Kif issib avukat
Fl-Awstrija, l-avukati biss jistgħu jiddefenduk fil-qorti (bi ftit eċċezzjonijiet). L-Assoċjazzjoni tal-Avukati Federali Awstrijaka żżomm reġistru elettroniku tal-avukati, li inti tista’ tikkonsulta minn hawnhekk.
Jekk issir taf li qegħdin isiru xi investigazzjonijiet li jwasslu għal proċeduri kriminali kontrik fl-Awstrija, għandek tagħżel avukat u torganizza laqgħa miegħu/magħha sabiex tiddiskuti l-kwistjoni. Jekk ikun possibbli dan għandu jsir qabel ma tiġi interrogat għall-ewwel darba.
Meta jiġu arrestati, l-individwi għandhom id-dritt li jikkuntattjaw avukat qabel ma jiġu interrogati. Jekk m’għandekx avukat, tista’ tikkuntattja lill-avukati li jkunu fuq xogħol standby. Il-pulizija jew l-awtoritajiet tal-prosekuzzjoni għandhom iħalluk tikkuntattja lil dan is-servizz.
Il-ħlas tal-avukat
Jekk tqabbad avukat għad-difiża tiegħek ġeneralment ikollok tħallas is-servizzi tiegħu/tagħha inti stess. Jekk ma jkun hemm l-ebda ftehim dwar il-ħlas, l-avukat jista’ jitlob li jitħallas remunerazzjoni raġonevoli. Ir-rati elenkati fil-Kriterji Ġenerali tal-Ispejjeż Legali (AHK) jistgħu jittieħdu bħala bażi għall-kalkolu tal-ispejjeż.
Jekk il-ħlas tad-difiża tiegħek iqiegħed il-manutenzjoni tiegħek u ta’ familtek f’riskju, wara li jiġu kkunsidrati d-dħul u l-assi tiegħek, u jekk l-avukat difensur ikun meħtieġ, inti għandek tingħata avukat difensur mingħajr ħlas. F’każijiet bħal dawn, inti tirċievi wkoll kopji bla ħlas tal-fajl kriminali. Tista’ tapplika għall-għoti ta’ avukat difensur għall-għajnuna legali billi tuża din il-formola.
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.