Imputati (proċeduri kriminali)

Greċja

Il-kontenut ipprovdut minn
Greċja

Kif jiġu ttrattati r-reati minuri tat-traffiku fit-triq?

Fil-parti l-kbira, il-ksur tar-regoli tat-traffiku, bħal sewqan li jaqbeż il-limitu tal-veloċità, sewqan taħt l-effett tal-alkoħol, nuqqas ta’ użu taċ-ċinturin tas-sigurezza, nuqqas ta’ osservanza ta’ dawl tat-traffiku aħmar jew ta’ sinjal ta’ waqfien (STOP), nuqqas ta’ konformità ma’ regolamenti dwar waqfien jew parking, l-użu ta’ telefon ċellulari waqt is-sewqan, eċċ. jiġi ttrattat amministrattivament. Huwa jiġi ġeneralment ittrattat mill-awtorità kompetenti tal-pulizija.

X’inhi l-proċedura?

Inti tingħata ċitazzjoni, li tikkonferma l-ksur li wettaqt. Fuq iċ-ċitazzjoni jkun hemm imniżżel il-miżura amministrattiva u/jew il-piena finanzjarja li tkun ġiet imposta u mbagħad ikollok tidher quddiem l-awtorità tal-pulizija rilevanti.

X’inhuma l-pieni possibbli?

Il-pieni għal dawk li jinsabu ħatja ta’ ksur tar-regoli tat-traffiku fil-parti l-kbira huma multi amministrattivi (li jvarjaw minn EUR 40 sa EUR 20 000) minbarra l-impożizzjoni ta’ miżuri amministrattivi oħrajn, bħat-teħid tal-liċenzja tas-sewqan jew id-dettalji taċ-ċirkolazzjoni, bħal-liċenzja tal-vettura u l-pjanċi ta’ reġistrazzjoni, għal ċertu perjodu ta’ żmien.

Jinbdew proċeduri kontra ċittadini ta’ Stati Membri oħrajn għal ksur bħal dan?

Jinbdew proċeduri kontra tagħhom jekk ikunu wettqu l-ksur fil-Greċja.

Nista’ noġġezzjona?

Inti tista’ tissottometti l-oġġezzjonijiet tiegħek għall-piena amministrattiva fi żmien tlett ijiem lill-awtorità li tagħha jkun membru l-uffiċjal li jkun impona l-piena. Jekk l-oġġezzjonijiet tiegħek ma jintlaqgħux, inti trid tħallas is-somma rilevanti lill-korp xieraq tal-awtorità lokali.

Barra minn hekk, jekk tkun ġiet imposta miżura amministrattiva, inti tista’ tidher quddiem l-Awtorità tal-Pulizija kompetenti u tiddikjara l-oġġezzjonijiet tiegħek.

Dawn ir-reati jitniżżlu fil-kondotta tiegħi?

Dawn ir-reati ma jintiżżlux fil-kondotta tiegħek peress li jiġu ttrattati fuq il-livell amministrattiv u tkun qed tiġi imposta piena amministrattiva biss.

Links relatati

Ministeru tal-Infrastruttura, tat-Trasport u tan-Networks

L-aħħar aġġornament: 29/02/2024

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.