Imputati (proċeduri kriminali)

Franza

Dawn l-iskedi informattivi jispjegaw x’jiġri meta xi ħadd ikun suspettat jew akkużat b’reat indirizzat bi proċess quddiem qorti. Għal informazzjoni dwar ir-reati minuri bħall-ksur tar-regolamenti tat-traffiku li huma normalment sanzjonati b’piena fissa bħal multa, ara l-Iskeda Informattiva 5. Jekk inti vittma ta’ delitt, issib l-informazzjoni sħiħa dwar id-drittijiet tiegħek hawnhekk.

Il-kontenut ipprovdut minn
Franza

Introduzzjoni ġenerali

Hemm erba’ Qrati:

  • Il-Tribunal tal-Pulizija (tribunal de police)

Dan jiddeċiedi b’imħallef wieħed u jiġġudika prinċipalment il-kontravenzjonijiet tal-ħames klassi. L-appell isir quddiem il-Qorti tal-Appelli Kriminali iżda f’ċerti każijiet biss.

  • Il-Qorti Distrettwali (juridiction de proximité)

Tiddeċiedi b’imħallef wieħed. Tittratta l-kontravenzjonijiet tal-ewwel erba’ klassijiet.

L-appell huwa rregolat mill-istess regoli bħall-appell tas-sentenzi tal-Tribunal tal-Pulizija.

  • Il-Qorti Kriminali (tribunal correctionnel)

Ġeneralment hija kkostitwita minn tliet imħallfin u tittratta prinċipalment id-delitti.

Il-prosekuzzjonijiet jistgħu jsiru jew quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha jkun twettaq ir-reat, jew quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun tirresjedi l-persuna akkużata jew waħda minnhom, jew inkella quddiem il-qorti li fil-ġurisdizzjoni tagħha tkun ġiet arrestata l-persuna akkużata.

L-appelli tad-deċiżjonijiet tal-Prim’Istanza jitressqu quddiem il-Qorti tal-Appell, fi ħdan il-Qorti tal-Appelli Kriminali.

  • Il-Cour d’Assises

Hija kompetenti sabiex tiġġudika r-reati mwettqa minn persuni adulti li ma jeħtiġux qorti speċjalizzata.

Hija kkostitwita minn tliet maġistrati professjonali u minn disa’ ġurati magħżula bix-xorti minn fost iċ-ċittadini Franċiżi.

L-appelli tas-sentenzi ta’ kundanna, mill-prosekuzzjoni u mill-akkużati misjuba ħatja, huma possibbli quddiem Cour d’Assises kkostitwita minn tnax-il ġurat ċittadin u tliet maġistrati professjonali. L-akkużat u l-prokuratur ġenerali jistgħu jappellaw id-deċiżjoni mogħtija mill-Cour d’Assises, kemm jekk is-sentenza tkun ta’ kundanna kif ukoll jekk tkun ta’ liberazzjoni. Il-parti ċivili tista’ tappella biss fir-rigward tad-danni u l-interessi mogħtija mill-qorti.

Sommarju tal-proċedura kriminali

Hawn taħt għandek issib sommarju tal-istadji normali ta’ proċedura kriminali

L-inkjesta

Din titmexxa mill-pulizija jew mill-ġendarmerija, u l-għan tagħha huwa li tikkonstata t-twettiq ta’ ksur tal-liġi, li tiġbor il-provi u li tfittex lill-persuni responsabbli. Din issir taħt il-kontroll tal-prokuratur tar-Repubblika. Hija ssir b'mod sistematiku meta l-azzjoni pubblika titnieda mill-Ministeru pubbliku.

B’mod partikolari, jeżistu l-inkjesta in flagrante (inkjesta li tinfetaħ meta jkun se jseħħ reat jew meta jkun għadu kif seħħ) u l-inkjesta preliminari magħmula ex officio minn uffiċjal ġudizzjarju tal-pulizija jew fuq ordni tal-prokuratur tar-Repubblika.

Fil-każijiet kollha, l-inkjesta hi sigrieta u mhux kontradittorja.

L-investigazzjoni

L-inkjesta mmexxija mill-imħallef inkwirenti għandha l-għan li tiġbor il-provi ta’ twettiq ta’ ksur tal-liġi u li tfittex lill-persuni responsabbli. Hija tiddetermina jekk hemmx akkużi suffiċjenti biex l-awtur jitressaq quddiem il-qorti. Hija tiżgura li l-każ ikun fi stat li jista’ jiġi ġġudikat. Hija sigrieta iżda l-persuni li jagħmlu parti mill-proċedura għandhom aċċess għall-fajl u jistgħu jagħmlu talbiet għal investigazzjonijiet taħt ċerti kundizzjonijiet.

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali

Il-fażi tal-proċess quddiem il-qorti kriminali sseħħ fuq bażi ta' smigħ tal-partijiet waqt proċeduri pubbliċi u verbali. Id-deliberazzjoni tal-imħallfin twassal għal deċiżjoni, li tista’ tiġi appellata.

Tista' ssib id-dettalji dwar dawn l-istadji kollha tal-proċedura u fuq id-drittijiet tiegħek fl-iskedi informattivi. Din l-informazzjoni ma tistax tissostitwixxi l-parir ta’ avukat u għandha sservi biss bħala gwida.

Ir-rwol tal-Kummissjoni Ewropea

Jekk jogħġbok kun af li l-Kummissjoni Ewropea ma għandha l-ebda rwol fil-proċeduri kriminali fl-Istati Membri u ma tistax tassistik jekk għandek xi lment. Dawn l-iskedi informattivi jispjegaw kif għandek tressaq ilment u lil min għandek tindirizzah.

Ikklikkja fuq il-links ta’ hawn taħt biex issib l-informazzjoni li teħtieġ.

1 – Parir mingħand avukat

2 – Id-drittijiet tiegħi matul l-inkjesta

  • Id-drittijiet tiegħi matul l-arrest preventiv
  • Id-drittijiet tiegħi matul l-interrogazzjoni mal-ewwel dehra
  • L-istatus tal-persuna interrogata u ta’ xhud assistit minn avukat
  • L-għeluq tal-investigazzjoni ta' qabel il-proċess
  • Il-mandat ta’ arrest Ewropew
  • It-tħejjija tal-proċess mid-difiża

3 – Id-drittijiet tiegħi matul il-proċess

4 – Id-drittijiet tiegħi wara l-proċess

5 – Il-ksur tar-regolamenti tat-traffiku u reati minuri oħra

Links relatati

Id-Drittijiet Tiegħek

L-aħħar aġġornament: 06/12/2021

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.