Imputati (proċeduri kriminali)

Iċ-Ċekja

Il-kontenut ipprovdut minn
Iċ-Ċekja

A. Għandi d-dritt ta’ appell kontra deċiżjoni tal-qorti?

Iva, tista’ tikkontesta deċiżjoni tal-qorti tal-prim’istanza permezz ta’ appell; l-appell għandu effett sospensiv. Jista’ jiġi ppreżentat appell kontra sentenza li permezz tagħha l-qorti tkun approvat ftehim dwar il-ħtija u l-piena biss jekk tali sentenza tkun inkonsistenti mal-ftehim ippreżentat mill-prosekutur pubbliku lill-qorti għall-approvazzjoni.

Fl-appell tiegħek tista’ tinvoka li t-taqsimiet tad-dispożittiv li jaffettwawk direttament huma skorretti sakemm dan ma jkunx jikkonċerna sentenza dwar il-ħtija sal-punt li l-qorti tkun aċċettat l-ammissjoni tiegħek ta’ ħtija. Għandu jiġi ppreżentat appell quddiem il-qorti li tkun tat is-sentenza kkontestata fi żmien 8 ijiem min-notifika ta’ kopja tas-sentenza.

B. X’rimedji oħra għandi għad-dispożizzjoni tiegħi?

Fil-proċedimenti kriminali tista’ tagħmel użu minn rimedji ordinarji (appelli, ilmenti, dikjarazzjonijiet ta’ oppożizzjoni) u rimedji straordinarji (rikorsi għal appell fuq punt ta’ liġi, rikorsi għal reviżjoni) u tista’ tipproponi wkoll li jiġi ppreżentat ilment dwar ksur tal-liġi.

Ilment iservi bħala rimedju kontra digriet tal-qorti (riżoluzzjoni) u jrid jiġi ppreżentat lill-awtorità li tkun ħarġet id-digriet (riżoluzzjoni) ikkontestat fi żmien 3 ijiem min-notifika ta’ dan tal-aħħar. Id-digrieti (riżoluzzjonijiet) maħruġa mill-qorti (u mill-prosekutur pubbliku) jistgħu jiġu kkontestati permezz ta’ lment biss f’każijiet preskritti mil-liġi. Digriet (riżoluzzjoni) jista’ jiġi kkontestat fuq il-bażi ta’ żball fi kwalunkwe waħda mit-taqsimiet tad-dispożittiv tagħha jew ksur ta’ dispożizzjoni li tirregola l-proċedimenti ta’ qabel id-digriet (riżoluzzjoni) jekk il-ksur seta’ wassal għal żball fi kwalunkwe waħda mit-taqsimiet tad-dispożittiv tagħha. Ilment għandu effett sospensiv biss jekk dan ikun stabbilit b’mod espliċitu mil-liġi.

Inti tista’ tippreżenta dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra digriet penali lill-qorti li tkun ħarġitu sa 8 ijiem wara li jkun ġie nnotifikat id-digriet. Jekk tkun ġiet ippreżentata dikjarazzjoni ta’ oppożizzjoni kontra digriet penali fit-terminu stabbilit, id-digriet penali jiġi kkanċellat awtomatikament u l-imħallef uniku jordna proċess fil-kawża.

Rikors għal appell fuq punt ta’ liġi (biċ-Ċek : dovolání) jista’ jiġi ppreżentat biss kontra sentenza finali in rem ta’ qorti tas-sekond’istanza f’każijiet fejn dan ikun permess mil-liġi. Tista’ tippreżenta rikors għal appell fuq punt ta’ liġi fuq il-bażi li ċerta taqsima tad-dispożittiv tad-deċiżjoni tal-qorti li taffettwak direttament tkun skorretta, iżda biss jekk tkun preżenti waħda mir-raġunijiet stabbiliti mil-liġi għall-appell fuq punt ta’ liġi. Dejjem trid tippreżenta tali rikors permezz ta’ avukat tad-difiża – l-avukat tiegħek. Ir-rikors irid jiġi ppreżentat quddiem il-qorti tal-prim’istanza li tkun ħadet id-deċiżjoni in rem, fi żmien xahrejn min-notifika tad-deċiżjoni kkontestata mir-rikors. Rikors għal appell fuq punt ta’ liġi ma għandha l-ebda effett ta’ sospensjoni sakemm il-Qorti Suprema ma tiddeċidix mod ieħor.

Int intitolat ukoll li tippreżenta rikors għal reviżjoni. B’mod ġenerali, ir-reviżjoni tal-proċedimenti li jkunu ntemmu b’sentenza finali jew b’digriet penali tkun permessa jekk jitfaċċaw fatti jew provi li qabel ma kinux magħrufa mill-qorti u dawk il-fatti jew il-provi – waħedhom jew flimkien mal-fatti u l-provi diġà magħrufa – ikunu jistgħu jiġġustifikaw deċiżjoni differenti dwar il-ħtija, jew il-piena imposta oriġinarjament tkun ovvjament sproporzjonata man-natura u s-serjetà tar-reat jew maċ-ċirkostanzi personali, familjari jew finanzjarji tiegħek u ċirkostanzi oħrajn, jew jekk it-tip ta’ piena ma jkunx adattat għall-iskop tal-piena. Rikors għal reviżjoni tal-proċedimenti li tkun intemmet b’sentenza finali jew b’digriet penali jinstema’ u jiġi deċiż mill-qorti li tkun iddeċidiet dwar il-kawża fil-prim’istanza. Il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ rikors għal reviżjoni favur tiegħek.

Barra minn hekk, tista’ tipproponi li jiġi ppreżentat ilment dwar il-ksur tal-liġi; madankollu, dan ir-rimedju straordinarju huwa disponibbli biss għall-Ministru tal-Ġustizzja u huwa f’idejn il-Ministru biex jiddeċiedi jekk tali lment għandux jiġi ppreżentat jew le. Ilment dwar ksur tal-liġi jista’ jiġi ppreżentat kontra kwalunkwe deċiżjoni finali tal-qorti (minbarra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema) jew kwalunkwe deċiżjoni maħruġa mill-prosekutur pubbliku jekk id-deċiżjoni tkun kisret il-liġi jew tkun saret abbażi ta’ proċedura vvizzjata minn difett. Il-liġi ma tistabbilixxi l-ebda limitu ta’ żmien għall-preżentazzjoni ta’ tali lment.

C. X’inhuma l-konsegwenzi tal-kundanna?

Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tibda ladarba l-kundanna għal delitt tidħol fis-seħħ legalment; f’dan l-istadju, is-sentenza jew il-miżura preventiva tiġi eżegwita u jitwettqu l-atti relatati.

Jekk inti tkun ġejt ikkundannat għal delitt b’sentenza finali, ma tistax terġa’ tiġi mixli bl-istess reat (lanqas fi Stat Membru ieħor) sakemm ma tkunx permessa reviżjoni.

Il-kundanna tiġi rreġistrata fir-reġistru kriminali u tidher fi kwalunkwe estratt mir-reġistru kriminali sakemm tiġi skontata l-kundanna. Dan jista’ jaffettwa l-kapaċità tiegħek li ssegwi professjoni partikolari, li tikseb ċertu permess jew liċenzja, jew li tingħata permess li jkollok arma, eċċ.

Ladarba l-kundanna tiegħek tkun ġiet skontata, int titqies daqslikieku qatt ma tkun ġejt ikkundannat. Madankollu, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u xi awtoritajiet oħra għandhom aċċess għal dak li huwa magħruf bħala “kopja” tar-reġistru kriminali; il-kundanna tiegħek tiġi rreġistrata fil-kopja anke wara li tkun ġiet skontata.

i. Li jkollok kondotta kriminali

Ladarba s-sentenza ta’ kundanna ssir finali, issir entrata fir-reġistru kriminali fejn jinżammu rekords ta’ kundanni u ta’ fatti oħra rilevanti għall-proċedimenti kriminali. Din l-informazzjoni tinżamm għal 100 snin mid-data tat-twelid tiegħek, irrispettivament minn jekk taqbilx ma’ dan jew le. Jekk il-kundanna tiegħek tkun ġiet skontata, l-informazzjoni ma tibqax tidher fl-estratt tiegħek mir-reġistru kriminali iżda tkompli tidher f’kopja tar-reġistru kriminali kif deskritt hawn fuq. Kundanna tista’ tiġi skontata fil-limiti ta’ żmien stabbiliti mill-Kodiċi Kriminali, skont is-serjetà tal-kundanna. Dawn il-limiti ta’ żmien ivarjaw minn sena sa 15-il sena mid-data meta tiġi nnotifikata s-sentenza tiegħek; għal xi sentenzi, int titqies li ma ġejtx kkundannat ladarba tkun skontajthom.

Jekk inti ċittadin ta’ Stat Membru ieħor tal-UE, l-informazzjoni dwar il-kundanna tiegħek tkun disponibbli għall-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-UE li tiegħu inti ċittadin.

v. Notifika ta’ sentenza, trasferiment ta’ priġunieri, probation u pieni alternattivi

Ladarba sentenza ta’ kundanna tkun saret finali, il-president tal-kamra jordna li tiġi eżegwita.

Jekk tkun ġejt ikkundannat b’forza legali għal sentenza ta’ priġunerija mhux ikkundizzjonata, il-president jibgħat digriet ta’ eżekuzzjoni tas-sentenza lill-ħabs rilevanti u, jekk ma tkunx ġejt detenut, inti tintalab li tiġi l-ħabs fil-limitu ta’ żmien stabbilit. Jekk tipprova taħrab min-notifika tas-sentenza tiegħek, il-Pulizija Ċeka tista’ tittrasportak lejn il-ħabs.

Jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet statutorji, il-qorti tista’ tiddeċiedi li tipposponi n-notifika tas-sentenza tiegħek, tibdel il-mod li bih tiġi nnotifikata, tissospendi n-notifika tas-sentenza tiegħek, tiddeċiedi dwar il-parole tiegħek, eċċ. Il-qorti tista’ wkoll tirrinunzja għas-sentenza ta’ priġunerija jew għall-parti li jifdal minnha jekk ikollok tiġi estradit lejn pajjiż barrani jew imneħħi (imkeċċi).

Proċedura simili mbagħad tapplika jekk ikun ġie impost fuqek trattament mediku ordnat mill-qorti jew detenzjoni preventiva sigura, jiġifieri ladarba d-deċiżjoni li taħtha għandu jitwettaq it-trattament mediku ordnat mill-qorti jew detenzjoni preventiva sigura tkun saret eżegwibbli, il-president tal-kamra jibgħat digriet ta’ eżekuzzjoni rigward id-deċiżjoni lill-istituzzjoni medika rilevanti jew lill-istitut ta’ detenzjoni preventiva sigura rilevanti fejn il-miżura preventiva għandha tiġi eżegwita, u jitolbok tirrapporta lil dak l-istitut/istituzzjoni. Jekk tipprova tevita l-miżura preventiva, il-Pulizija Ċeka tista’ tittrasportak lejn l-istituzzjoni rilevanti.

Jekk il-kundizzjonijiet statutorji jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fi trattat internazzjonali jiġu ssodisfati, tista’ tiġi ttrasferit lejn il-pajjiż ta’ oriġini tiegħek jew lejn Stat ieħor biex tiskonta sentenza ta’ priġunerija mhux kondizzjonali jew miżura preventiva jekk titlob dan u l-Istat ikkonċernat jaqbel. Tista’ tiġi imposta wkoll sentenza alternattiva f’sentenza ta’ kundanna. Kwalunkwe piena li ma tinvolvix priġunerija immedjata tista’ titqies bħala sentenza alternattiva. Tista’ titqiegħed ukoll taħt is-superviżjoni ta’ uffiċjal tal-probation għall-fini ta’ monitoraġġ tat-twettiq tal-obbligi imposti fuqek u li jgħinek tirritorna lejn il-komunità u tgħix ħajja ordnata. Jekk tkun ġiet imposta superviżjoni fuqek, inti jeħtieġlek:

  • tikkoopera mal-uffiċjal tal-probation b’mod iddeterminat minnu
    u timplimenta l-pjan ta’ probation superviżorja;
  • tidher quddiem l-uffiċjal tal-probation fil-ħinijiet stabbiliti minnu;
  • tinforma lill-uffiċjal tal-probation dwar il-post fejn tinsab, l-impjieg u l-mezzi ta’ sussistenza tiegħek, il-konformità tiegħek mar-restrizzjonijiet u l-obbligi imposti mill-qorti, u kwalunkwe ċirkostanza sinifikanti oħra rilevanti għas-superviżjoni mill-uffiċjal tal-probation;
  • tħalli lill-uffiċjal tal-probation jidħol f’darek.

Jekk ikun ġie impost fuqek obbligu raġonevoli sabiex tgħaddi minn programm xieraq ta’ taħriġ soċjali u ta’ edukazzjoni mill-ġdid jew li tgħaddi minn programmi xierqa ta’ konsulenza psikoloġika bħala riżultat ta’ deċiżjoni tal-qorti, tista’ tiġi inkluż fi programm ta’ probation u ta’ risoċjalizzazzjoni. Tista’ tiġi inkluż ukoll f’tali programm jekk tissodisfa l-kriterji ta’ inklużjoni stabbiliti mill-fornitur tal-programm, mingħajr ebda obbligu impost mill-qorti sabiex tgħaddi mill-programm; f’każ bħal dan, jista’ jsir ftehim dwar il-parteċipazzjoni fil-programm mal-uffiċjal tal-probation skont it-termini ta’ superviżjoni u l-ftehim jista’ jiġi inkluż fil-pjan ta’ probation superviżorja. Jekk il-programm jiġi implimentat bħala parti mis-sentenza ta’ priġunerija, il-parteċipazzjoni tiegħek fil-programm tista’ tiġi miftiehma ma’ speċjalist li jaħdem mas-Servizz tal-Ħabsijiet Ċek.

Tista’ tiskonta wkoll xi wħud minn dawk is-sentenzi alternattivi f’pajjiżek jew fi Stat ieħor li għandek rabtiet miegħu, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet statutorji u l-kundizzjonijiet stabbiliti minn trattat internazzjonali u l-eżekuzzjoni ta’ dawn is-sentenzi tista’ tiġi ssorveljata jew b’mod ieħor ivverifikata. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-opzjoni jvarja skont jekk il-pajjiż ikkonċernat huwiex Stat Membru tal-UE jew Stat li ma huwiex Stat Membru tal-UE (l-opzjonijiet ikunu aktar limitati f’dan l-aħħar każ).

L-aħħar aġġornament: 21/03/2023

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.