Imputati (proċeduri kriminali)

Ċipru

Il-kontenut ipprovdut minn
Ċipru

A. Għandi d-dritt nappella d-deċiżjoni tal-qorti?

Persuna li tinstab ħatja mill-Qorti tal-Assize jew mill-Qorti Distrettwali u li tkun ikkundannata għal kwalunkwe perjodu ta’ priġunerija jew li tħallas penali finanzjarja tista’ tappella lill-Qorti Suprema kontra l-kundanna jew is-sentenza.

B. X’għażliet ta’ rikors oħra għandi?

Mhu previst l-ebda dritt li tittieħed azzjoni legali kontra d-deċiżjoni tal-qorti.

C. X’inhuma l-konsegwenzi jekk niġi kkundannat?

i. Ir-rekord kriminali

Il-piena imposta mill-qorti għandha tiġi rreġistrata mill-pulizija fil-fajl imsejjaħ “Arkivju tal-Kundanni Preċedenti”. Ir-remissjoni tas-sentenzi għandha ssir skont id-dispożizzjonijiet tal-Att dwar ir-Remissjoni lill-Persuni Kundannati (Att 70/1981). Ma hija prevista l-ebda remissjoni fir-rigward ta’ sentenzi ta’ għomor il-ħabs jew priġunerija ta’ aktar minn sentejn.

ii. Eżekuzzjoni ta’ sentenza, trasferiment ta’ priġunieri, probation u sanzjonijiet alternattivi

Sentenza ta’ ħabs għandha tiġi skontata mill-jum meta tingħata d-deċiżjoni relevanti; madankollu, u sakemm il-qorti ma tordnax mod ieħor, minn dan il-perjodu jista’ jitnaqqas iż-żmien li l-persuna tkun inżammet taħt arrest preventiv qabel il-proċess skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att.

Il-qorti għandha tordna li l-eżekuzzjoni ta’ sentenza ta’ priġunerija li ma taqbiżx it-tliet snin tiġi sospiża, sakemm dan ikun ġustifikat miċ-ċirkostanzi tal-kawża fl-intier tagħhom u miċ-ċirkostanzi personali tal-akkużat.

Il-qorti li toħroġ ordni li tissospendi l-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ ħabs tista’ toħroġ ordni ta’ probation li tpoġġi lill-persuna kkundannata taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal ta’ sorveljanza (gwardjan) għal perjodu li ma jaqbiżx il-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-ordni (tliet snin).

L-aħħar aġġornament: 11/03/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.