Suċċessjonijiet

Slovakkja
Il-kontenut ipprovdut minn
European Judicial Network
Network Ġudizzjarju Ewropew (f'materji ċivili u kummerċjali)

 

L-iskeda informattiva ġiet ippreparata b'kooperazzjoni mal-Kunsill tan-Nutara tal-UE (CNUE)

 

1 Kif titfassal dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni (testment, testment konġunt, ftehim dwar is-suċċessjoni) malli jmut xi ħadd?

Il-liġi Slovakka ma tippermettix ftehim dwar is-suċċessjoni jew testmenti konġunti.

Jeżistu diversi metodi għall-abbozzar ta’ testmenti:

1. Testment miktub bl-id tat-testatur innifsu irid jikkontjeni l-firma bl-idejn tiegħu u d-data. Mhuwiex meħtieġ li t-tali testment miktub jiġi ffirmat minn żewġ xhieda.

2. Testment imfassal bl-użu ta' metodu differenti ta’ kitba (bħall-kompjuter, tajprajter jew minn persuna oħra li mhijiex it-testatur) irid jiġi ffirmat quddiem żewġ xhieda, li jridu jiffirmaw it-testment sabiex jattestjaw li d-dokument huwa realment espressjoni tal-volontà aħħarija tat-testatur. Testment imfassal b’dan il-mod irid jikkontjeni l-firma bl-idejn tal-persuna u d-data.

3. Testment f’forma ta’ att notarili. In-nutar huwa responsabbli mid-dettalji ta’ kontenut u ta’ forma ta’ dan it-tip ta’ testment. Kull att notarili jrid jiġi rreġistrat fir-Reġistru Ċentrali Notarili tat-Testmenti.

4. Tintuża forma speċjali ta’ testmenti meta l-awtur tat-testment huwa f’kundizzjoni medika fqira, mhuwiex kapaċi jara’ jew jisma’, jew mhuwiex kapaċi jaqra’ jew jikteb. F'tali każijiet tliet xhieda jridu jkunu preżenti. Huma jivvalidaw it-testment bil-firma tagħhom wara li jinqara' lilhom. Id-dokument irid jispeċifika l-persuna li kitbitu, il-persuna li qratu b’vuċi tgħajjat u kif ġie kkonfermat li d-dokument jikkontjeni r-rieda vera tat-testatur.

Persuni biss b’kapaċità legali jistgħu jkunu xhieda. Ma jistgħux jaġixxu bħala xhieda persuni għomja jew muti, dawk li ma jifhmux il-lingwa li fih it-testment isir u l-benefiċjarji tat-testment.

Sabiex testment ikun validu dan irid jindika l-jum, ix-xahar u s-sena tar-redazzjoni tiegħu. Ovvjament, parti importanti mill-kontenut huwa l-isem tal-benefiċjarji li jirtu l-patrimonju fl-intier tiegħu, ishma proporzjonali tiegħu jew oġġetti speċifiċi (min jirċievi xiex).

Fejn it-testment ikun inkiteb b’idejn it-testatur, jiġi rrikkmandat lit-testatur sabiex jgħid lil dawk ta’ madwaru, sabiex huma jkunu jafu fejn ikun ġie ddepożitat it-testment.

Il-kundizzjonijiet kollha mehmuża mat-testment ma għandhomx implikazzjonijiet legali.

2 Id-dispożizzjoni għandha tkun irreġistrata u jekk iva, kif?

In-nutara jridu jirreġistraw it-testmenti ex officio fil-forma ta’ rekords notarili fir-Reġistru Notarili Ċentrali tat-Testmenti, li huwa miżmum mill-Kamra tan-Nutara. It-testmenti kif deskritti iktar 'il fuq fil-punti (1), (2) u (4) ma jeħtieġux li jiġu rreġistrati, iżda fuq talba tat-testatur jew persuna oħra dawn jistgħu jiġu aċċettati minn nutar għal kustodja. In-nutar irid jirreġistra wkoll din il-kustodja fir-Reġistru Notarili Ċentrali tat-Testmenti.

3 Hemm restrizzjonijiet fuq il-libertà li wieħed jiddisponi mill-beni wara l-mewt (pereżempju sehem riżervat)?

Iva, l-Artikolu 479 tal-Att Nru 40/1964, il-Kodiċi Ċivili (Občiansky zákonník) jispeċifika l-ishma riżervati tal-patrimonju u l-benefiċjarji intitolati għalihom (li huma msejħa “werriet furzat”,neopomenuteľný dedič): “Id-dixxendenti minuri jridu jirċievu almenu l-ekwivalenti tas-sehem legali tas-suċċessjoni tagħhom u d-dixxendenti adulti jridu jirċievu l-ekwivalenti ta' nofs is-sehem legali tas-suċċessjoni tagħhom. F’każ ta’ testment li jmur kontra dak li ntqal hawn fuq, il-parti rilevanti tat-testment hija nulla ħlief jekk id-dixxendenti kkonċernati ġew diżeredati”.

4 Jekk ma jkunx hemm dispożizzjoni dwar it-tqassim tal-beni malli jmut xi ħadd, min jiret u kemm?

Is-suċċessjoni tiddevolvi skont il-liġi, b'testment jew permezz ta' dawn iż-żewġ mekkaniżmi. Jekk il-mejjet ma għamilx testment jew hemm beni li ma ġewx inklużi fit-testment, is-suċċessjoni tiddevolvi skont il-liġi abbażi tal-klassijiet ta’ benefiċjarji.

Fl-ewwel post

Fl-ewwel post, l-ulied u l-konjugi tal-mejjet jirtu f’partijiet indaqs. Jekk wieħed mill-ulied ma jiritx, is-sehem tiegħu jiġi ddistribwit lill-uliedu f’partijiet indaqs. Jekk anki dawn l-ulied, jew kwalunkwe wieħed minnhom, ma jirtux, allura d-dixxendenti tagħhom jirtu f’partijiet indaqs.

Jekk il-mejjet ma ħalliex dixxendenti jew id-dixxendenti tiegħu ma jirtux (jiġifieri jekk huma kollha rrifjutaw is-suċċessjoni, jew ħadd minnhom ma jista' jiret, jew huma kollha ġew diżeredati jew mhumiex meħuda inkunsiderazzjoni), is-suċċessjoni tgħaddi għand it-tieni klassi ta’ benefiċjarji.

It-tieni post

Jekk id-dixxendenti tal-mejjet ma jirtux, il-benefiċjarji fit-tieni post jinkludu l-konjugi u l-ġenituri tal-mejjet, kif ukoll il-persuni li għexu mal-mejjet taħt l-istess saqaf mill-inqas għal sena qabel mewtu u li għal dik ir-raġuni ħadu ħsieb ir-residenza komuni, jew kienu dipendenti fuq il-mejjet għall-manteniment. Il-benefiċjarji fit-tieni post jirtu f’partijiet indaqs; madankollu l-konjuġi jrid jirċievi dejjem mill-inqas nofs il-patrimonju.

It-tielet post

Jekk la l-konjuġi u lanqas ebda mill-ġenituri ma jirtu, il-benefiċjarji fit-tielet post, li jirtu f’partijiet indaqs, jinkludu l-aħwa tal-mejjet u l-persuni li għexu mal-mejjet taħt l-istess saqaf għal sena mill-inqas qabel mewtu u li għal dik ir-raġuni ħadu ħsieb ir-residenza komuni, jew kienu dipendenti fuq il-mejjet għall-manteniment. Jekk kwalunkwe persuna minn wieħed mill-aħwa tal-mejjet ma tiritx, it-tfal tagħha jirċievu s-sehem tagħha f’partijiet indaqs.

Ir-raba’ post

Jekk ebda benefiċjarju ma jiret fit-tielet post, ir-raba’ post jinkludi n-nanniet tal-mejjet, li jirtu f’partijiet indaqs, u jekk ebda min-nanniet ma jirtu, is-suċċessjoni tiddevolvi lit-tfal tan-nanniet f’partijiet indaqs.

Fejn ma hemm ebda benefiċjarju, il-patrimonju jgħaddi lill-Istat fin-nuqqas ta’ werrieta.

5 Liema tip ta' awtorità hija kompetenti:

5.1 fi kwistjonijiet ta' suċċessjoni?

Il-qorti distrettwali li fil-ġuriżdizzjoni tagħha d-deċedut kellu residenza permanenti fil-mument tal-mewt, jew jekk id-deċedut ma kellux residenza permanenti fis-Slovakkja, li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu l-mejjet kellu l-assi, u jekk ma jkunx hemm tali qorti, il-qorti fejn miet id-deċedut. Il-qorti distrettwali taħtar nutar biex jaġixxi u jiddeċiedi fil-każ. L-atti minn nutara huma meqjusa bħala atti mill-qorti. Din l-awtorizzazzjoni ma testendix għal deċiżjoni biex jinfetħu proċedimenti tas-suċċessjoni, u lanqas għal applikazzjoni għall-għoti ta’ assistenza legali barra mill-pajjiż, u lanqas għal deċiżjoni li tiċħad lin-nutar u lill-persunal tan-nutar, u lanqas għal deċiżjoni li tirrevoka d-deċiżjoni dwar is-suċċessjoni jekk sussegwentement jinstab li l-deċedut għadu jgħix jew li d-dikjarazzjoni tal-mewt tad-deċedut kienet irtirata.

5.2 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tas-suċċessjoni?

Il-benefiċjarji jagħmlu dikjarazzjoni orali ta’ aċċettazzjoni jew ta’ rinunzja tas-suċċessjoni quddiem in-nutar, jew dikjarazzjoni bil-miktub li huma jinnotifikaw lill-qorti probanti f’perjodu ta’ xahar mill-jum min meta ġew innotifikati mill-qorti bid-dritt tagħhom ta’ aċċettazzjoni / rinunċja tas-suċċessjoni u tal-implikazzjonijiet tad-dikjarazzjoni.

5.3 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja jew aċċettazzjoni tal-legat?

Il-liġi Slovakka ma tipprovdix għal legati.

5.4 biex tirċievi dikjarazzjoni ta' rinunzja u aċċettazzjoni ta' sehem riżervat?

Ma hemm ebda dikjarazzjoni speċjali ta’ rinunċja jew aċċettazzjoni ta’ sehem riżervat. Il-proċedura hija analoga għad-dikjarazzjoni ta’ aċċettazzjoni / rinunzja ta’ suċċessjoni, iżda l-limitu massimu ta' xahar huwa inapplikabbli.

6 Deskrizzjoni qasira tal-proċedura biex issir suċċessjoni skont il-liġi nazzjonali, inkluż kif issir il-likwidazzjoni tal-patrimonju u kif jinqasmu l-assi (din tinkludi informazzjoni dwar jekk il-proċedura ta' suċċessjoni tinbeda minn qorti jew minn awtorità kompetenti oħra fuq inizjattiva tagħha stess)

Ir-Reġistru tal-Insinwa jinnotifika lill-qorti distrettwali kompetenti ta’ mewt fid-distrett tiegħu. Il-qorti tibda proċedimenti, anki fuq l-inizjattiva tagħha stess, ladarba ssir taf li miet xi ħadd jew li persuna ġiet iddikjarata mejta. Fl-ewwel lok, il-qorti tiċċekkja fir-Reġistru Notarili Ċentrali tat-Testmenti jekk il-mejjet ħalliex testment, strument ta’ diżeredazzjoni, revoka ta’ xi wieħed minn dawn iż-żewġ atti, jew dikjarazzjoni fuq l-għażla ta’ liġi nazzjonali f’konformità ma’ leġiżlazzjoni separata, u tidentifika n-nutar li miegħu ġew iddepożitati d-dokumenti. Il-qorti twettaq investigazzjoni preliminari biex tidentifika l-benefiċjarji u l-patrimonju u d-dejn tal-mejjet, u tieħu miżuri urġenti meħtieġa biex tipproteġi s-suċċessjoni. Ma hemmx bżonn li tiġi ordnata seduta ta’ smigħ biex tiġi kkunsidrata s-suċċessjoni jekk il-qorti tikkonferma li benefiċjarju wieħed jirċievi l-patrimonju jew jekk il-patrimonju jgħaddi lill-Istat b’mod awtomatiku.

Jekk is-suċċessjoni mhijiex ikkontestata, bħala l-Kummissarju awtorizzat tal-qorti, in-nutar joħroġ ordni dwar is-suċċessjoni fil-każijiet li ġejjin:

  • il-patrimonju jgħaddi lil benefiċjarju wieħed;
  • il-patrimonju jgħaddi lill-Istat fin-nuqqas ta’ werrieta;
  • il-benefiċjarji jaqblu bejniethom dwar id-distribuzzjoni; kull kreditur tad-deċedut ikun ukoll parti għal dan il-ftehim jekk il-pretensjoni tal-kreditur tkun parti mill-ftehim bonarju;
  • il-benefiċjarji u l-kredituri tal-mejjet ikkonkludew ftehim bejniethom dwar it-trażmissjoni tas-suċċessjoni milquta b’piż eċċessiv ta’ dejn għar-rimborż tad-dejn;
  • jekk il-partijiet ma jistgħux jilħqu ftehim, in-nutar jikkonferma s-sehem tal-patrimonju għal kull benefiċjarju jew jiddistribwixxi l-patrimonju lill-benefiċjarji u jiddeċiedi dak li jirċievi kull benefiċjarju;
  • in-nutar ma japprovax il-qbil dwar id-distribuzzjoni tal-patrimonju u jikkonferma s-sehem tal-patrimonju għal kull benefiċjarju jew jiddistribwixxi l-patrimonju lill-benefiċjarji u jiddeċiedi dak li jirċievi kull benefiċjarju.

Ordni ta’ suċċessjoni finali huwa dokument li jaffettwa l-passaġġ ta’ titolu għall-benefiċjarji.

Jekk id-deċiżjoni dwar id-drittijiet ta’ suċċessjoni tiddependi fuq l-aċċertament ta’ fatti kkontestati, u jekk il-konċiljazzjoni ma tirnexxix, il-qorti tordna lill-benefiċjarju li d-dritt tiegħu jidher anqas probabbli sabiex jippreżenta rikors sabiex jiġu ddeterminati l-fatti kkontestati. Il-qorti tistabbilixxi wkoll terminu preskrittiv biex titressaq il-kawża, li ma jistax ikun iqsar minn xahar.

Jekk il-patrimonju għandu dejn eċċessiv u l-benefiċjarji ma jirnexxilhomx jiftehmu mal-kredituri tal-mejjet biex jitrasferulhom il-patrimonju bħala pagament tad-dejn, il-qorti tista’ tordna l-likwidazzjoni tas-suċċessjoni. Fid-digriet tagħha ta’ likwidazzjoni, il-qorti tistieden lill-kredituri sabiex jinnotifikaw il-krediti tagħhom lilha f’perjodu ta’ żmien speċifiku; inkella, il-krediti jintilfu.

Il-qorti (in-nutar bħala kummissarju tal-ġustizzja) tipproċedi għal-likwidazzjoni tal-patrimonju b’dejn eċċessiv billi jinbiegħu l-assi kollha tal-mejjet bil-prezz attwali ta’ beni komparabbli. Matul dan il-bejgħ, il-kummissarju tal-ġustizzja jaġġixxi għall-partijiet f’ismu proprju iżda jieħu inkunsiderazzjoni kull suġġeriment aktar vantaġġjuż mill-partijiet għal-likwidazzjoni tal-beni. In-nutar jiddepożita r-rikavati tal-likwidazzjoni f’kont bankarju li n-nutar ikun fetaħ għal dan l-iskop. Jekk jibqa’ xi beni, dawn jgħaddu lill-Istat b’effett mid-data tal-jum tal-mewt tad-deċedut.

7 Kif u meta wieħed isir werriet jew legatarju?

Is-suċċessjoni tinfetaħ fuq il-mewt tad-deċedut. L-ordni ta’ suċċessjoni jew id-digriet tal-qorti għandhom biss effetti dikjaratorji dwar fatt li ġara’ fil-passat. Madankollu, id-dispożizzjoni sħiħa tal-patrimonju hija possibbli biss b’ordni ta’ suċċessjoni jew digriet tal-qorti.

Il-jum tal-mewt tad-deċedut irid jiġi ppruvat permezz ta’ ċertifikat tal-mewt, notifika ta’ mewt maħruġa minn reġistru speċjali tal-Ministeru Slovakk tal-Intern meta ċittadin Slovakk imut barra mis-Slovakkja, jew deċiżjoni tal-qorti mogħtija fi proċedimenti għad-dikjarazzjoni ta’ persuna mejta f’każ ta' persuni li sparixxew, meta d-data tal-mewt tiġi ddikjarata mill-qorti. Il-qrati Slovakki biss huma kompetenti li jiddikjaraw iċ-ċittadini Slovakki bħala mejtin. Il-qrati Slovakki jistgħu jiddikjaraw ċittadini barranin bħala mejtin, iżda l-implikazzjonijiet legali japplikaw biss għall-persuni li jgħixu b’mod permanenti fis-Slovakkja u biss għall-proprjetà li tinsab fis-Slovakkja.

8 Il-werrieta huma responsabbli għad-djun tal-mejjet, u jekk iva, skont liema kundizzjonijiet?

Iva, il-benefiċjarji huma responsabbli għad-dejn tad-deċedut u għal spejjeż raġonevoli relatati mal-funeral tad-deċedut, iżda biss sal-valur tal-patrimonju li huwa devolut lilhom. Il-benefiċjarji mhumiex obbligati li jħallsu d-dejn tal-mejjet bl-użu tal-beni tagħhom stess. Jekk ikun hemm diversi benefiċjarji, huma responsabbli għall-funeral u d-djun tad-deċedut skont il-proporzjon li kull wieħed irċieva relattiv għall-patrimonju kollu. Jekk il-patrimonju jkun eċċessivament midjun, il-benefiċjarji jistgħu jiftiehmu mal-kredituri biex iċedu l-patrimonju biex iħallsu d-djun. Il-qorti tapprova dan il-ftehim sakemm ma jiksirx il-liġi jew il-prinċipji aċċettati tal-moralità.

9 Liema huma d-dokumenti u/jew l-informazzjoni normalment meħtieġa għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tal-proprjetà immobbli?

L-awtorità distrettwali fejn tinsab il-proprjetà immobbli hija kompetenti biex tirreġistraha fir-reġistru tal-artijiet. L-awtorità distrettwali tirreġistra dan fuq l-inizjattiva tagħha stess jew b’reazzjoni għal applikazzjoni ppreżentata mis-sid jew minn persuna awtorizzata oħra. Applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tiġi preżentata bil-miktub u għandha tinkludi:

(a) l-isem tal-applikant (l-isem kummerċjali) u r-residenza permanenti (l-uffiċċju rreġistrat);

(b) l-isem tal-awtorità distrettwali li lilha ssirilha l-applikazzjoni;

(c) att awtentiku jew dokument ieħor li jikkonferma t-titolu tal-proprjetà immobbli;

(d) lista ta’ annessi. L-annessi għal applikazzjoni għal reġistrazzjoni huma:

(i) att awtentiku jew dokument ieħor li jikkonferma t-titolu tal-proprjetà immobbli; jekk dan huwa dwar reġistrazzjoni ta’ rahan stabbilit bl-operat tal-liġi, mhemmx bżonn li jiġi mehmuż dokument li jikkonferma l-eżistenza tal-pretensjoni;

(ii) l-identità tal-plott, jekk it-titolu għall-proprjetà immobbli huwiex irreġistrat fiċ-ċertifikat tat-titolu;

(iii) dokumenti oħra li għandhom valur evidenzjarju għall-proċedimenti.

9.1 Il-ħatra ta' amministratur hija obbligatorja jew issir obbligatorja wara li ssir it-talba? Jekk hija obbligatorja jew obbligatorja fuq talba, x'inhuma l-passi li għandhom jittieħdu?

Il-ħatra ta' amministratur mhijiex obbligatorja. Madankollu, jekk huwa fl-interess ġenerali jew fl-interess ewlieni tal-partijiet, il-qorti tieħu miżuri urġenti fuq l-inizjattiva tagħha stess biex tħares il-patrimonju u tista’ ukoll taħtar amministratur. Ġeneralment, l-amministratur huwa wieħed mill-benefiċjarji jew persuna oħra li kienet qrib tal-mejjet, iżda jista’ ikun ukoll nutar ieħor mill-kummissarju tal-ġustizzja fil-proċeduri ta’ suċċessjoni inkwistjoni.

L-amministratur maħtur skont il-liġi Slovakka huwa differenti mill-amministratur skont il-liġi komuni.

9.2 Min huwa intitolat li jesegwixxi d-dispożizzjoni testamentarja mal-mewt tal-persuna u/jew li jamministra l-patrimonju?

In-nutar maħtur bħala l-kummissarju tal-ġustizzja jeżegwixxi t-testment. Il-benefiċjarji jiġġestixxu l-patrimonju akkwistat permezz ta’ suċċessjoni, iżda jeħtieġu l-awtorizzazzjoni għad-dispożizzjoni ta' oġġetti inklużi fil-patrimonju qabel jingħalqu l-proċedimenti ta’ suċċessjoni u għal atti oħra li jmorru lil hinn mill-immaniġġar ta' kuljum.

9.3 X'setgħat għandu amministratur?

Matul il-proċeduri ta' suċċessjoni, l-amministratur jieħu kwalunkwe azzjoni meħtieġa biex jippreżerva l-beni li jifformaw parti mill-patrimonju fil-limiti stabbiliti mill-qorti. Il-qorti tiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tagħha bl-għan li tippermetti lill-amministratur li jippreżerva l-valur tal-beni li jagħmlu parti mill-patrimonju. L-amministratur huwa responsabbli għal kull dannu li jikkawża bi ksur tad-dmirijiet tiegħu speċifikati fil-liġi jew mill-qorti. Fit-tmiem tal-proċedimenti ta’ suċċessjoni, huwa jissottometti rapport finali lill-benefiċjarji u l-qorti tiddeċiedi dwar l-onorarji tiegħu kif ukoll ir-rimborż tal-kostijiet lilu, li jkunu pagabbli mill-benefiċjarju li jirċievi l-patrimonju.

10 Liema dokumenti huma tipikament maħruġa skont il-liġi nazzjonali matul jew fl-aħħar tal-proċedimenti ta' suċċessjoni li jippruvaw l-istatus u d-drittijiet tal-benefiċjarji? Għandhom effetti evidenzjarji speċifiċi?

Fit-tmiem tal-proċedimenti ta’ suċċessjoni, in-nutar joħroġ ordni ta’ suċċessjoni, li huwa meqjus li huwa digriet mill-qorti. Iċ-ċertifikat ikun fih l-ismijiet tal-benefiċjarji u jidentifika l-beni li jiddevolvu għand kull benefiċjarju u l-ishma tal-patrimonju.

Fuq talba tal-benefiċjarju, in-nutar jista’ joħroġ Ċertifikat tal-Grupp ta’ Benefiċjarji matul il-proċedimenti ta’ suċċessjoni. Din hija “konferma tal-fatti magħrufa mill-fajl”, strument awtentiku maħruġ min-nutar inkarigat mis-suċċessjoni, prinċipalment għal raġunijiet ta’ evidenzjar tal-istatus ta’ benefiċjarju jew persuna intitolata oħra li tirċievi dritt tad-deċedut (pereż. kumpens taħt polza ta’ assigurazzjoni, drittijiet marbuta mal-kwalità ta’ membru, statut fi proċedimenti pendenti, eċċ.).

 

Din il-paġna web hija parti minn L-Ewropa Tiegħek.

Nilqgħu l-feedback tiegħek dwar l-utilità tal-informazzjoni pprovduta.

Your-Europe

L-aħħar aġġornament: 02/09/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali ta’ din il-paġna tinżamm mill-punt ta’ kuntatt tan-NĠE rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. La l-NĠE u lanqas il-Kummissjoni Ewropea ma jaċċettaw ebda responsabbiltà fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.