Imputati (proċeduri kriminali)

Malta

Il-kontenut ipprovdut minn
Malta

A. Fejn isir il-proċess?

Il-proċess isir fil-bini tal-qrati il-Belt Valletta. Skont is-serjetà tal-akkużi li tiffaċċja, jinġiebu proċeduri kontra tiegħek quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali jekk ir-reat jaqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, jew quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Struttorja, jekk ir-reat ma taqax taħt il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali.

Wara li tintemm l-inkjesta fil-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti Struttorja jiġi deċiż jekk ir-reat għandux jiġi ġġudikat mill-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti tal-Ġudikatura Kriminali jew mill-Qorti Kriminali, jiġifieri minn ġurija. F'kull każ, ikun hemm sentenza jew li tikkundanna lill-persuna misjuba ħatja għall-piena rilevanti jew li teħlisha.

B. L-akkużi jistgħu jiġu modifikati? Jekk iva, x’inhu d-dritt tiegħi għall-informazzjoni f’dan ir-rigward?

Iva l-akkużi jistgħu jiġu modifikati. Jekk jiġri hekk ġeneralment u t-tibdil ikun signifikanti, jerġgħu jinħarġu akkużi ġodda fil-konfront tal-persuna u jerġa’ jsir l-eżami mill-ġdid fil-qorti u salv l-eżenzjoni tal-persuna jerġgħu ukoll jittellgħu l-provi mill-ġdid.

C. X’inhuma d-drittijiet tiegħi meta nidher il-qorti?

Id-drittjiet tiegħek meta tidher il-qorti huma li tkun assistit minn avukat tal-fiduċja tiegħek u jekk ma jkollox mezzi jitqabbad wieħed tal-għajnuna legali. Tista’ wkoll tagħżel li tiddefendi l-każ tiegħek ukoll. Dritt ieħor huwa li int tkun preżunt innoċenti sakemm ma jkunx hemm pronunzjament ta’ ħtija mill-Qorti. Għandek id-dritt li tkun assistit minn interpretu u li tagħmel il-kontro eżami tax-xhieda tal-prosekuzzjoni kif ukoll l-eżami tax-xhieda tiegħek. Għandek id-dritt ukoll li tagħżel li ma tixhidx fil-proċeduri li jkunu qed jittieħdu kontra tiegħek.

i. Għandi nkun preżenti fil-qorti? X’inhuma l-kundizzjonijiet biex inkun assenti matul il-kawża tal-qorti?

Iva int għandek tkun preżenti dejjem għas-seduti li jsiru fil-qorti peress li s-sistema tagħna ma tirrikonoxxix proċessi ‘in absentia’. Jekk int tkun indispost milli tattendi minħabba mard jekk inkella minħabba safar jew xi raġuni oħra, int għandek idaħħal rikors il-qorti permezz tal-avukat tiegħek.

ii. X’inhu d-dritt tiegħi għal interpretu u għal dokumenti tradotti?

Jekk il-maġistrat ikun jaf bl-ilsien li bih jitkellem xi xhud li jkun qed jixhed fil-proċeduri tiegħek, huwa stess jista’ jfisser ix-xiehda fl-ilsien li bih id-depożizzjoni tkun qed issir; f’kull każ ieħor, jew b’talba tiegħek, jiġi mqabbad interpretu ġuramentat.

iii. Għandi dritt għal avukat?

Matul is-smiegħ tal-kawża, wieħed mid-drittijiet tiegħek huwa li tkun assistit minn avukat tal-għażla tiegħek a spejjeż tiegħek; jew dak appuntat mill-qorti bħala avukat tal-għajnuna legali.

Jekk m’għandekx mezzi finanzjarji sabiex tħallas avukat tal-għażla tiegħek, għandek tagħmel it-talba tiegħek lill-ġudikant li jivverbalizza fl-atti tal-kawża tali talba jew billi tagħmel it-talba tiegħek lill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Malta u ddaħħal rikors f’ismek sabiex tkun assistit minn avukat tal-għajnuna legali.

F’kawżi sommarji, wara li l-ġudikant jisma’ t-talba tiegħek, jordna li tiġi assistit mill-avukat tal-għajnuna legali tat-turn tal-ġurnata.

F’kawżi li l-portata tagħhom hija istruttorja u/jew kriminali jekk it-talba għall-avukat tal-għajnuna legali tista’ ssir lill-ġudikant li għandu jibgħat it-talba lill-Aġenzija tal-Għajnuna Legali u din għandha ddaħħal nota liema avukat ħa jkun jassistik jew billi tirrikorri għand l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali li ddaħħal rikors f’ismek.  L-avukat tal-għajnuna legali ma jistax jinbidel sakemm ma jkunx hemm xi mpediment leġittimu.

iv. Liema drittijiet proċedurali oħra għandi nkun naf bihom? (eż. preżentazzjoni ta’ persuni suspettati quddiem il-qorti)

Wieħed għandu dritt isejjaħ ix-xhieda tieghu biex jagħtu l-evidenza. Kull min hu f’sensieh jista’ jinġieb bħala xhud, jekk ma jkunx hemm xi eċċezzjoni kontra l-kompetenza tiegħu.

Fuq id-Drittijiet tal-Persuni Suspettati u l-Akkuż, wiehed jista jsib iktar informazzjoni f’Artikoli 534A-534AG ta’ Kodiċi Kriminali, Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta. Minbarra, li dak li diġa’ ktibna meta persuna waqt kull stadju ta’ proċeduri kriminali tiġi arrestata jew detenuta, kull dokument li jinsab fil-pussess tal-Pulizija, li hu relatat mal-każ speċifiku u li hu essenzjali sabiex issir rikuża effettiva tal-legalità tal-arrest jew tad-detenzjoni, għandu jkun disponibbli lill-persuna arrestata jew lill-avukat tagħha.

D. Sentenzi possibbli

Is-sentenzi li tista’ tingħata jekk tinstab ħati ta’ reat huma:

  1. il-priġunerija;
  2. ir-reklużjoni;
  3. l-interdizzjoni;
  4. il-multa.

Jekk tinstab ħati ta’ kontravvenzjoni, il-piena li tista’ tingħata tkun:

  1. id-detenzjoni;
  2. l-ammenda;
  3. iċ-ċanfira jew it-twiddiba.

Hemm ukoll sanzjonijiet alternattivi oħra li jistgħu jingħataw bħal: probation, sentenzi sospizi u ordnijiet fil-komunità.

L-aħħar aġġornament: 20/07/2022

Il-verzjoni bil-lingwa nazzjonali hija ġestita mill-Istat Membru rispettiv. It-traduzzjonijiet saru mis-servizz tal-Kummissjoni Ewropea. Jista' jkun hemm xi tibdil imdaħħal fl-oriġinal mill-awtorità nazzjonali kompetenti li jkun għadu ma jidhirx fit-traduzzjonijiet. Il-Kummissjoni Ewropea ma taċċettax responsabbilta jew kwalunkwe tip ta' tort fir-rigward ta' kull informazzjoni jew dejta li tinsab jew li hemm referenza għaliha f'dan id-dokument. Jekk jogħġbok irreferi għall-avviż legali sabiex tiċċekkja r-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur għall-Istati Membri responsabbli minn din il-paġna.