħhom u - fin-nuqqas ta' tfal - il-ġenituri jmisshom sehem riżervat, jiġifieri sehem minimu mill-wirt riżervat għalihom, imma testment li ma jirrispettax dan id-dritt ikun validu u effettiv, sakemm ma jkunx ikkontestat minn min ikun imissu s-sehem riżervat. Jekk il-kontestazzjoni ma ssirx jew jinstab li tkun bla bażi, it-testment iżomm l-effetti tiegħu bis-sħiħ.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Jekk ma jkunx hemm testment, japplikaw ir-regoli tas-suċċessjoni legali previsti mill-Kodiċi Ċivili. Jista' jiġri li jkun hemm testment imma jkun jiddisponi minn parti biss tal-patrimonju: għall-kumplament, japplikaw ir-regoli tas-suċċessjoni legali flimkien ma' dik testamentarja. Huma l-konjuġi, it-tfal, il-ġenituri, l-aħwa, u l-qraba sas-sitt grad li jirtu bil-liġi. Is-sehem mill-wirt jiddependi minn kemm ikun hemm mill-werrieta msemmija hawn fuq. Fil-każ ta' tfal, dawn jeskludu lill-ġenituri, lill-aħwa u lill-qraba iktar imbiegħda.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Il-wirt jinkiseb b'att ta' aċċettazzjoni, filwaqt li legat jinkiseb awtomatikament, sakemm ma jiġix miċħud.L-aċċettazzjoni tal-wirt ma tistax tkun parzjali, u tista' ssir espressament - b'att apposta - jew taċitament (li jsir meta l-werriet jagħmel xi ħaġa li jkun jista' jagħmilha biss bħala l-werriet, bħal pereżempju l-bejgħ ta' beni li jkun wiret).Id-dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni jew ta' rinunzja tista' ssir permezz ta' att notarili jew dikjarazzjoni tar-reġistru tal-qorti ta' fejn tkun infetħet is-suċċessjoni.L-istess regoli japplikaw fil-każ ta' persuna li jkun imissha sehem riżervat, li ma tistax taċċetta jew tirrinunzja biss għas-sehem riżervat. Hija tista' madankollu tirrinunzja għad-dritt tagħha għas-sehem riżervat f'każ li ssir ħsara lil dan is-sehem. Jekk il-benefiċjarju ta' sehem riżervat ikun ġie eskluż mill-wirt jew jitħallielu sehem inferjuri għal dak riżervat għalih, huwa jista' jaġixxi biss biex jirċievi s-sehem riżervat.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Ma hemmx proċedura waħdanija definita mil-liġi.

Is-suċċessjoni tinfetaħ mal-mewt tal-persuna. B'referenza għal dik id-data, fuq il-bażi tat-testment jew tar-regoli tal-liġi jiġu identifikati l-werrieta jew il-legatarji. Huwa mbagħad kompitu tagħhom li jwettqu l-att tal-aċċettazzjoni jew tar-rinunzja, li bihom jiġi stabbilit min jiret il-patrimonju u f'liem proporzjon.

Jekk ikun hemm għadd ta' koproprjetarji, kull wieħed minnhom ikollu d-dritt li jitlob id-diviżjoni tal-komunjoni tal-wirt, li tista' ssir permezz ta' kuntratt jew b'talba lill-qorti biex b'sentenza ċivili ordinarja tordna d-diviżjoni tal-proprjetà.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Il-legat jinkiseb awtomatikament, sakemm ma jkunx hemm rinunzja. Il-wirt jinkiseb b'dikjarazzjoni ta' aċċettazzjoni espressa, jew permezz ta' att li jiddetermina l-aċċettazzjoni taċita. Il-werrieta li jkollhom il-pussess ta' beni tal-wirt isiru awtomatikament werrieta ladarba jgħaddu tliet xhur mid-data tal-ftuħ tas-suċċessjoni.
L-aċċettazzjoni espressa - li trid issir fi żmien għaxar snin mill-ftuħ tas-suċċessjoni - tista' tkun sempliċi jew tista' ssir bil-benefiċċju tal-inventarju, bil-fini tal-limitazzjoni tar-responsabbiltà tad-dejn tal-persuna deċeduta.
Persuni taħt l-età u persuni oħrajn b'inkapaċità li jaġixxu jridu bilfors jaċċettaw espressament u bil-benefiċċju tal-inventarju.
L-effetti tal-aċċettazzjoni tal-wirt jew tal-legat huma retroattivi mill-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Il-werriet huma responsabbli għad-dejn kollu tal-persuna deċeduta, b'mod proporzjonali għas-sehem rispettiv mill-wirt. Il-legatarji min-naħa l-oħra mhumiex responsabbli għad-dejn.

Il-werriet huwa purament u sempliċement responsabbli għad-dejn li jiret bla limiti, inkluż bil-ġid personali tiegħu stess, u dan anke jekk fil-wirt ikun hemm iktar dejn milli jkun hemm proprjetà.

Il-werriet bil-benefiċċju tal-inventarju, mill-banda l-oħra, huwa responsabbli għad-dejn tal-persuna deċeduta biss sal-ammont li jista' jitħallas mill-valur tal-beni li jiret.

Għalhekk, fil-każ ta' wirt bil-benefiċċju tal-inventarju, irid jitħejja rapport li jiddeskrivi u jiġi indikat il-valur tal-beni kollha li jikkostitwixxu l-assi u tad-djun kollha: il-werriet irid jiġi awtorizzat mill-imħallef biex iwettaq atti ta' dispożizzjoni tal-beni tal-wirt u l-awtorizzazzjoni tingħata biss jekk dawk l-istess atti jkunu fl-interess tal-kredituri tal-wirt.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

Il-werrieta u l-legatarji huma obbligati jipprovdu lill-awtoritajiet tat-taxxa, id-Dikjarazzjoni tas-Suċċessjoni, li jkun fiha l-indikazzjoni tal-beni kollha tal-wirt inklużi l-proprjetajiet immobbli, bid-dettalji tar-reġistru tal-artijiet rispettivi tagħhom. Kopja tad-Dikjarazzjoni tas-Suċċessjoni tintuża għat-trasferiment tal-atti tar-reġistru tal-artijiet, jiġifieri biex il-proprjetà immobbli tiġi rreġistrata f'isem il-werrieta jew legatarji li jsiru l-proprjetarji tagħha.

Il-proċedura applikata għad-dħul tal-akkwist tal-proprjetà minn werrieta jew legatarji fir-Reġistru tal-Proprjetà Immobbli hija differenti. F'każ ta' legat, l-akkwist tal-proprjetà jiddaħħal b'kopja tat-testment li fih il-legat. F'każ ta' wirt, jiddaħħal l-att tal-aċċettazzjoni espressa jew l-att li jiddetermina l-aċċettazzjoni taċita.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

In-nomina ta' amministratur mhijiex obbligatorja.

Min jikteb testment jista' jinnomina eżekutur testamentarju, li jamministra l-beni biss sakemm ikun hemm bżonn għat-twettiq tal-kariga tiegħu.

Il-liġi tindika min ikun responsabbli mill-amministrazzjoni f'każ li l-wirt jgħaddi għand persuna li ma jkollhiex il-kapaċità li taġixxi.
Jekk ħadd mill-werrieta ma jaċċetta, huwa possibbli li ssir talba lill-qorti għan-nomina ta' kuratur tal-wirt battal, li mbagħad jamministra l-beni tal-wirt sal-mument li jkun hemm l-ewwel att ta' aċċettazzjoni. Minn dak il-mument il-funzjoni tiegħu tintemm awtomatikament.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

Jekk legat jipprevedi t-twettiq ta' azzjoni mill-werrieta, huma jkunu obbligati li jeżegwixxu dik id-dispożizzjoni.

It-testatur jista' jinnomina eżekutur testamentarju u jinkarigah mill-eżekuzzjoni tax-xewqat tiegħu.
L-amministrazzjoni tal-patrimonju trid issir mill-persuni li jridu jieħdu ħsieb l-eżekuzzjoni tat-testment, sakemm din isseħħ għalkollox.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

B'mod ġenerali l-amministraturi għandhom biss setgħat ta' ġestjoni ordinarja, bl-għan li jħarsu l-beni u l-valur tagħhom. Biex isiru atti ta' dispożizzjoni jew ta' amministrazzjoni straordinarja jkun hemm bżonn tal-awtorizzazzjoni tal-qorti.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Il-muniċipalità tat-twelid jew tar-residenza tal-persuna deċeduta toħroġ iċ-ċertifikati tal-Mewt, l-estratti tal-atti tal-mewt u ċ-ċertifikati tal-istat tal-familja li jkun fihom l-informazzjoni dwar il-mewt tal-individwu, id-dettalji personali u r-relazzjonijiet familjari.

L-istatus ta' werriet jew ta' legatarju ma jiġix attestat minn dokumenti rilaxxati min-naħa tal-awtoritajiet pubbliċi.

Min ikun jixtieq jasserixxi dan l-istatus jista' jirrikorri għal dikjarazzjoni statutorja, jiġifieri dikjarazzjoni li ssir quddiem nutar minn żewġ xhieda li ma jkollhomx interess fis-suċċessjoni, u li jkunu suġġetti għal responsabilità kriminali. L-awtoritajiet pubbliċi jaċċettaw ukoll li jirċievu Dikjarazzjoni li Tissostitwixxi l-Att Notarizzat, magħmula mill-parti interessata, suġġetta wkoll għal responsabilità kriminali.

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 22/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.