Fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, il-proċeduri u l-proċedimenti pendenti mibdija fi tmiem il-perjodu ta’ tranżizzjoni se jkomplu skont il-liġi tal-UE. Il-Portal tal-e-Ġustizzja, abbażi tal-ftehim reċiproku mar-Renju Unit, se jżomm l-informazzjoni rilevanti marbuta mar-Renju Unit sa tmiem l-2024.

Imputati (proċeduri kriminali)

L-Ingilterra u Wales

Il-kontenut ipprovdut minn
L-Ingilterra u Wales

Fejn isir il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-kawżi kriminali kollha jibdew fil-Qorti tal-Maġistrati. Imbagħad hemm tliet possibbiltajiet li bihom tista' tipproċedi l-kawża.

Għal reati minuri l-proċess sħiħ għandu jitmexxa fil-Qorti tal-Maġistrati jew minn tliet maġistrati lajċi jew minn Imħallef Distrettwali.

Għal reati iktar serji l-proċess jista’ jitmexxa fil-Qorti tal-Maġistrati jew fil-Crown Court (il-Qorti tal-Appell għal Proċessi Penali) minn imħallef u ġurija ta’ 12-il persuna.

Il-maġistrati jew l-Imħallef Distrettwali jikkunsidraw liema tip ta’ proċess huwa l-iżjed adattat fil-kawża tiegħek wara li jisimgħu lill-avukat tiegħek jagħmel rappreżentazzjonijiet f’ismek. Jekk ikun adattat il-proċess jitmexxa fil-Qorti tal-Maġistrati, u jekk le jew jekk inti tinsisti fuq proċess fil-Crown Court dan jiġi ttrasferit lejn dik il-qorti. Il-proċessi kollha tal-adulti jsiru fil-pubbliku.

Jekk inti taħt it-18-il sena, sakemm ir-reat li int akkużat bih mhuwiex wieħed serju ħafna, il-proċess jinstema’ f’qorti tal-minorenni minn imħallef jew minn tliet maġistrati mħarrġa speċifikament għal hekk. Il-pubbliku ma jkunx ammess.

L-akkużi jistgħu jinbidlu matul il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

L-akkużi jistgħu jinbidlu f'seduta preliminari iżda ġeneralment mhux meta l-qorti tkun bdiet tisma' x-xhieda. Akkużi inqas serji għandhom jitressqu fi żmien sitt xhur mir-reat. Tista' tiddikjara ruħek ħati għal xi akkużi jew għalI-akkużi kollha. Il-prosekutur jista’ jaqbel li jaċċetta l-istqarrija ta’ ħtija tiegħek għal delitt inqas serju minn dak li tkun ġejt akkużat bih primarjament.

Għandi nkun preżenti għall-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Huwa reat kriminali li ma tattendix il-qorti meta meħtieġ. Barra minn hekk il-kawża tista’ tibqa' għaddejja meta inti ma tkunx preżenti. Għal reati minuri, huwa ħafna drabi possibbli li tkun preżenti permezz ta’ avukat, jew li tiddikjara ruħek ħati bil-posta, jew li tippermetti li l-proċess quddiem il-qorti kriminali jipproċedi fin-nuqqas tiegħek. Fil-Crown Court, il-proċess quddiem il-qorti kriminali ġeneralment ma jistax isir mingħajr il-preżenza tiegħek. Madankollu, jekk inti tfixkel il-proċeduri jew taħrab, il-proċess jista’ jkompli mingħajrek. Li tonqos li tidher (mingħajr raġuni valida) huwa reat kriminali.

Nista’ nipparteċipa fi proċess permezz ta’ kollegament bil-vidjow?

Normalment dan mhuwiex possibbli, għalkemm għal xi seduti tista' tkun preżenti mill-ħabs jew mill-għassa tal-pulizija permezz ta' kollegament bil-vidjow. Il-maġistrati jew l-imħallef u l-prosekutur ikunu fil-qorti. Il-konsulent legali tiegħek jista’ jkun fl-għassa tal-pulizija jew fil-qorti u jkun jista' jarak u jisimgħek fuq il-kollegament bil-vidjow.

Ikolli interpretu jekk ma nifhimx dak li jkun qed jiġri?

Jekk ma tifhimx bl-Ingliż il-qorti tipprovdilek interpretu.

Ikolli avukat?

Ġeneralment, m’hemmx għalfejn ikollok avukat miegħek fil-qorti iżda inti mogħti l-parir siewi li jkollok wieħed. F'ċerti proċessi quddiem il-qorti kriminali għandu jkollok avukat, bħal kawżi ta' stupru jew dawk fejn ikun hemm xhieda ta’ età żgħira.

Nista’ nbiddel l-avukat tiegħi?

Iva, ara l-Iskeda Informattiva 1.

Għandi nixhed fil-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Tista’ tixhed fil-proċess quddiem il-qorti kriminali iżda ma tistax tiġi mġiegħel tagħmel dan. L-avukat tiegħek għandu jagħtik parir jekk għandekx tixhed jew le. In-nuqqas tiegħek li tixhed mingħajr raġuni valida jista’ jinżamm kontrik, iżda ma tistax tiġi kkundannat biss għaliex bqajt sieket tul il-proċess quddiem il-qorti kriminali.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-evidenza kontrija?

Jekk taqbel, l-evidenza tista’ tinqara jew tinġabar fil-qosor. Jekk inti tikkontesta l-evidenza, hemmhekk ix-xhud normalment ikollu jattendi fil-qorti biex jagħti x-xhieda tiegħu, sabiex inti tkun tista' tikkontestaha billi tagħmel il-mistoqsijiet. Jekk il-prosekutur juża dokumenti bħala evidenza kontrik, hu għandu jgħid lill-avukat tiegħek qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali. L-avukat tiegħek jista' jikkontesta d-dokument. Kull xhud li jixhed kontrik jista’ jiġi interrogat mill-avukat tiegħek biex ir-rakkont tagħhom jiġi kkontestat.

Nista’ nipproduċi evidenza għan-nom tiegħi?

Iva. L-evidenza tista’ tkun f'għamla ta' dokumenti jew ta' evidenza fiżika. Tista’ titlob ukoll lix-xhieda biex jixhdu għalik, u l-imħallef jista’ jġiegħlhom jiġu l-qorti. L-avukat u l-prosekutur tiegħek isaqsuhom xi mistoqsijiet.

Tista’ titqies informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali l-prosekutur jiġbor informazzjoni dwar il-kondotta tiegħek. Din tista’ tinkludi kundanni f’pajjiżi oħra. F’ċerti sitwazzjonijiet l-informazzjoni tiġi żvelata fil-qorti, iżda l-avukat tiegħek ikun jista’ jikkontesta jekk dak ikollux iseħħ jew le. Anke jekk il-kondotta tiegħek titqies mill-qorti, int ma għandekx tiġi kkundannat sempliċiment minħabba li għandek kondotta maħmuġa.

X’jiġri fl-aħħar tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Wara li tkun ingħatat l-evidenza kollha, tittieħed id-deċiżjoni (“verdett”) dwar jekk intix ħati jew le. Fil-Qorti tal-Maġistrati, il-maġistrati jiddeċiedu dwar il-verdett. Fil-Crown Court il-ġurija weħidha tiddeċiedi l-verdett. Jekk il-verdett ma jkunx ta’ ħtija (inti tiġi “lliberat”), il-kawża tiġi fi tmiemha. Jekk ma jkun hemm l-ebda akkużi oħra inti tkun liberu titlaq mill-qorti. Jekk il-verdett ikun ta’ ħtija (inti “ikkundannat”), l-avukati mbagħad jagħmlu preżentazzjonijiet dwar is-sentenza. Jista’ jkun hemm seduta separata fil-qorti għall-għoti tas-sentenza.

X’tip ta' sentenza nista' nirċievi?

Is-sentenza tkun tiddependi fuq kemm ikun serju id-delitt. Il-qorti ssegwi l-linji gwida nazzjonali.  Għal kull reat hemm sentenza massima; għal xi uħud hemm ukoll sentenzi minimi.

Aktar informazzjoni dwar x'sentenzi jistgħu jingħataw tista' tinstab hawnhekk. Dawn jinkludu:

  • Priġunerija.  Din tista’ tkun għal terminu indeterminat jew għal terminu fiss. Il-qorti tispjega kemm żmien x’aktarx iddum fil-ħabs. Sentenzi ta’ inqas minn 12-il xahar jistgħu jiġu sospiżi (jitwettqu fil-komunità, b'kondizzjonijiet fissi).  Iż-żmien li tkun diġà għaddejt fil-ħabs tistenna l-proċess quddiem il-qorti kriminali ġeneralment ikun jgħodd mas-sentenza
  • ordnijiet komunitarji (li jistgħu jinvolvu diversi kondizzjonijiet bħal xogħol mingħajr ħlas fil-komunità lokali)
  • multa (penali monetarja)
  • kumpens (flus imħallsin lill-vittma)
  • deportazzjoni (ritorn lura f'pajjiżek, li jseħħ biss f'każ ta' delitt serju)
  • skwalifika (pereżempju, mis-sewqan).

X’inhu r-rwol tal-vittma matul il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-vittma mhijiex parti għall-proċeduri, iżda tista’ tixhed fil-proċess tiegħek. Fl-għoti tas-sentenza kontrik l-imħallef jikkunsidra l-istqarrija tal-vittma dwar l-impatt tad-delitt. L-imħallef ma jistax jagħti riżarċiment għal ħsarat ċivili kontrik iżda jista' joħroġ b'sentenza ta' ordni ta’ kumpens. Huwa possibbli li l-vittma ġġib prosekuzzjoni privata kontrik.

Links relatati

Kif titressaq il-Qorti

Il-proċess fil-qorti

Kif tidher permezz ta’ kollegament dirett

Linji gwida dwar l-għoti ta’ sentenzi

Linja ta’ assistenza għall-familjari ta’ persuni fil-ħabs

Il-ħajja fil-ħabs

Att tal-1933 dwar it-Tfal u l-Minorenni (kif emendat)

Att tal-1980 dwar il-Qrati tal-Maġistrati (kif emendat)

Att tal-1994 dwar il-Ġustizzja Kriminali u l-Ordni Pubblika (kif emendat)

Att tal-1996 dwar il-Proċedura u l-Investigazzjonijiet Kriminali (kif emendat)

Att tal-1998 dwar il-Kriminalità u d-Diżordni (kif emendat)

Att tas-sena 2000 dwar is-Setgħat tal-Qrati Kriminali (l-għoti tas-Sentenzi) (kif emendat)

Att tal-2003 dwar il-Ġustizzja Kriminali (kif emendat)

Att tal-2007 dwar il-Fruntieri tar-Renju Unit (kif emendat)

Att tal-2008 dwar il-Ġustizzja Kriminali u l-Immigrazzjoni (kif emendat)

Att tal-2009 dwar il-Coroners u l-Ġustizzja (kif emendat)

L-aħħar aġġornament: 01/12/2016

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.