Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna l-Estonjan ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Estonja

Il-kontenut ipprovdut minn
Estonja

Kif jiġu ttrattati r-reati minuri tat-traffiku?

Il-piena meta wieħed jaqbeż il-limitu tal-veloċità kif ukoll meta jikser regoli dwar il-parkeġġ u regoli oħrajn tat-traffiku tiġi imposta fi proċedimenti ta' infrazzjoni.

Il-proċedura tar-reati minuri titwettaq mill-pulizija jew fil-post fejn ġie skopert ir-reat jew fl-għassa tal-pulizija.

Ma hemm l-ebda obbligu li inti tingħata l-piena fil-post. Minflok tista’ tinħariġlek twissija, jew tista’ tiġilek imposta ammenda (ta' sa EUR 15). Tista’ wkoll tittieħed deċiżjoni fil-proċedura mħaffa fil-post u tkun imposta ammenda ta' sa EUR 400. Il-proċedura fil-post tista’ titwettaq biss bil-kunsens tiegħek. Reġistrazzjonijiet awdjo jew vidjo jistgħu jsiru minn dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna rigward ir-reat.

Jekk inti taqbeż il-limitu tal-veloċità u tinqabad minn kamera tal-veloċità, tista’ tiġi imposta ammenda fuq is-sid jew fuq l-utent irreġistrat tal-vettura. L-ammenda massima hija ta’ EUR 190. L-avviż tal-infrazzjoni jintbagħtlek bil-posta. Jekk inti ma taqbilx mal-avviż tal-infrazzjoni, għandek id-dritt li tikkontestah fi żmien 30 jum minn meta tirċevih. Il-kontestazzjoni għandha ssir fl-għassa tal-pulizija li tkun bagħtitlek l-avviż tal-infrazzjoni. Jekk il-persuna fiżika responsabbli għal vettura tikkontesta l-impożizzjoni ta' ammenda minħabba li l-vettura kienet użata minn xi ħadd ieħor, hi trid tiddikjara fil-kontestazzjoni l-isem u l-kunjom tal-persuna li kienet qed tuża l-karozza fil-ħin imniżżel fl-avviż tal-infrazzjoni, kif ukoll l-indirizz, in-numru tal-liċenjza tas-sewqan u d-data tat-twelid jew in-numru tal-ID personali ta' dik il-persuna.

Jekk inti ma taqbilx mal-fehmiet tal-pulizija dwar l-allegat reat, inti għandek id-dritt li toġġezzjona għall-proċedura fil-post. F’dak il-każ il-pulizija se tipprepara d-dokumenti dwar ir-reat fil-post, imma l-kastig ma jiġix impost immedjatament.

Id-dokumenti jiġu mgħoddija lill-għassa tal-pulizija li l-uffiċjali tagħha jridu jiġbru l-evidenza dwar ir-reat. Jekk isirulek xi mistoqsijiet, inti għandek id-dritt li tibqa’ sieket. Inti għandek id-dritt li jkollok avukat u interpretu preżenti. Inti għandek id-dritt li teżamina l-materjal miġbur waqt il-proċedimenti ta’ infrazzjoni u għandek id-dritt li toġġezzjona għall-akkużi.

Inti tista’ tressaq l-oġġezzjonijiet tiegħek fi żmien 15-il jum minn meta tirċievi r-rapport tal-infrazzjoni. Inti tkun informat dwar meta tkun tista’ tikseb kopja tad-deċiżjoni meħuda dwar l-infrazzjoni mill-għassa tal-pulizija. Sabiex tikseb kopja, inti jew l-avukat tiegħek tridu tmorru l-għassa tal-pulizija. Ma tintbagħatx bil-posta.

Ir-reati tat-traffiku jistgħu jingħataw piena massima ta’ ammenda ta’ EUR 1 200. Għal reat tat-traffiku serju, inti tista’ tiġi detenut għal perjodu li ma jaqbiżx it-30 jum. Deċiżjoni ta' detenzjoni tista’ tittieħed biss minn qorti. Tista’ wkoll tiġi pprojbit milli ssuq sa sentejn.

Jekk ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-pulizija, inti għandek id-dritt li tressaq rikors quddiem il-qorti tal-kontea. Ir-rikors trid tressqu fi żmien 15-il jum mid-data meta d-deċiżjoni saret disponibbli għall-ewwel darba.

Iċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea jistgħu jingħataw huma wkoll piena għal reati tat-traffiku.

Ir-reati minuri jidhru fil-fedina penali tiegħi?

Il-kastigi għal reati tat-traffiku jitniżżlu fir-reġistru tal-pieni, ħlief għall-informazzjoni dwar l-ammendi. Informazzjoni fuq reatititħassar mir-reġistru u tinżamm fl-arkivju sa sena wara li titħallas l-ammenda imposta għall-infrazzjoni, tiġi servuta s-sentenza ta' detenzjoni, jitwettaq is-servizz lill-komunità jew bħala sanzjoni ewlenija tingħata is-sospensjoni tal-liċenzja tas-sewqan;

Links relatati

L-Att dwar it-Traffiku

L-Att dwar it-Traffiku bl-Ingliż (ma jinkludix l-emendi kollha)

Il-Kodiċi ta’ Proċedura tar-Reati Minuri

Il-Kodiċi ta’ Proċedura tar-Reati Minuri bl-Ingliż (ma jinkudix l-emendi kollha)

L-aħħar aġġornament: 01/10/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.