- 1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
- 2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
- 3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
- 4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
- 5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
- 6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
- 7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
- 8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
- 9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
- 10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
Sib informazzjoni għal kull reġjun
L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)
1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?
It-testmenti unica charta u l-ftehimiet dwar is-suċċessjoni huma pprojbiti bil-liġi Rumena.
It-testmenti ordinarji jistgħu jkunu olografiċi jew awtentiċi.
Testment olografiku huwa miktub, datat u ffirmat mit-testatur, u qabel jiġi eżegwit, ikun ppreżentat quddiem nutar tad-dritt ċivili sabiex jiġi debitament ittimbrat u validat.
Testment awtentiku huwa eżegwit minn nutar tad-dritt ċivili jew minn persuna oħra li għandha awtorità pubblika. It-testatur jiddettah lin-nutar, li jiktbu u jaqrah, filwaqt li jispeċifika l-formalitajiet. Jekk it-testment ikun diġà ġie abbozzat mit-testatur, jinqara min-nutar, u t-testatur jiddikjara li dan jirrappreżenta t-testment tiegħu. It-testment huwa ffirmat mit-testatur, filwaqt li ċ-ċertifikat ta’ awtentikazzjoni jkun iffirmat min-nutar. Matul l-awtentikazzjoni, it-testatur jista’ jiġi akkumpanjat minn xhud wieħed jew żewġ xhieda.
Testmenti privileġġati magħmula f’sitwazzjonijiet speċjali minn ċerti uffiċjali fis-servizz, fil-preżenza ta’ żewġ xhieda, għandhom l-effett evidenzjarju ta’ strument awtentiku.
F’każ ta’ ammonti ta’ flus li jitħallew lil istituzzjonijiet speċjalizzati, ir-rekwiżiti speċifiċi formali stabbiliti mill-atti speċjali li jirregolaw l-organizzazzjoni tagħhom iridu jiġu osservati.
It-testment fih dispożizzjonijiet dwar il-ħatra tal-legatarju (in)dirett, qasma, diżeredazzjoni, ħatra ta’ eżekuturi testmentarji, responsabbiltajiet, revoka ta’ legati, eċċ.
Il-provvedimenti dwar it-trasferiment tal-patrimonju/l-assi tal-mejjet jissejħu legati. Il-legati jaqgħu fil-kategoriji li ġejjin: legati universali jew legati taħt titolu universali/partikolari. Legat universali jagħti drittijiet għall-wirt kollu, filwaqt li legat taħt titolu ġenerali jagħti drittijiet għal frazzjoni minnu.
Ara l-Artikoli 1034 et seq. tal-Kodiċi Ċivili.
2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?
In-nutar li jawtentifika t-testment irid jirreġistrah fir-Reġistru Notarili Nazzjonali għall-evidenza ta’ liberalitajiet (Registrul național notarial de evidență a liberalităților RNNEL), fejn id-donazzjonijiet jiġu rreġistrati wkoll.
Ara l-Artikolu 1046 tal-Kodiċi Ċivili, l-Artikolu 164 tal-Att Nru 36/1995 dwar in-nutara pubbliċi u l-attivitajiet notarili, kif ippubblikat mill-ġdid.
3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?
Is-sehem riżervat tas-suċċessjoni huwa s-sehem tal-wirt li l-werrieta obbligaytorji huma intitolati għalih (il-konjuġi superstiti, id-dixxendenti, u l-axxendenti privileġġati – il-ġenituri tad-deċedut), anki kontra x-xewqat tad-deċedut. Is-sehem riżervat għal kull werriet obbligatorju huwa nofs is-sehem li kien ikun intitolat għalih bħala werriet legali, fin-nuqqas ta’ kwalunkwe liberalitajiet jew diżeredazzjoni fit-testment.
Ara l-Artikoli 1086 et seq. tal-Kodiċi Ċivili.
4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?
Il-wirt imur għand il-werrieta bil-liġi, jiġifieri l-konjuġi superstiti u l-qraba tad-deċedut, fl-ordni li ġejja:
- dixxendenti – l-ewwel ordni tal-werrieta
- axxendenti u qraba privileġġati kollaterali – it-tieni ordni tal-werrieta
- axxendenti ordinarji – it-tielet ordni tal-werrieta
- qraba ordinarji kollaterali – ir-raba’ ordni tal-werrieta
Id-dixxendenti u l-axxendenti huma intitolati għall-wirt irrispettivament mill-grad ta' relazzjoni mad-deċedut, filwaqt li l-qraba kollaterali huma intitolati sar-raba’ grad.
Id-dixxendenti l-oħra tat-tfal tal-mejjet u d-dixxendenti tal-aħwa tal-mejjet jistgħu jieħdu parti fil-wirt permezz tad-dritt ta' rappreżentazzjoni. F’każ ta’ rappreżentazzjoni, il-wirt jitqassam skont il-linja tal-parentela. Jekk linja waħda ikollha iktar minn fergħa waħda, issir sottodiviżjoni fi ħdan il-linja, b’mod li jinqasam ugwalment is-sehem dovut tal-wirt.
Il-konjuġi superstiti jipparteċipa fis-suċċessjoni flimkien ma’ kull wieħed mill-ordnijiet tal-werrieta legali skont il-proporzjon segwenti:
- kwart mill-patrimonju, jekk il-kumplament jgħaddi lid-dixxendenti
- terz mill-patrimonju, jekk il-kumplament jgħaddi lill-axxendenti privileġġati u lill-qraba kollaterali privileġġati
- nofs mill-patrimonju, jekk il-kumplament jgħaddi lill-axxendenti privileġġati jew lill-qraba kollaterali privileġġati
- tliet kwarti mill-patrimonju, jekk il-kumplament jgħaddi lill-axxendenti ordinarji jew lill-qraba kollaterali ordinarji.
Il-konjuġi superstiti huwa intitolat għad-dritt li jirrisjedi fid-dar matrimonjali u jista’ jiret ukoll l-għamara domestika u l-apparat domestiku komuni.
Id-dixxendenti, it-tfal tal-mejjet u d-dixxendenti diretti tagħhom jeskludu kull tip ta’ werriet ieħor f’kategoriji oħra u huma intitolati għall-wirt fl-ordni tal-prossimità tal-grad ta’ relazzjoni. Jekk il-konjuġi superstiti jkun se jiret, id-dixxendenti jirċievu kollettivament ¾ tal-wirt.
L-axxendenti privileġġati huma l-missier u l-omm tad-deċedut, b’mod li l-wirt dovut lilhom jinqasam bejniethom b’mod indaqs.
Il-qraba kollaterali privileġġati huma l-aħwa tad-deċedut u d-dixxendenti tagħhom, sar-raba’ grad.
Jekk il-konjuġi superstiti jipparteċipa fil-wirt kemm flimkien ma’ axxendenti privileġġati kif ukoll ma’ qraba kollaterali privileġġati, il-porzjon dovut għat-tieni ordni ta’ werrieta huwa 2/3; is-sehem dovut għat-tieni ordni ta’ werrieta huwa 1/2 jekk ikun hemm axxendenti privileġġati jew qraba kollaterali privileġġati, iżda mhux it-tnejn li huma.
Il-wirt dovut lill-axxendenti privileġġati u lill-qraba kollaterali privileġġati huwa maqsum bejniethom skont in-numru ta' axxendenti privileġġati. Jekk ikun hemm ġenitur uniku, dan jiġbor 1/4, filwaqt li l-qraba kollaterali privileġġati huma intitolati għal 3/4. Jekk ikun hemm żewġ ġenituri, huma jiġbru 1/2 b’mod konġunt, filwaqt li l-qraba kollaterali privileġġati huma intitolati għan-1/2 li jifdal.
Il-wirt tal-qraba kollaterali privileġġati jinqasam indaqs bejniethom jew, jekk huma jieħdu parti fil-wirt permezz tad-dritt ta’ rappreżentazzjoni, bejn il-linji parentali. Fil-każ ta’ relazzjonijiet kollaterali differenti, il-wirt jinqasam indaqs bejn il-linja maternali u paternali, u japplikaw ir-regoli preċedenti. Il-qraba kollaterali li huma relatati mad-deċedut fuq iż-żewġ linji jirċievu ishma akkumulati.
Meta ma jkunx hemm werrieta, il-wirt jitqies vakanti, u jinġabar mill-muniċipalità, belt jew lokalità fejn jinsab il-patrimonju fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni.
Ara l-Artikoli 970 sa 983, l-Artikoli 1135 sa 1140 tal-Kodiċi Ċivili.
5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:
5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?
Il-korpi kompetenti għal proċeduri ta’ suċċessjoni mhux kontenzjużi huma nutara, filwaqt li l-qrati tal-ewwel istanza (“judecătorie”) huma responsabbli għall-proċeduri ta’ suċċessjoni kontenzjużi.
Il-werriet jew kwalunkwe persuna interessata oħra tista’ tapplika direttament lill-qorti billi tissottometti ċertifikat notarili dwar il-verifika tar-reġistru tas-suċċessjoni.
Ara l-Artikolu 103 et seq. tal-Att Nru 36/1995, l-Artikolu 193 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?
Werriet jaċċetta espressament il-wirt meta huwa espliċitament jieħu t-titolu/il-kwalità ta' werriet. Din l-aċċettazzjoni tkun taċita meta ssir permezz ta’ att jew azzjoni li tista’ tiġi mwettqa biss minn persuna fil-kwalità tagħha ta’ werriet (l-Artikolu 1108 tal-Kodiċi Ċivili).
Id-dikjarazzjoni ta’ rinunzja ta’ suċċessjoni ssir quddiem nutar jew quddiem missjoni diplomatika jew rappreżentanza konsulari tar-Rumanija (l-Artikolu 1120(2) tal-Kodiċi Ċivili).
L-istrumenti notarili kollha li jirreferu għall-aċċettazzjoni jew għar-rinunzja ta’ suċċessjoni jiġu rreġistrati fir-Reġistru Notarili Nazzjonali għall-evidenza ta’ għażliet ta’ suċċessjoni (Registrul naţional notarial de evidenţă a opţiunilor succesorale RNNEOS).
5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?
Ara 5.2.
5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?
Ara 5.2.
Wara l-ftuħ ta’ proċedura ta’ suċċessjoni, il-liberalitajiet li jiksru r-riżerva tas-suċċessjoni jistgħu jkunu suġġetti għal tnaqqis fuq it-talba tal-werrieta obbligatorji, is-suċċessuri u l-kredituri ordinarji tal-werrieta obbligatorji. Fil-każ ta’ diversi werrieta obbligatorji, it-tnaqqis huwa applikabbli biss fil-limitu tas-sehem riżervat dovut lill-applikant, u jiffavorixxi biss lil dan tal-aħħar. Bħala riżultat tat-tnaqqis, il-legati jistgħu jsiru ineffettivi u d-donazzjonijiet jistgħu jiġu kkanċellati.
Ara l-Artikoli 1092 sa 1097 tal-Kodiċi Ċivili.
6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)
Il-proċedura ta’ suċċessjoni notarili tinfetaħ fuq talba. It-talba hija rreġistrata fir-reġistru ta’ suċċessjoni tan-nutar, wara r-reġistrazzjoni fir-reġistru ta’ suċċessjoni tal-kamra notarili. In-nutar maħtur jivverifika l-ġurisdizzjoni territorjali tagħha u jordna li jissejħu dawk intitolati għall-wirt, u meta jkun hemm testment, isejjaħ lil-legatarju, l-eżekutur testamentarju, ir-rappreżentant legali tal-werrieta legalment inkapaċi, l-awtorità superviżorja (fejn applikabbli), ir-rappreżentant tal-awtorità pubblika (fil-każ ta’ suċċessjoni vakanti). In-nutar jiddetermina l-kapaċità tal-werrieta u tal-legatarji, il-portata tad-drittijiet tagħhom u l-kompożizzjoni tal-patrimonju tad-deċedut.
In-numru ta’ werrieta u l-kapaċità ta’ werriet u/jew it-titolu ta’ legatarju jiġu ddeterminati fuq il-bażi ta’ ċertifikati ta’ status ċivili, permezz ta’ testment, u bl-għajnuna ta’ xhieda. L-assi jiġu ppruvati permezz ta' dokumenti uffiċjali / kull mezz ta' prova oħra rikonoxxuta mil-liġi.
Ara l-Artikoli 103 sa 120 tal-Att Nru 36/1995, ippubblikat mill-ġdid.
Il-werriet/persuna interessata oħra tista’ titlob direttament lill-qorti kompetenti billi tissottometti ċertifikat notarili dwar il-verifika tar-reġistru tas-suċċessjoni. Il-qsim ġudizzjarju jista’ jsir bi ftehim bejn il-partijiet. Fin-nuqqas ta’ ftehim bħal dan, il-qorti tiddeċiedi dwar il-qsim tal-assi, l-istatus ta’ werriet, l-ishma fil-patrimonju, ir-riċevibbli, id-djun u l-obbligi. Il-qorti tista’ tiddeċiedi dwar kwalunkwe tnaqqis ta’ liberalitajiet eċċessivi u r-restawr ta’ donazzjonijiet. Il-qsim tal-assi jsir in natura, permezz ta’ formazzjonijiet ta’ lottijiet jew billi jingħataw xi assi individwali lil wieħed mill-werrieta bil-kundizzjoni tal-ħlas ta’ kumpens finanzjarju lill-kumplament tal-werrieta. Il-qorti tista’ tordna l-bejgħ tal-proprjetà, bil-kunsens tal-partijiet jew permezz ta’ uffiċjal ta’ eżekuzzjoni permezz ta’ subbasta. Il-qorti tagħti sentenza u tiddeċiedi dwar id-diviżjoni tal-ammonti depożitati minn wieħed mill-werrieta għall-oħrajn u dawk li jirriżultaw mill-bejgħ.
Ara l-Artikolu 110 tal-Att Nru 36/1995, l-Artikolu 193(3) tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili.
Bl-approvazzjoni tal-werrieta kollha, in-nutar jista’ jibda l-likwidazzjoni tal-obbligazzjonijiet tas-suċċessjoni jiġifieri l-ġbir ta’ riċevibbli, il-ħlas ta’dejn u obbligazzjonijiet, il-bejgħ ta’ proprjetà mobbli/immobbli, u l-eżekuzzjoni ta’ legati partikolari.
Fil-fażi preliminari obbligatorja, in-nutar joħroġ ċertifikat ta’ likwidazzjoni ta’ suċċessjoni,, li jelenka l-patrimonju (riċevibbli u dejn), il-werrieta, l-ishma rispettivi tagħhom, u l-kunsens tagħhom dwar il-mezzi ta’ likwidazzjoni tad-dejn, il-ħatra ta’ likwidatur u l-iskadenza għall-finalizzazzjoni.
Il-likwidatur jiġbor ir-riċevibbli taħt is-suċċessjoni, iħallas id-dejn u jbiegħ l-assi. Il-likwidatur jissottometti rapport lin-nutar maħtur, billi jsemmi l-operazzjonijiet imwettqa għall-ġbir tar-riċevibbli u l-arranġamenti għall-ħlas tad-dejn. Wara l-finalizzazzjoni, in-nutar joħroġ ċertifikat ta’ suċċessjoni, u l-prodott nett tal-likwidazzjoni jitniżżel fil-patrimonju.
Ara l-Artikoli 121 sa 134 tal-Att Nru 36/1995, l-Artikolu 1114 tal-Kodiċi Ċivili.
Il-qsim tal-patrimonju bejn il-werrieta jsir wara li jinħareġ ċertifikat ta’ suċċessjoni wara l-likwidazzjoni. Il-qsim tal-patrimonju jista’ jkun volontarju. Ir-restawr tad-donazzjonijiet huwa l-obbligu tal-konjuġi superstiti u d-dixxendenti tad-deċedut li huma intitolati għall-wirt legali li jirrestawraw kwalunkwe assi mogħtija li ma kinux eżenti minn tali obbligu.
Ħlas ta' dejn. Eċċezzjonijiet għad-diviżjoni statutorja tal-passivi tal-wirt
Il-werrieta universali u l-werrieta b'titolu ġenerali jridu jikkontribwixxu għall-ħlas tad-dejn u l-obbligazzjonijiet tal-patrimonju fi proporzjon tas-sehem rispettiv tagħhom.
Il-kredituri personali tal-werrieta u kwalunkwe persuna interessata jistgħu jitolbu l-qsim tal-wirt u jistgħu jeżerċitaw id-dritt li jkunu preżenti matul il-qsim volontarju jew jintervjenu fil-qsim. It-talbiet tal-kredituri huma rreġistrati fir-Reġistru Notarili Nazzjonali tal-Kredituri ta’ Persuni Fiżiċi u Evidenza tal-Oġġezzjonijiet għat-Twettiq ta’ Qsim ta’ Wirt (RNNEC – Registrul naţional notarial de evidenţă a creditorilor persoanelor fizice şi a opoziţiilor la efectuarea partajului succesoral).
Il-werriet universali/werriet b’titolu ġenerali li ħallas l-akbar sehem mid-dejn komuni għandu dritt ta’ rikors kontra l-oħrajn, iżda biss għas-sehem tad-dejn komuni korrispettiv ta’ kull wieħed mill-werrieta, anki f’każ ta’ surroga fid-drittijiet tal-kredituri.
Qsim tal-assi tal-axxendenti
L-axxendenti jistgħu jaqsmu l-assi tagħhom bejn id-dixxendenti permezz ta’ donazzjoni jew testment. Jekk ma jkunux ġew inklużi l-assi kollha tal-wirt, l-assi mhux inklużi jinqasmu skont il-liġi.
Ara l-Artikoli 669 sa 686, l-Artikoli 1143 sa 1163 tal-Kodiċi Ċivili.
7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?
Persuna tista’ tiret jekk tkun teżisti fiż-żmien li s-suċċessjoni tkun miftuħa u/jew ikollha l-kapaċità li tirċievi liberalitajiet, tkun intitolata għas-suċċessjoni, ma tkunx ġiet skwalifikata b’imġiba, u ma tkunx ġiet diżeredata.
Il-persuna msejħa biex tirċievi wirt tista’ taċċetta jew tirrinunzja l-wirt. Legatarju li huwa werriet bis-saħħa tal-liġi jista' jeżerċita waħda minn dawn il-kapaċitajiet. Jekk, minkejja li r-riżerva ma tkunx ġiet ippreġudikata, il-wirt juri li l-mejjet kellu l-intenzjoni li jnaqqas is-sehem dovut lill-werriet legali, dan tal-aħħar jista’ jaġixxi biss bħala legatarju.
Ara l-Artikoli 957 sa 963, 987, 989, 993, 1074 sa 1076, 1100 u 1102 tal-Kodiċi Ċivili.
8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?
Iva, ara l-punt 6.
9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?
It-talba għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-artijiet għandha tkun akkumpanjata mid-dokument oriġinali jew kopja notarili tiegħu u, fil-każ ta’ sentenza tal-qorti, kopja awtentikata bir-rimarka “finali”. Ir-reġistratur tal-artijiet jirreġistra l-proprjetà jekk id-dokument jissodisfa diversi rekwiżiti formali: identifikazzjoni tal-parti u tal-proprjetà immobbli; l-eżistenza ta’ traduzzjoni notarili (fil-każ ta’ strument notarili awtentiku, għandu jinħareġ minn nutar Rumen); l-eżistenza ta’ siltiet mir-reġistru tal-artijiet; ħlas tat-tariffa, eċċ. L-ewwel reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli fis-sistema integrata ta’ informazzjoni tal-katast u r-reġistru tal-artijiet tista’ tkun ibbażata wkoll fuq iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni u d-dokumentazzjoni katastali.
9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?
Ħatra volontarja
It-testatur jista’ jaħtar persuna waħda jew aktar u jagħtihom setgħat bħala eżekuturi testamentarji. L-eżekutur testamentarju jamministra l-patrimonju għal massimu ta’ sentejn wara l-ftuħ tas-suċċessjoni. Dan il-perjodu jista' jiġi estiż permezz ta' deċiżjoni tal-qorti.
Ħatra obbligatorja
Jekk id-debitur miet qabel il-ħatra ta’ uffiċjal tal-infurzar, l-eżekuzzjoni ma tistax titnieda. Jekk id-debitur ikun miet wara li titnieda l-eżekuzzjoni, il-proċeduri ma jistgħux ikomplu qabel ikun ġie aċċettat il-wirt jew qabel ma jkun inħatar kuratur tas-suċċessjoni/kuratur tas-suċċessjoni speċjali. Jekk il-kreditur jew l-uffiċjal tal-infurzar isiru jafu li d-debitur miet, huma għandhom jitolbu lill-kamra tan-nutara ċivili fil-ġurisdizzjoni fejn id-deċedut kien domiċiljat l-aħħar biex idaħħal nota fir-reġistru speċjali dwar il-proċeduri tal-eżekuzzjoni u joħroġ ċertifikat. Iċ-ċertifikat għandu jsemmi jekk il-wirt ġiex likwidat u, jekk iva, dan għandu jelenka l-werrieta u jindika jekk ġiex maħtur kuratur sakemm ġie aċċettat il-wirt.
Jekk hemm riskju li l-assi jistgħu jinbiegħu, jintilfu, jinbidlu jew jinqerdu, in-nutar se jpoġġihom taħt siġill jew jgħaddihom lil kustodju.
Sakemm il-wirt jiġi aċċettat jew jekk il-werriet ma jkunx magħruf, in-nutar jista’ jaħtar kuratur speċjali għas-suċċessjoni sabiex jiddefendi d-drittijiet tal-werriet potenzjali.
Ara l-Artikolu 686 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, l-Artikolu 1117(3), l-Artikolu 1136, l-Artikoli 1077 sa 1085 tal-Kodiċi Ċivili.
9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?
L-eżekutur testamentarju, il-likwidatur, il-werriet bis-saħħa tal-liġi/ il-werriet intitolat taħt testment, il-kustodju/kuratur maħtur (Ara l-punt 9.1).
Il-likwidatur, li jwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu taħt is-superviżjoni ta’ nutar, jista’ jinħatar mid-deċedut, mill-werrieta jew mill-qorti.
Ara l-Artikolu 124 tal-Att Nru 36/1995, l-Artikolu 1117(3), l-Artikolu 1136 tal-Kodiċi Ċivili.
9.3 X'setgħat għandu amministratur?
Ara l-punt 9.1.
L-eżekutur testamentarju iqiegħed is-siġilli, jagħmel l-inventarju, jitlob li l-qorti tapprova l-bejgħ tal-assi, iħallas id-djun tas-suċċessjoni u jiġbor ir-riċevibbli.
Ara l-Artikoli 1077 sa 1085 tal-Kodiċi Ċivili, l-Artikoli 103 sa 134 tal-Att Nru 36/1995.
10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?
In-nutar jabbozza konklużjonijiet motivati, u wara l-likwidazzjoni tas-suċċessjoni, joħroġ ċertifikat finali li abbażi tiegħu jinħareġ iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni/iċ-ċertifikat tal-legatarju.
Iċ-ċertifikat tas-suċċessjoni jinkludi l-arranġamenti għad-determinazzjoni tal-portata tad-drittijiet u jservi bħala prova tal-istatus ta’ werriet u tad-drittijiet għall-proprjetà. In-nutar jista’ joħroġ ċertifikat għall-istatus ta’ werriet, li jiddikjara n-numru ta’ werrieta, l-istatus tagħhom u l-portata tad-drittijiet tagħhom, iżda mhux il-patrimonju.
Meta ma jkunx hemm werriet, il-wirt jiġi kkunsidrat bħala vakanti, u jinħareġ ċertifikat ta’ suċċessjoni vakanti.
In-nutar jista’ jkompli l-proċedura sabiex jikkompleta ċ-ċertifikat notarili finali bl-assi li tħallew barra, u joħroġ addendum għaċ-ċertifikat tas-suċċessjoni.
Persuna li tħoss li sofriet danni tista’ titlob lill-qorti biex tannulla ċ-ċertifikat u tiddetermina d-drittijiet tagħha. F’każ ta’ annullament, in-nutar joħroġ ċertifikat ġdid ta’ suċċessjoni bbażat fuq id-deċiżjoni finali tal-qorti. Il-partijiet interessati jista’ jkollhom ukoll strument awtentiku abbozzat minn nutar pubbliku li jiċċertifika l-ftehimiet bonarji tat-tilwima. F’dan il-każ, jinħareġ ċertifikat ġdid ta’ suċċessjoni. Sakemm jinstab ftehim bonarju għat-tilwima permezz ta’ att notarili, jew sakemm jiġi annullat iċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni mill-qorti, iċ-ċertifikat il-ġdid iservi bħala prova tal-istatus ta’ werriet bis-saħħa tal-liġi jew werriet intitolat taħt testment, u tad-drittijiet tal-proprjetà tal-werrieta li jaċċettaw assi elenkati fil-patrimonju fi proporzjon mas-sehem rispettiv tagħhom.
Werriet universali/werriet taħt titolu universali jista’, fi kwalunkwe ħin, ifittex rikonoxximent ta’ dak l-istatus kontra kwalunkwe persuna li jkollha assi mill-patrimonju indebitament billi tniedi proċeduri li jasserixxu d-drittijiet ta’ werriet.
Fi proċeduri ta’ suċċessjoni kontenzjuża, il-qrati jagħtu sentenzi u deċiżjonijiet. Id-deċiżjoni ta’ qsim għandha effett kostituttiv u hija eżegwibbli ladarba ssir finali.
Ara l-Artikoli 1130 sa 1134, l-Artikoli 1635 sa 1639 tal-Kodiċi Ċivili, l-Artikoli 113 sa 120 et seq. tal-Att Nru 36/1995.
Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.
Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.