Imputati (proċeduri kriminali)

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Il-proċedura preliminari

Min javżani biex nattendi l-qorti u kif isir dan?

L-Avukat tal-Prosekuzzjoni jikkompila l-att ta’ akkuża, jiffissa d-data għall-proċess quddiem il-qorti kriminali u jibgħat ċitazzjoni lill-imputat, lill-kwerelant u lix-xhieda mill-inqas 15-il jum qabel il-proċess quddiem il-qorti kriminali, jew 30 jum jekk huma jgħixu f’pajjiżi Ewropej oħrajn.

Il-proċedura waqt is-smigħ

Liema qorti se tisma’ l-kawża tiegħi?

Il-qrati kriminali prinċipali huma l-Qorti tal-Maġistrati għall-kontravenzjonijiet, il-Qorti tad-Delitti Minuri (Misdemeanour Court) għad-delitti minuri (misdemeanours) u l-Qorti tal-Appell Kriminali bi tliet membri jew il-Grand Jury Imħallta għad-delitti gravi (felonies). Bħala kwistjoni ta’ prinċipju, il-qorti kompetenti hija l-qorti lokali taż-żona fejn twettaq ir-reat.

Il-proċess quddiem il-qorti kriminali jkun pubbliku?

Iva, sakemm ma jistax ikun li l-pubbliċità ikollha effett avvers fuq il-morali pubbliċi jew ikun hemm raġunijiet biex tiġi protetta l-privatezza tal-partijiet fil-kawża.

Min jiddeċiedi l-kawża?

Id-deċiżjoni tittieħed mill-imħallfin fil-qrati inferjuri u minn taħlita ta’ mħallfin u ta’ ġurija fil-Grand Juries Imħalltin.

Il-kapi ta' akkuża jistgħu jinbidlu waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Huwa possibbli li kap ta' akkuża jiġi emendat għal wieħed simili. Hija l-qorti biss li tiddeċiedi dwar x’inhi d-definizzjoni legali xierqa tal-fatti li jikkostitwixxu s-suġġett tal-kawża, jew dwar l-iktar speċifikazzjoni preċiża tagħhom.

X’jiġri jekk niddikjara li jiena ħati ta’ wħud mill-akkużi jew tal-akkużi kollha waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Jekk inti tiddikjara li inti ħati ta’ ċerti akkużi, il-qorti tagħtik piena fuq il-bażi ta’ dawk l-ammissjonijiet. Inti tista’ tiġi ttrattat iktar bi ħniena meta tiġi imposta s-sentenza.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Bilfors irrid inkun preżenti waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Ma hemmx għalfejn tkun preżenti. Inti tista tiġi rappreżentat mill-avukat tiegħek, sakemm il-qorti ma tikkunsidrax li l-preżenza tiegħek tkun meħtieġa.

Jekk ngħix fi Stat Membru ieħor, nista’ nipparteċipa permezz ta’ konnessjoni bil-vidjo?

Inti ma tistax tagħmel dan għaliex dan il-metodu ta’ parteċipazzjoni għadu mhuwiex ipprovdut bil-liġi.

Jiena nkun preżenti għall-proċess quddiem il-qorti kriminali kollu?

Ma hemmx għalfejn. Inti tista’ tidher u mbagħad titlaq u tkompli tkun irrappreżentat mill-avukat tiegħek.

Ikolli interpretu għad-dispożizzjoni tiegħi jekk ma nifhimx dak li jkun għaddej?

Jekk ma tifhimx il-lingwa tal-qorti, il-qorti hija obbligata li taħtar interpretu.

Bilfors irid ikolli avukat? Ningħata avukat? Nista’ nbiddel l-avukat tiegħi?

Inti jrid ikollok avukat biss fil-każ ta’ delitti gravi (felonies) u meta tidher quddiem il-Qorti tal-Kassazzjoni. Jekk inti ma tistax taħtar wieħed, il-qorti hija obbligata taħtar wieħed għalik. Inti għandek id-dritt li tbiddel l-avukat tiegħek sakemm ma jkunx inħatar fis-sede tal-qrati superjuri mill-qorti nfisha (ex officio).

Nista’ nindirizza lill-qorti? Bilfors irrid nitkellem waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti tista’ titkellem, imma m'intix obbligat. Inti għandek id-dritt li tibqa’ sieket.

Xi jkunu l-konsegwenzi jekk ma ngħidx il-verità waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Inti għandek id-dritt li ma tgħidx il-verità. Mhuwiex reat kriminali li imputat jagħti rendikont falz tiegħu nnifsu.

X’inhuma d-drittijiet tiegħi fir-rigward tal-provi kontra tiegħi?

Nista’ nimpunja l-provi kontra tiegħi?

Inti tista’ u għandek id-dritt li tagħmel dan waqt id-difiża tiegħek jew billi tixhed inti stess, jew billi tipproduċi provi kuntrarji jew billi ssejjaħ ix-xhieda tiegħek.

X’tip ta’ provi nista’ nippreżenta quddiem il-qorti għad-difiża tiegħi?

Inti tista’ tipproduċi provi dokumentarji, xhieda mhux esperti u xhieda esperti.

F’liema ċirkustanzi nista’ nintroduċi provi bħal dawn?

Ma hemm l-ebda prekundizzjoni; inti tista’ tippreżenta provi lill-qorti mingħajr ma tkun innotifikajt lil ħadd.

Nista’ nqabbad investigatur privat biex jiġbor il-provi għalija? Provi bħal dawn ikunu ammissibbli?

Iva tista’ u l-provi jkunu ammissibbli sakemm ikunu nkisbu b’mod leġittimu.

Nista’ nħarrek lil xhieda għad-difiża tiegħi?

Inti tista’ tressaq kemm-il xhud trid u l-qorti trid tippermetti li jiġu eżaminati numru massimu ta’ xhieda tad-difiża daqskemm ikun hemm xhieda għall-prosekuzzjoni.

Nista’ jiena jew l-avukat tiegħi nagħmel mistoqsijiet lix-xhieda l-oħra fil-kawża tiegħi? Nista’ jiena jew l-avukat tiegħi nimpunja dak li jgħidu?

It-tnejn li intom tistgħu tagħmlu mistoqsijiet u tixħtu dubju fuq dak li jgħidu fix-xhieda tagħhom.

Tiġi kkunsidrata l-informazzjoni dwar il-kondotta tiegħi?

Il-kundanni li jinvolvu total ta’ mhux iktar minn sitt xhur priġunerija jiġu kkunsidrati jekk jingħata verdett ta’ ħtija u meta l-qorti tkun qed tiddeċiedi s-sentenza.

Jiġu kkunsidrati kundanni preċedenti fi Stat Membru ieħor?

Dawn jiġu kkunsidrati biss jekk tniżżlu fil-kondotta tiegħek.

X’jiġri fi tmiem il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

X’inhuma l-eżiti possibbli tal-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-liberazzjoni mill-akkużi tal-konvenut, meta l-qorti ma tkunx konvinta jew ikollha dubju dwar jekk ikunx wettaq id-delitt, jew għal raġunijiet legali oħrajn, u meta jkun hemm raġunijiet sabiex tkun evitata l-piena (eż. fil-każ ta’ rimors ġenwin).

Il-kundanna tal-imputat u l-impożizzjoni ta’ sentenza, meta l-qorti tkun konvinta li l-konvenut wettaq id-delitt.

Il-waqfien tal-proċeduri kriminali fil-każ li l-konvenut imut, il-vittma tirtira l-akkuża, id-delitt jaqa’ taħt preskrizzjoni minħabba limiti ta’ żmien jew ir-reat innifsu jkun soġġett għal amnestija.

Id-dikjarazzjoni li l-prosekuzzjoni kriminali hija inammissibbli, meta jkun hemm deċiżjoni rilevanti preċedenti, meta ma jkun hemm l-ebda akkuża (jekk dan ikun mitlub), talba jew awtorizzazzjoni għal prosekuzzjoni.

Sommarju tas-sentenzi li jistgħu jingħataw

Il-pieni prinċipali: Priġunerija (għal għomor il-konvenut jew għal perjodu ta’ 5-20 sena), għeluq f’istituzzjoni, speċjalment ħabs (10 ijiem-5 snin), taħt arrest (jum - xahar), piena finanzjarja (EUR 150-EUR 15 000), multa (EUR 29-EUR 590), għeluq f’ċentru ta’ detenzjoni għal minorenni jew għeluq f’istituzzjoni ta’ saħħa mentali.

Il-pieni supplimentari: il-privazzjoni tad-drittijiet ċivili, il-projbizzjoni tal-eżerċizzju ta’ professjoni, il-pubblikazzjoni tal-kundanna.

Il-miżuri ta’ sigurtà: Iż-żamma taħt arrest ta’ kriminali meqjusa li mhumiex responsabbli mil-lat kriminali, il-bgħit ta’ persuni dipendenti fuq l-alkoħol u fuq id-droga f’ċentri ta’ detossifikazzjoni, ir-referenza f’ċentri ta’ ħidma, il-projbizzjoni tar-residenza f’żona partikolari, id-deportazzjoni taċ-ċittadini barrani u l-konfiska tal-assi.

X’inhu r-rwol tal-vittma waqt il-proċess quddiem il-qorti kriminali?

Il-vittma tipparteċipa bħala parti fil-kawża jew bħala xhud. Bħala parti fil-kawża (jew “rikorrent ċivili li jressaq provi kuntrarji”), il-vittma tipparteċipa sabiex titlob kumpens fil-forma ta’ rimedju finanzjarju għal danni emozzjonali jew għal tbatija mentali, jew bħala xhud, il-vittma tipparteċipa biex issaħħaħ il-każ tal-prosekuzzjoni.

Jekk il-vittma tipparteċipa bħala rikorrent ċivili, hija trid tiddikjara dan qabel ma tintalab tagħti x-xhieda tagħha.

L-aħħar aġġornament: 29/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.