Skont il-Kostituzzjoni Ċeka, il-piena tista’ tiġi imposta fuqek biss f’konformità mal-liġi u bil-mod stabbilit mil-liġijiet rilevanti. Dawk il-liġijiet huma l-Kodiċi Kriminali, l-Att dwar il-Ġustizzja għall-Minorenni, u l-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jistabbilixxu r-regoli għall-proċedimenti kriminali (inklużi kundizzjonijiet speċifiċi għall-eżerċitar u l-infurzar tad-drittijiet tiegħek).
Jekk inti vittma ta’ delitt, tista’ ssib l-informazzjoni kollha dwar drittijietek hawnhekk.
Sommarju tal-proċeduri kriminali
Dan li ġej huwa sommarju tal-istadji normali fil-proċeduri kriminali.
1) Proċedimenti preparatorji
Dawn huma l-ewwel stadju tal-proċeduri kriminali u jikkonsistu f’żewġ partijiet:
- L-azzjonijiet tal-awtoritajiet responsabbli għall-proċeduri kriminali qabel il-bidu ta’ prosekuzzjoni kriminali, magħrufa bħala l-fażi tal-eżami; u
- L-istadju tal-investigazzjoni: il-parti ta’ prosekuzzjoni kriminali minn meta tibda sakemm titressaq akkuża jew l-investigazzjoni tiġi konkluża b’xi mod ieħor.
2. Diskussjoni preliminari tal-akkuża
Matul id-diskussjoni preliminari tal-akkuża, il-qorti teżamina jekk il-każ ġiex iċċarat kif xieraq matul il-proċedimenti preparatorji u jekk l-akkuża tipprovdix bażi adegwata għal proċedimenti ulterjuri. Hija tiddetermina wkoll jekk tkunx kompetenti li tiddeċiedi l-każ.
3. Il-proċess innifsu
Din hija l-aktar parti importanti tal-proċeduri kriminali. Il-provi jiġu eżaminati u tittieħed deċiżjoni fil-każ. Matul dan l-istadju tal-proċeduri kriminali, l-imputat(i) u kwalunkwe xhud u l-parti leża jew partijiet leżi jiġu interrogati fil-qorti. Il-proċess huwa pubbliku u orali, u jsir biċ-Ċek. Jekk ma titkellimx biċ-Ċek, tkun intitolat għal interpretu.
4. Proċedimenti ta’ appell
L-imputat, il-familja tiegħu, avukat, prosekutur pubbliku jew il-parti leża għandhom id-dritt li jappellaw fi żmien tmint ijiem. Jekk jiġi ppreżentat appell, il-qorti tal-appell tirrieżamina d-deċiżjoni mogħtija mill-qorti tal-ewwel istanza
Ir-Rwol tal-Kummissjoni Ewropea
Għandek tkun taf li l-Kummissjoni Ewropea ma għandha l-ebda rwol fil-proċedimenti kriminali fl-Istati Membri u ma tistax tgħinek jekk għandek ilment. F’dawn l-iskedi informattivi għandek issib informazzjoni dwar kif tressaq ilment u lil min tindirizzah.
Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt sabiex issib it-tagħrif li teħtieġ
1 – Id-drittijiet tiegħi matul l-investigazzjoni
2 – Id-drittijiet tiegħi matul il-proċedimenti ġudizzjarji
3 – Id-drittijiet tiegħi wara l-proċedimenti ġudizzjarji
Links relatati
Il-Ministeru tal-Ġustizzja Ċek
Il-Ministeru tal-Affarijiet Interni Ċek
L-Assoċjazzjoni tal-Avukati Ċeki
Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.