Jekk jogħġbok innota li l-verżjoni bil-lingwa oriġinali ta' din il-paġna il-Finlandiż ġiet emendata reċentement. Il-verżjoni tal-lingwa li qed tara bħalissa attwalment qed tiġi ppreparata mit-tradutturi tagħna.
Swipe to change

Imputati (proċeduri kriminali)

Finlandja

Il-kontenut ipprovdut minn
Finlandja

Fejn isir il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-proċessi kriminali normalment isiru f’qorti ġenerali tal-prim’istanza. Dawn jissejħu Qrati Distrettwali. Ġeneralment, l-kawża tinstema' mill-qorti taż-żona fejn twettaq l-allegat delitt. Il-proċessi quddiem il-qorti kriminali normalment ikunu pubbliċi. Dan ifisser li kulħadd jista’ jkun preżenti waqt il-proċess tiegħek quddiem il-qorti kriminali. Madankollu, il-qorti tista’ tordna li ċerti kawżi, bħal kwistjonijiet relatati ma’ delitti sesswali, jinstemgħu b’mod sħiħ jew parzjali wara bibien magħluqa. L-istess jista’ jiġri jekk inti jkollok inqas minn 18-il sena meta tiffaċċja l-akkużi.

Il-kompożizzjoni tal-qorti tiddependi min-natura tal-kawża. Il-kawża tiegħek tista’ tinstema’ minn imħallef wieħed, minn imħallef wieħed u minn tliet imħallfin lajċi, minn żewġ imħallfin u minn tlieta jew erba’ mħallfin lajċi jew minn tliet imħallfin. Ġeneralment, il-kompożizzjoni tiddependi minn kemm ikun serju d-delitt.

Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Normalment, kap ta' akkuża ma jistax jinbidel wara l-preżentata. Madankollu, il-prosekutur jista’ jestendi l-kap ta' akkuża biex ikopri att ieħor jekk il-qorti tkun tal-opinjoni li dan huwa xieraq fid-dawl tal-provi li ġew ippreżentati.

Jekk il-prosekutur jirrestrinġi l-kap ta' akkuża, jew jirreferi għal provvediment ġdid tal-liġi li ma ssemmiex fiċ-ċitazzjoni, jew jippreżenta fatt ġdid sabiex isostni l-kap ta' akkuża ma jfissirx li l-kap ta' akkuża jkun tbiddel.

Jekk waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali tiddikjara li inti ħati tal-kapi kollha ta' akkuża jew ta’ wħud minnhom, il-qorti jista’ jkun li ma jkollhiex għalfejn tisma’ daqstant provi. Fi kwistjonijiet kriminali sempliċi, l-istqarrija ta’ ħtija tal-imputat ġeneralment tkun suffiċjenti għal sentenza. Madankollu, iktar ma jkun serju d-delitt, iktar ikunu meħtieġa provi minbarra stqarrija ta’ ħtija.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti dejjem għandek id-dritt li tkun preżenti waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali, sakemm il-kawża tiegħek ma tiġix deċiża fl-uffiċċju tal-imħallef permezz ta’ proċedura bil-miktub. F’dan il-każ, inti tista’ tingħata sentenza massima ta’ disa’ xhur priġunerija. Madankollu, jekk is-sentenza tkun ta’ iktar minn sitt xhur priġunerija, il-qorti trid tħallik tippreżenta dikjarazzjoni orali.

Għal uħud mir-reati minuri, inti tista’ tiġi kkundannat anki jekk ma tkunx preżenti. F’dan il-każ, is-sentenza tista’ tkun multa jew mhux iktar minn tliet xhur priġunerija u multa li ma taqbiżx EUR 10 000.

Jekk inti tiġi mħarrek biex tidher personalment għall-proċess quddiem il-qorti kriminali, inti trid tkun preżenti matul il-proċess kollu quddiem il-qorti kriminali, sakemm il-qorti ma tħallikx titlaq. Jekk tkun teħtieġ interpetu, għandu jinstablek wieħed. Għal iktar informazzjoni dwar id-drittijiet lingwistiċi tiegħek, ara l-Iskeda Informattiva 2.

Inti għandek id-dritt li tmexxi d-difiża tiegħek waħdek. Inti għandek ukoll id-dritt li tuża avukat. Jekk tmur għall-proċess quddiem il-qorti kriminali mingħajr avukat u l-qorti tinduna li inti ma intix kapaċi tiddefendi ruħek, il-qorti tista’ tagħti ordni biex xi avukat ikun l-avukat difensur tiegħek, anki kontra r-rieda tiegħek. Bi prinċipju, għandek id-dritt li tbiddel lill-avukat tiegħek fi kwalunkwe ħin.

Inti għandek id-dritt, imma mhux id-dmir, li titkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Bħala imputat, m'intix obbligat li tgħin lill-qorti biex tiġi ddeterminata l-ħtija tiegħek. Jekk inti trid tinstema’ waqt il-kawża, inti m'intix obbligat tgħid il-verità, ħlief dwar id-dettalji personali u l-introjtu tiegħek. Il-qorti se tqabbel ir-rendikont tiegħek mar-rendikonti ta’ persuni oħrajn li nstemgħu waqt il-kawża u mal-provi, u mbagħad se tikkunsidra kemm huwa affidabbli r-rendikont tiegħek.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi kontra tiegħi?

Inti għandek id-dritt li tistudja l-provi jekk dan ma jagħmilx ħsara lill-investigazzjoni kriminali. Bi prinċipju, fil-qorti tista’ tintuża kwalunkwe prova kontra tiegħek. Madankollu, il-qorti għandha d-dritt li tirrestrinġi l-preżentata tal-provi jew is-smigħ tax-xhieda li jidher ċar li ma jistgħux jaffettwaw is-sentenza.

Inti għandek ukoll id-dritt li tippreżenta provi jew li tressaq ix-xhieda tiegħek. Inti għandek issib u tippreżenta provi jew xhieda bħal dawn mill-iktar fis possibbli, imma inti tista’ tippreżentahom għall-ewwel darba fis-smigħ prinċipali jew anki waqt l-appell. Madankollu, jekk inti tippreżenta xhieda jew provi ġodda tard ħafna fil-proċedura, il-qorti jista’ jkollha xi dubji dwar kemm ikunu importanti meta tikkunsidra l-ħtija tiegħek.

Inti u l-avukat tiegħek għandkom id-dritt li tagħmlu mistoqsijiet lix-xhieda kollha fil-kawża. Jekk inti tuża avukat, ġeneralment se jkun huwa li jagħmel il-mistoqsijiet f’ismek fil-qorti.

Il-qrati Finlandiżi għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni rigward il-provi. Dan ifisser li l-qorti tiddeċiedi l-importanza ta’ kull element ta’ prova jew ta’ kull xhud.

Tiġi kkunsidrata l-informazzjoni fil-kondotta tiegħi?

Jekk inti għandek kondotta ħażina fil-Finlandja, din tiġi kkunsidrata meta tkun se tiġi deċiża s-sentenza. Kondotta ħażina tista’ jista' jkollha effett fuq is-sentenza tiegħek, jiġifieri jekk tkunx priġunerija bla kundizzjonijiet jew kundizzjonata. Barra minn hekk, is-sentenza tiegħek tista' tkun iktar iebsa jekk il-qorti taħseb li d-delitti preċedenti tiegħek juru li inti ma tirrispettax il-liġi.

Sentenza preċedenti fil-Finlandja tista’ anki tagħmel is-sentenza tiegħek inqas iebsa jekk il-kap ta' akkuża li qed jinstema’ issa seta’ nstema’ flimkien mal-kapi ta' akkuża preċedenti. Il-qorti tista’ anki tikkunsidra sentenza ta’ ħabs inkundizzjonali u ta’ servizz fil-komunità fi Stat Membru ieħor sabiex taġġusta s-sentenza.

X’jiġri fi tmiem il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jintemm bis-sentenza, li tingħata jew dak inhar stess jew inkella f’jum sussegwenti fl-uffiċċju tal-imħallef. Is-sentenza tista’ ssibek ħati tad-delitti kollha msemmija fil-kap ta' akkuża jew ta’ wħud minnhom jew il-kapi ta' akkużi jistgħu jiġu miċħuda.

Jekk il-qorti ssibek ħati, tista’ tingħata s-sentenzi li ġejjin:

Priġunerija bla kundizzjonijiet

Il-priġunerija bla kundizzjonijiet tista’ tvarja minn 14-il jum sa sentenza ta’ għomor il-ħabs. Jekk is-sentenza tkun ta’ iktar minn sentejn ħabs, din dejjem tkun bla kundizzjonijiet.

Priġunerija sospiża

Sentenza ta’ mhux iktar minn sentejn ħabs tista’ tiġi sospiża jekk il-qorti tiddeċiedi li dan ikun xieraq. Inti tista’ anki tiġi kkundannat tħallas multa flimkien ma’ sentenza ħabs sospiża jew, jekk il-priġunerija kundizzjonata tkun ta’ iktar minn sena, għal servizz ta’ 20-90 siegħa fil-komunità.

Sentenza ta’ ħabs sospiża dejjem tmur flimkien ma’ perjodu ta’ probation ta’ mill-inqas sena u ta’ mhux iktar minn tliet snin. Jekk inti ma twettaqx delitti ġodda matul dan il-perjodu, is-sentenza ta’ ħabs tiegħek ma tiġix eżegwita. Jekk inti twettaq delitt ieħor matul dan il-perjodu u tingħata sentenza ta’ priġunerija bla kundizzjonijiet minħabba f’hekk, il-qorti tista’ tordna li s-sentenza sospiża tiegħek tiġi eżegwita wkoll.

Servizz fil-komunità

Sentenza ta’ ħabs bla kundizzjonijiet sa tmien xhur tista’ tiġi kkonvertita f’servizz fil-komunità. Dan ġeneralment jeżiġi li inti jkollok domiċilju fil-Finlandja. Is-servizz fil-komunità jista’ ma jkunx possibbli jekk inti jkollok sentenzi preċedenti ta’ priġunerija bla kundizzjonijiet jew ta’ servizz fil-komunità.

Pieni għall-minorenni

Jekk inti għandek inqas minn 18-il sena u twettaq delitt, inti tista’ tingħata sentenza ta’ piena għall-minorenni. Din hija piena speċjali għal żgħażagħ li jwettqu delitt. Hija iktar iebsa minn multa imma mhux daqshekk ħarxa daqs priġunerija bla kundizzjonijeit.

Multa

Għal reati minuri, inti tista’ tingħata sentenza ta’ multa. Il-multi jiġu imposti bħala unitajiet ta’ multi. In-numru minimu ta’ unitajiet huwa ta’ wieħed u dak massimu huwa ta’ 120. Jekk inti tingħata sentenza ta’ multa għal diversi delitti fl-istess ħin, in-numru massimu jista’ jkun ikbar.

L-ammont ta’ unità waħda ta’ multa jiddependi fuq l-introjtu tiegħek fi żmien il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Bħalissa, l-iċken unità ta’ multa hija EUR 6.

Jekk inti ma tħallasx il-multa imposta mill-qorti, din se tiġi kkonvertita fi priġunerija. Tliet unitajiet ta’ multa mhux imħallsin jikkorrispondu għal jum wieħed ta’ priġunerija.

X’inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Fil-Finlandja, ir-rwol tal-vittma, jew tal-parti leża huwa pjuttost b’saħħtu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali. Il-parti leża tista’ tingħaqad fil-kap ta' akkuża ppreżentat mill-prosekutur jew tippreżenta kap ta' akkuża differenti. Il-vittma jkollha wkoll id-dritt li tippreżenta kapi ta' akkuża jekk il-prosekutur jiddeċiedi li jirrinunzja għall-akkużi. Barra minn hekk, il-parti leża tista’ titlob kumpens mingħand il-persuna li qed tkun issuspettata li wettqet id-delitt.

Ġeneralment waqt l-investigazzjoni kriminali il-parti leża tintalab jekk hijiex se titlob piena għall-persuna ssuspettata u/jew kumpens għad-delitt. Hija tista’ wkoll tippreżenta t-talbiet tagħha waqt is-smigħ prinċipali.

Links relatati

L-Att dwar il-Pubbliċità tal-Proċedimenti tal-Qrati fil-Qrati Ġenerali (bl-Ingliż) u bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

L-Att dwar il-Proċedura Kriminali (bl-Ingliż) u bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Il-Kodiċi Kriminali (bl-Ingliż) u bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Fuljett tal-Ministeru tal-Ġustizzja dwar il-proċedimenti kriminali fil-qrati distrettwali (bl-Isvediż)

Fuljett tal-Ministeru tal-Ġustizzja għall-vittmi tad-delitti

Il-Kodiċi ta’ Proċedura Ġudizzjarja, u bl-Isvediż (traduzzjoni mhux uffiċjali)

Iċ-Ċentru tar-Reġistru Legali

L-aħħar aġġornament: 15/01/2020

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.