Imputati (proċeduri kriminali)

Franza

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Nista’ nappella?

F’każ ta’ kontravenzjoni, tista’ tappella kontra ċerti sentenzi tat-Tribunal tal-Pulizija (tribunal de Police) u tal-Qorti Distrettwali (la juridiction de proximité) fi żmien għaxart (10) ijiem minn meta jingħataw, quddiem il-Qorti tal-Appelli Kriminali.

F’każi penali, tista’ tappella kontra s-sentenza tal-Qorti Kriminali fi żmien għaxart (10) ijiem minn meta tingħata, quddiem il-Qorti tal-Appelli Kriminali.

F’każi kriminali, tista’ tappella kontra d-deċiżjoni ta’ kundanna tal- Cour d’Assises fi żmien għaxart (10) ijiem minn meta tingħata, quddiem Cour d’Assises oħra.

Tista’ tappella kemm kontra sentenzi mogħtija fuq azzjoni pubblika (piena) kif ukoll kontra sentenzi mogħtija fuq azzjoni ċivili (danni u interessi mogħtija lill-vittma).

Tista’ wkoll tressaq appell ta’ kassazzjoni kontra sentenzi mogħtija fl-appell u sentenzi mogħtija fl-aħħar istanza, quddiem l-Awla Kriminali tal-Qorti ta’ Kassazzjoni, fi żmien ħamest ijiem sħaħ wara li tkun ingħatat id-deċiżjoni kkontestata.

Il-Qorti ta’ Kassazzjoni, bħala qorti suprema, tagħti d-deċiżjoni tagħha fi żmien determinat dwar l-ammissibbiltà tar-rikors ; jekk ir-rikors jitqies ammissibbli, il-Qorti ta’ Kassazzjoni tagħti d-deċiżjoni tagħha biss dwar l-applikazzjoni tal-liġi u ma tidħolx fil-merti tal-kwistjoni.

Il-preżentata ta’ appell jew ta’ rikors trid issir fir-reġistru tal-Qorti li tkun tat id-deċiżjoni kkontestata jew lill-kap tal-faċilità korrettiva jekk tkun detenut.

Fil-każijiet kollha, bilfors trid tiffirma l-preżentata.

X’jiġri meta nappella?

Matul ir-rikors u waqt l-istanza tal-appell, jew matul il-perjodu tar-rikors u waqt l-istanza ta’ kassazzjoni, fil-prinċipju, l-eżekuzzjoni tas-sentenza kkontestata tkun sospiża.

Madanakollu, jekk ġejt ikkundannat għal piena li ċċaħħad il-libertà u mbagħad ġejt miżmum f’detenzjoni, ir-rikors magħmul kontra d-deċiżjoni kkontestata ma għandux l-effett li jtemm id-detenzjoni matul l-istennija tad-deċiżjoni l-ġdida.

Mill-ġurnata li fiha tiġi rreġistrata l-preżentata tal-appell jew tar-rikors mill-Qorti inkwistjoni, is-smigħ irid isir fi żmien “raġonevoli”.

X’jiġri fis-smigħ ta’ appell jew ta’ kassazzjoni?

Peress li l-proċedura kriminali hija waħda verbali, ikollok il-possibbiltà li tippreżenta u tiżviluppa metodi u elementi ta’ provi ġodda matul is-smigħ tal-appell, li jkunu soġġetti għal dibattitu mill-partijiet kollha.

Il-Qorti tal-Appelli Penali jew il-Cour d’Assises li jridu jiddeċiedu dwar l-appell jistgħu kemm jikkonfermaw id-deċiżjoni kif ukoll jannullawha.

F’ċerti sitwazzjonijiet biss, b’mod partikolari f’dawk fejn il-Ministeru Pubbliku seta’ jippreżenta appell prinċipali jew inċidentali, tkun tista’ tappella sabiex il-piena inizjali mogħtija tkun aktar severa kif ukoll biex ikun hemm żieda fil-kumpens mitlub mill-parti ċivili (il-vittma) għad-danni.

Il-Qorti ta’ Kassazzjoni li tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-liġi tista’ tannulla u trendi d-deċiżjoni kkontestata ineffettiva kemm permezz tar-rinviju tal-partijiet quddiem il-Qorti tal-Appell kif ukoll mingħajru.

Sentenza qatt ma tkun definittiva qabel ma jkun skada l-perjodu li fih wieħed ikun għadu jista’ jagħmel appell.

Jekk fi tmiem l-appell kontra d-deċiżjoni inizjali ta’ kundanna, jiġi deċiż li inti għandek tkun illiberat permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Appell li saret definittiva, tista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, titlob kumpens sħiħ għall-ħsara materjali u morali kkawżata minn din id-detenzjoni “arbitrarja”.

Int tkun infurmat bid-dritt li tikseb kumpens meta tiġi nnotifikata s-sentenza ta’ rilaxx jew ta’ liberazzjoni.

Sabiex tagħmel dan, għandek żmien 6 xhur minn meta tiġi nnotifikata d-deċiżjoni ta’ rilaxx jew ta’ liberazzjoni biex tippreżenta appell, permezz ta’ rikors, quddiem l-Ewwel President tal-Qorti tal-Appell fil-Qorti fejn tkun ingħatat is-sentenza.

Dan tal-aħħar jiddeċiedi dwar it-talba għal kumpens permezz ta’ deċiżjoni motivata, li ssir wara smigħ pubbliku, u li matulu tkun tista’ titlob li tinstema’ personalment jew inkella permezz tal-avukat tiegħek.

Id-deċiżjoni tal-Ewwel President tal-Qorti tal-Appell tista’ tkun soġġetta għal rikors quddiem il-Kummissjoni Nazzjonali “ta’ kumpens għad-detenzjonijiet” (la Commission Nationale “de réparation des détentions” - CNR) fi żmien għaxart (10) ijiem minn meta tkun notifikata.

Il-CNR tiddeċiedi b’mod sovran u tagħti deċiżjoni li ma tistax tiġi appellata.

Il-kumpens li jingħata għandu jitħallas mill-Istat.

X’informazzjoni jkun hemm fil-kondotta?

Jekk fi tmiem l-appell jew ir-rikors ta’ kassazzjoni, tkun ikkundannat għal piena permezz ta’ deċiżjoni li saret definittiva, il-kundanna mogħtija tiddaħħal fil-kondotta tiegħek miżmuma mill-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-pajjiż tal-oriġini tiegħek.

Jien ċittadin ta’ Stat Membru. Nista’ nintbagħat lura wara l-proċess?

Skont il-Konvenzjoni dwar it-Trasferiment ta’ Persuni Kkundannati tal-21 ta’ Marzu 1983, it-trasferiment lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħek jista’ jintalab kemm minn dan il-pajjiż kif ukoll minn Franza, l-Istat li ħareġ il-kundanna.

Madanakollu, it-twettiq ta’ dan it-trasferiment jeħtieġ il-kunsens tiegħek minn qabel, permezz ta’ deċiżjoni ħielsa u infurmata, jiġifieri inti jkollok informazzjoni sħiħa u preċiża dwar il-konsegwenzi tat-trasferiment.

Barra minn hekk, personalment tista’ titlob trasferiment volontarju lejn il-pajjiż tal-oriġini tiegħek. Sabiex tintlaqa’ t-talba tiegħek, jeħtieġ li jiġu sodisfatti diversi kundizzjonijiet.

Jekk inkun ikkundannat, nista’ nerġa’ niġi ġġudikat għall-istess fatti?

Skont ir-regola “Non bis in idem” li tirregola d-dritt kriminali Franċiż, jekk ġejt iġġudikat u mbagħad ikkundannat permezz ta’ deċiżjoni li saret res judicata fi Stat Membru, la tista' tkun akkużat u lanqas ikkundannat għall-istess fatti, fi Stat Membru ieħor.

L-aħħar aġġornament: 06/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.